Minn Fr Michael A. Galea
Fl-1969, Andre’ Frossard, kittieb u ġurnalista Franċiż, beda jsir popolari ħafna mal-kattoliċi għax f’dik is-sena ħareġ ktieb bl-isem: “Alla jeżisti. Iltqajt miegħu.” F’dan il-ktieb huwa jirrakkonta l-konverżjoni tiegħu mill-ateiżmu u l-marxiżmu għall-fidi kattolika. X’ġiegħlu jew x’għenu jħalli d-duttrina komunista u jħaddan it-tagħlim tal-vanġelu?
Mela jum fost l-oħrajn, hu u l-ħabib tiegħu kienu sejrin x’imkien bil-karozza. F’din minnhom, ħabibu (li kien nisrani konvint) waqqaf il-karozza u qallu: “Jien se nidħol ftit f’din il-kappella. Int tista’ tiġi miegħi jew inkella tistennieni.” Andre’ għażel li joqgħod jistennieh. Pero’ wara ftit iddejjaq jistenna u fettillu jagħti titwila fil-kappella. X’ra fil-kappella? Ra xi sorijiet għarkobbtejhom quddiem l-altar maġġur li kien imżejjen b’ħafna ward u bix-xemgħa tixgħel. Fuq l-altar kien hemm Ġesu’ Ewkaristija espost għall-adorazzjoni tal-insara. Naturalment, Andre’ ma fehem xejn minn dak li ra, pero’ ħass jidwu f’widnejh il-kelmiet: “ħajja spiritwali, ħajja spiritwali.” Andre’ jattribwixxi l-konverżjoni tiegħu għal dil-laqgħa qasira iżda diretta li kellu ma’ Ġesu’ Ewkaristija. Għall-aħħar tal-ktieb, Andre’ Frossard jgħid: “Xi ħaġa sabiħa ħafna li pa fil-Kristjaneżmu hija l-Ewkaristija! ‘Nistgħaġeb kif l-imħabba Divina għażlet il-ħobż (l-ikel tal-fqar u tat-tfal) biex tkun tista’ tibqa’ tikkomunika magħna.” Ħa nagħmel erba’ riflessjonijiet.
L-ewwel riflessjoni: Ġesu’ Ewkaristija huwa ikel li jtaffi l-ġuħ spiritwali tagħna. Meta l-qaddisa Madre Tereża rebħet il-premju nobel għall-paċi qalet dawn il-kelmiet: “Meta niġbor persuna mit-triq, aktarx tkun qiegħda tmut bil-ġuħ, nagħtiha platt ross jew biċċa ħobż u hekk inkun taffejtilha l-ġuħ tal-istonku, pero’ hemm ġuħ ieħor: il-ġuħ ta’ persuna rifjutata, il-ġuħ ta’ persuna mkeċċija mis-soċjeta’, il-ġuħ ta’ persuna qiegħda tfittex lil Alla…Kemm hu diffiċli ttaffi dil-kwalita’ ta’ ġuħ. Skont dan id-diskors ta’ Madre Tereża hemm żewġ tipi ta’ ġuħ: il-ġuħ tal-istonku u l-ġuħ spiritwali. Ħa nieqfu ftit fuq il-ġuħ spiritwali. Kulħadd iħossu dal-ġuħ spiritwali anki forsi jekk ma jemmen b’xejn. Andre’ Frossard, li ma kien jemmen b’xejn, quddiem Ġesu’ Ewkaristija ħass jidwu f’widnejh il-kelmiet “ħajja spiritwali” u beda mixja ta’ konverżjoni. Il-katekiżmu tal-Knisja Kattolika jgħidilna: “Ix-xewqa t’Alla hija mnaqqxa fil-qalb tal-bniedem.” Ġesu’ Ewkaristija huwa dan l-ikel li jtaffi dal-ġuħ spiritwali tagħna.
It-tieni riflessjoni: Ġesu’ Ewkaristija huwa ikel li jimpenjana u li jirresponsabilizzana. Xi jfisser? Ifisser li min jieħu bis-serjeta’ lil Ġesu’ Ewkaristija, min jitqarben bis-serjeta’, kapaċi jieħu bis-serjeta’ wkoll il-kmandamenti t’Alla: jiġifieri jħobb lil Alla qabel kollox u qabel kulħadd u jħobb lill-proxxmu tiegħu bħalma jħobb lilu nnifsu u bħalma jħobbna Ġesu’. Wieħed kittieb qal hekk: “Quddiem Ġesu’ Ewkaristija ma nistgħux nagħlqu għajnejna, iżda rridu niftħuhom beraħ biex inkunu nistgħu naraw tajjeb il-bżonnijiet tal-oħrajn. Quddiem Ġesu’ Ewkaristija ma nistgħux norbtu jdejna iżda rridu naqbdu f’idejn xulxin. Min jieħu bis-serjeta’ lil Ġesu’ Ewkaristija lil jrid jieħu bis-serjeta’ l-opri tal-ħniena: kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont bil-għatx u sqejtuni, kont għeri u libbistuni, kont marid jew fil-ħabs u ġejtu żżuruni, kont barrani u lqajtuni.”
It-tielet riflessjoni: L-Ewkaristija hija l-Ħobżna li tqarribn u tgħaqqadna flimkien. Fil-fatt, il-kelma “tqarbin” ġejja mill-verb “qarreb”. Fl-ewwel ittra tiegħu lill-Korintin, San Pawl jgħidilna: “Ħuti, il-kalċi mbierek li fuqu ngħidu l-barka mhumiex xirka mad-demm ta’ Kristu? Għax la l-ħobża hija waħda, aħna, li aħna ħafna, aħna ġisem wieħed; għax minn ħobża waħda nieħdu sehem ilkoll kemm aħna.”
Ir-raba’ riflessjoni: L-Ewkaristija hija ikel li jqawwina fir-ruħ u fil-ġisem. Fl-innu “Nadurawk ja Ħobż tas-sema”, Dun Karm Psaila jindirizza lill-Ewkaristija u jgħidilha: “Inti l-ħlewwa tal-qawwija, Int is-saħħa tal-fqajrin.” Għandi saċerdot ħabib tiegħi li għadda xi snin jaħdem pastoralment l-Italja. Dan irrakkuntali żewġ esperjenzi. L-ewwel waħda: mela kien hemm mara jisimha Angela. Din Angela kienet tmur tieħu sehem fil-quddiesa ta’ kuljum. Darba daħlet fis-sagristija u qaltlu: “Don Giuseppe, kieku ma nieħux sehem fl-Ewkaristija kuljum ma ngħaddix ġimgħa waħda mar-raġel tiegħi, tant hu aħrax miegħi u tant jagħtini mill-agħar.” It-tieni esperjenza: kien hemm social worker brava ħafna u lil dan is-saċerdot ħabib tiegħi qaltlu: “Don Giuseppe, meta nieħu sehem fil-quddiesa, lill-klienti tiegħi nittrattahom ħafna aħjar.”
Nispiċċa…Qabel ma nitqarben, jien bħala saċerdot ngħid minn taħt l-ilsien: “Mulej Ġesu’ Kristu, nitolbok li din it-tqarbina bil-ġisem u bid-demm tiegħek ma tkunx il-kundanna tiegħi, iżda għall-ħniena tiegħek tkun għalija l-ħarsien u l-fejqan ta’ ruħi u ta’ ġismi.” Kemm tkun ħaġa sabiħa kieku napprezzaw l-Ewkaristija u ma nfallux il-quddiesa għal xejn b’xejn!