SOLENNITÀ TAL-ĠISEM UD-DEMM TA’ ĠESÙ
IL-PAPA LJUN XIV
ANGELUS
Pjazza San Pietru
IL-Ħadd, 22 ta’ Ġunju, 2025
Għeżież ħuti, il-Ħadd it-tajjeb!
Illum, f’bosta pajjiżi, qed issir iċ-ċelebrazzjoni tal-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu, il-festa ta’ Corpus Domini, u l-Evanġelju jirrakkonta l-miraklu tat-tkattir tal-ħobż u l-ħut (cfr Lq 9,11-17).
Biex jitma’ lil eluf ta’ nies li ġew jisimgħuh u jitolbuh il-fejqan, Ġesù jistieden lill-Appostli biex jippreżentawlu l-ftit li għandhom, ibierek il-ħobż u l-ħut u jordnalhom iqassmuhom lil kulħadd. Ir-riżultat hu sorprendenti: mhux biss kulħadd jirċievi ikel biżżejjed, imma jifdal ħafna wkoll (cfr Lq 9,17). Il-miraklu, lil hin mill-prodiġju, hu “sinjal”, u jfakkarna li d-doni ta’ Alla, anki dawk l-aktar żgħar, aktar ma naqsmuhom bejnietna, aktar jisseddqu.
Però, aħna u naqraw dan kollu fil-festa ta’ Corpus Domini, nirriflettu fuq realtà ferm aktar profonda. Infatti nafu li fl-għeruq ta’ kull kondiviżjoni umana hemm waħda akbar, li tiġi qabilha: dik ta’ Alla fil-konfront tagħna. Hu, il-Ħallieq, tana l-ħajja, biex isalvana, talab lil waħda mill-ħlejqiet tiegħu biex tkun ommu, ittih ġisem fraġli, limitat, mortali bħal tagħna, u ntelaq f’idejha bħal kull tarbija. Qasam magħna saħansitra l-faqar tagħna, u biex jifdina għażel li juża propju dak il-ftit li stajna noffrulu (cfr Nicola Cabasilas, La vitma di Cristo, IV,3).
Naħsbu ftit kemm ikun sabiħ li meta nagħtu rigal – forsi żgħir, skont il-possibbiltajiet tagħna – naraw li min jirċevih juri apprezzament; kemm inkunu kuntenti meta nisimgħu li, minkejja s-sempliċità, dak ir-rigal jgħaqqadna ferm aktar ma’ dawk li nħobbu. Fl-Ewkaristija, bejnna u bejn Alla, jiġri propju dan: il-Mulej jilqa’, iqaddes u jbierek il-ħobż u l-inbid li nqiegħdu fuq l-Altar flimkien mal-offerta ta’ ħajjitna, u hemm jibdilhom fil-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu, Sagrifiċċju ta’ mħabba għas-salvazzjoni tad-dinja. Alla jingħaqad magħna u jilqa’ bil-ferħ dak li ntuh, jistedinna ningħaqdu miegħu u bl-istess ferħ naqsmu d-don ta’ mħabbtu mal-oħrajn. Hekk – jgħid Santu Wistin – “bħaż-żerreigħa tal-qamħ, miġburin flimkien (…) insiru ħobża waħda u fl-armonija u l-karità nsiru ġisem wieħed ma’ Kristu” (Sermo 229/A, 2).
Għeżież, illejla se nagħmlu l-purċissjoni Ewkaristika. Se niċċelebraw flimkien il-Quddiesa u mbagħad nibdew mixja, nieħdu s-Sagrament Imqaddes madwar it-toroq ta’ beltna. Se nkantaw, nitolbu u fl-aħħar ninġabru quddiem il-Bażilika ta’ Santa Maria Maggiore biex nitolbu bil-ħerqa l-Barka tal-Mulej fuq djarna, fuq il-familji tagħna u fuq l-umanità kollha. Jalla diċ-ċelebrazzjoni tkun sinjal ta’ dawl fl-impenn tagħna biex ta’ kuljum, ibda mill-Altar u t-Tabernaklu, inkunu messaġġiera ta’ komunjoni u ta’ paċi għal xulxin, bil-kondiviżjoni u l-karità.
Wara l-Angelus
Għeżież ħuti,
qed jaslu bla waqfien aħbarijiet allarmanti mill-Lvant Nofsani, l-aktar mill-Iran. F’dax-xenarju drammatiku, li jinkludi lil Iżrael u l-Palestina, hemm riskju li t-tbatija ta’ kuljum tal-popolazzjoni tintesa, speċjalment f’Gaża u f’territorji oħra, fejn l-urġenza ta’ għajnuna umanitarja qed issir dejjem aktar urġenti.
Illum daqs qatt qabel, l-umanità tgħolli leħinha biex tinvoka l-paċi. Hi għajta li titlob responsabbiltà u raġuni, u qatt m’għandha tkun fgata mill-ħsejjes itarrxu tal-armi u tal-kliem retoriku li jinċitaw il-kunflitt. Kull membru tal-komunià internazzjonali għandu responsabbiltà morali: li jwaqqaf it-traġedja tal-gwerra qabel ma din issir dagħbien irreparabbli. Ma jeżistux kunflitti “mbiegħda” meta hemm id-dinjità tal-bniededm fin-nofs.
Il-gwerra ma ssolvix problemi, anzi tkabbarhom u tħalli feriti fondi fl-istorja tal-popli, feriti li jieħdu ġenerazzjonijiet sħaħ biex jitfejqu. Ebda rebħa bl-armi qatt ma tista’ ttaffi l-uġigħ tal-ommijiet, il-biża’ fit-tfal, il-ġejjieni misruq.
Jalla d-diplomazija ssikket l-armi! Jalla n-nazzjonijiet ifasslu l-ġejjieni tagħhom bl-opri tal-paċi mhux bil-vjolenza u l-kunflitti mdemmija!
Insellem lilkom ilkoll, Rumani u pellegrini! Inħoss ferħ jien u nsellem lill-Parlamentari u lis-Sindki li hawn preżenti fl-okkażjoni tal-Ġublew tal-Governanti u l-Amministraturi.
Insellem lill-fidili minn Bogotá u Sampués fil-Kolombja; lil dawk li ġew mill-Polonja li fosthom hemm xi studenti u għalliema ta’ wieħed mill-Istituti Tekniċi fi Krakovja; lill-banda mużikali minn Strengberg, fl-Awstrija; lill-fidili minn Hannover, fil-Ġermanja; lil dawk li se jagħmlu l-Griżma minn Gioia Tauro u lill-adoloxxenti minn Tempio Pausania.
Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb u nbierek lil dawk kollha li llum qed jieħdu sehem fil-festa ta’ Corpus Domini, anki bil-kant, bil-mużika, bl-infjorati, bl-artiġġjanat u, fuq kollox, bit-talb u l-purċissjoni. Grazzi lil kulħadd u l-Ħadd it-tajjeb!
Miġjub għall-Malti minn Joe Huber