Il-Qalb ta’ Ġesù

Riflessjoni fuq il-Vanġelu tal-Festa tal-Qalb ta’ Ġesù Sena Ċ
Kitba ta’ Angelo Xuereb

Il-Vanġelu tal-festa tal-Qalb ta’ Ġesù li jinqara fis-sena C huwa meħud mill-Vanġelu ta’ San Luqa, 15, 3-7.

Din is-silta tikkonsisti fil-parabbola qasira  li wieħed iħalli d-disgħa u disgħa u disgħin nagħġa fid-deżert biex imur ifittex in-ngħaġa l-mitlufa. Isibha u jerfagħa fuq spallejh u tant jifraħ li jmur jaqsmu mal-ħbieb u l-ġirien.

Biex nifhmu din il-parabbola jeħtieġ li naraw x’jittratta l-Vanġelu ta’ San Luqa qabilha u warajha u hekk naraw il-kuntest u nifhmuha aħjar. Il-Kapitlu 15 jibda billi jgħid li ħafna pubblikani u midinbin kienu resqin għand Ġesù. Iżda l-kittieba u l-Fariżej kienu jgergru u jgħidu: “Dal-bniedem jilqa’ l-midinbin u jiekol magħhom” (Lq 15,2).  Wara din il-parabbola għandna dawk tad-drakma l-mitlufa u tal-Iben il-Ħali.

Hekk il-messaġġ ta’ din il-parabbola huwa wieħed sempliċi iżda profond. Alla li huwa mqabbel ma’ ragħaj huwa ħanin li jrid li kull midneb jikkonverti. L-Iskrittura tgħidilna: “Ewilla togħġobni  mewt il-ħażin, jgħid is-Sid il-Mulej, u mhux li jerġa’ lura  minn treqatu u jibqa’ ħaj” (Eżek 19,23).

Din il-parabbola turina l-imħabba ta’ Alla għall-midneb hija mill-aktar kbira li mqabbla ma’ wieħed li jħalli disgħa u disgħin nagħaġa biex ifittex waħda mitlufa. Għandna kuntrast bejn in-numri. In-numru wieħed għal fejn disgħa u disgħin huwa l-iżgħar meta jiġi applikat għall-merħla. Dan il-kuntrast iservi biex jurina li għal Alla ma hemm ħadd żejjed. Huwa jħobb lil kulħadd bi mħabba l-aktar kbira  tant li San Pawl jgħidilna li Alla: “irid li l-bnedmin kollha jkunu salvi u jaslu biex jgħarfu s-sewwa” (1 Tim 2, 4).

L-aktar protagonist importanti huwa r-ragħaj. Is-Salm 23 jqabbel lil Alla mar-ragħaj. Insibu miktub: “Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi; xejn ma jonqosni, f’mergħat kollha ħadura jqegħidni” (Salm 23). Bla dubju ta’ xejn in-nagħġa l-mitlufa hija figura tal-bniedem midneb. Bl-għemejjel ħżiena tiegħu flimkien mal-bruda spiritwali jitbiegħed mill-komunità u jfittex it-triq li fiha huwa jippreferi lilu nnifsu minn Alla u mill-oħrajn.

Din is-silta turina kemm Alla jħobb lill-midneb u jridu jikkonverti billi jurina kif ir-ragħaj ittratta man-nagħġa l-mitlufa billi l-ewwel ifittixha sa ma jsibha u : “meta jsibha, jerfagħha fuq spallejh ferħan” (Lq 15, 5). Dan il-ferħ ma jieqafx meta jsibha u   jmur jqiegħidha mal-merħla iżda ikompli billi jsejjaħ il-ħbieb u l-ġirien biex jifirħu miegħu. Il-ferħ tar-ragħaj ma kienx ta’ ftit minuti iżda baqa’ sejjer billi qasmu mal-oħrajn. Wieħed iżomm għalih il-ferħ momentarju iżda jekk ikun kbir jaqsmu mal-oħrajn.

Kristu jagħlaq din il-parabbola billi mill-istorja jasal għal tagħlima qawwija: “Hekk, ngħidilkom, ikun hemm aktar ferħ fis-sema għall-midneb wieħed li jindem milli għal disgħa u disgħin li ma jeħtiġux indiema” (Lq 15, 7).

Forsi wieħed jistaqsi bl-liema mod dan il-Vanġelu għandu x’jaqsam mal-festa tal-Qalb ta’ Ġesù. F’din il-parabbola Sidna Ġesù Kristu juri kif kien qiegħed iġib ruħu mal-pubblikani u mal-midinbin billi jqabbel  lilu nnifsu ma’ ragħaj tajjeb li jfittex in-nagħġa l-mitlufa u jifraħ meta jsibha.

U proprju dan huwa l-messaġġ tal-festa tal-Qalb ta’ Ġesù: Il-qalb hija assoċjata mal-imħabba u proprju din il-festa hija ċelebrazzjoni tal-imħabba tiegħu għalina. L-imħabba tiegħu tant hija kbira li waslitu biex jagħtina ħajtu fuq is-salib fejn ġenbu infetaħ mid-daqqa ta’ lanza tas-suldat u ħareġ demm u ilma.

Din l-imħabba ta’ Ġesù mhix biss għat-tajbin, iżda ukoll għal dawk li tbiegħdu minnu, għal dawk li waqgħu fil-bruda u dawk li tbiegħdu mis-sagramenti. Il-messaġġ huwa ċar.  Avolja l-bniedem  jitbiegħed minn Alla dan dejjem jibqa’ maħbub minnu u dejjem qiegħed isejjaħlu biex ibiddel triqatu.

Id-devozzjoni lejn il-Qalb ta’ Ġesù tfisser li aħna ma neħdux l-atteġġjament tal-Farisin u l-kittieba billi nkunu kuntenti kif aħna u ma jimpurtaniex minn dawk li tbiegħdu minnu jew forsi naslu biex nikkundannawhom. Filwaqt li ma għandna niġġudikaw lil ħadd, nitolbuh għall-konverzjoni ta’ dawk li tbiegħdu minnu biex ma jkomplux iwebbsu qalbhom lejh, iħossuhom maħbubin minnu filwaqt li jindmu u jikkonvertu. It-talb għal dawk li tbiegħdu minn Ġesù huwa forma ta’ appostolat li Ġesù jridna nagħmlu filwaqt li nkunu umli u niftakru li għalih kulħadd huwa importanti; anki dawk li nqatgħu minnu u qegħdin jagħmlu ħsara lill-oħrajn.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading