Martri tas-Sigriet tal-Qrar

Fid-9 ta’ Ottubru 2021 fil-LAIKOS deher l-artiklu dwar laqgħat bejn il-Knisja Kattolika u l-Gvern Franċiż rigward is-Sigriet tal-Qrar, b’din il-link … https://laikosblog.org/2021/10/09/il-knisja-u-gvern-dwar-is-sigriet-tal-qrar/

B’rabta mas-suġġett, dawn huma ftit mis-saċerdoti li ħallew ħajjithom għall-prinċipju tal-kunfidenzjalità fil-Qrar li hu hekk għażiż għall-Knisja.

Fl-istorja twila tal-Knisja Kattolika, qatt ma nstema’ li konfessur kixef is-sigriet tal-Qrar. Lanqas meta konfessur wasal fi stat li kien mentalment konfuż. Insemmu 4 konfessuri li sofrew il-martirju biex ma jitkellmux dwar id-dnubiet tal-persuni li qerrew għandhom.

San Ġwann Nipomiċenu twieled fil-Bohemia, illum ir-repubblika Ċeka, bejn l-1340 u l-1350 u kien Vigarju Ġenerali tal-Arċidjoċesi ta’ Praga. Ir-re Winċeslaw, aħrax u għjjur, ordna lill-qaddis biex jikxef x’qerret għandu r-reġina u heddu li joqtlu jekk ma jobdiehx. F’tilwima bejniethom għax r-re ried jaħtaf kunvent ħalli l-oġġetti prezzjużi jigħaddihom lil qarib tiegħu, Ġwanni Nipomiċenu żammlu iebes. B’rabja kbira, ir-re ordna li l-qaddis ikun torturat u maqtul, bil-ġisem tiegħu jintefa’ fix-xmara Vltava fl-1393.

San Mattew Correa Magallanes ġie maqtul b’tir fil-Mexico fi żmien il-konflitt imsemmi  Cristero bejn il-gvern u l-Kattoliċi, għaliex irrifjuta li jikxef il-qrariet ta’ priġunieri li kienu rvellaw konta l-gvern. Imwieled f’Tepechitlán fl-1866 serva bħala Kappillan f’diversi villaġġi u parroċċi. Fl-1927 ġie arrestat mill-forzi armati tal-General Eulogio Ortiz. Xi jiem wara, il-ġeneral bagħat lil Dun Mattew iqarar lil grupp ta’ priġunieri qabel l-esekuzzjoni tagħhom u wara ġagħlu jikxef x’qerrew. Dun Mattew nqatel wara li wieġeb le b’mod qawwi. Ġie dikjarat beatu fl-1992 u qaddis fl-2000 miill-Papa San Ġwanni Pawlu II.

Dun Felipe Císcar Puig kien saċerdot minn Valencia, Spanja, imwieled fl-1855, ukoll meqjus martri tas-Sagrament tal-Qrar wara li żamm sigriet il-qrariet fi żmien il-persekuzzjoni reliġjuża tal-Ġwerra Ċivili Spanjola. Fost il-ħafna Kattoliċi fil-provinċja ta’ Valencja, mal-Baħar Mediterran, ġie maqful fil-ħabs f’Awwissu tal-1936. Hemmhekk, patri Franġiskan jismu Andrés Ivars qerr għandu meta qed jistenna li jiġi ġie maqtul. Il-milizja heddew lil Dun Felipe biex jikxef il-qrara tal-patri, imma hu qalilhom: “Agħmlu li tridu, imma m’inix se nikxef u lest immut għal hekk.” Tellgħuh malajr il-qorti u kemm lilu kif ukoll lill-patri ħaduhom b’karozza f’post fejn sparawlhom fit-8 ta’ Settembru tal-1936. Dun Felipe kellu 71 sena u Patri Andrés 51. It-tnejn huma fi proċess għall-beatifikazzjoni.

Dun Fernando Olmedo Reguera wkoll ma riedx jikxef is-sigriet tal-Qrar fi żmien l-istess Gwerra Ċivili Spanjol. Imwieled f’Santiago de Compostela fl-10 ta’ Jannar tal-1873 u ordnat patri Kapuċċin fl-1904, Patri Olmedo ġie maqtul fit-12 ta’ Awwissu 1936. Kien arrestat u msawwat fil-ħabs u mbagħad imġegħel jikxef il-qrariet ta’ oħrajn. Ma ċediex u ġie maqtul f’fortizza barra Madrid wara tribunal popolari. Kien beatifikat f’Tarragona mill-Papa Franġisku fit-13 t’Ottubru 2013.

Is-saċerdot Malti Dun Ġwann Gatt. Anzjani mill-Furjana jirrakkuntaw li bejn il-Furjana u l-Bombi kien hemm monument li jfakkar lil San Ġwann Nipomiċenu. Bħalu Dun Ġwann Gatt, konfessur magħruf, kien qiegħed jimxi fl-inħawi tal-Bieb tal-Bombi wara nżul ix-xemx u f’ħin bla waqt ġie fuqu raġel li beda jinsisti miegħu biex jgħidlu dak li l-mara tiegħu kienet stqarret waqt il-Qrar. Dun Ġwann ipprova kemm felaħ jispjegalu li dak li kien qed jitlob ma jistax iwettqu, u l-aggressur irrabja tant li beda jħaġġar lis-saċerdot u ħallieh għaxi għall-mewt.

L-għada filgħodu ċertu Gustu Borg innota l-ġisem tas-saċerdot imħaġġar kif kien u ttrasportah lejn id-dar tal-Balliju tal-Ordni fil-Furjana. Sfortunatament is-saċerdot miet imma mhux qabel ma żvela l-esperjenza li għadda minnha. L-aggressur qatt ma nqabad. Imma xi snin wara, raġel li kien qed imut fl-Isptar Ċentrali tal-Furjana talab li jagħmel stqarrija fil-preżenza ta’ xhud. Hu stqarr li l-aggressur li kien ħebb għal Dun Ġwann Gatt, biswit il-Bieb tal-Bombi kien hu, u f’siegħa ta’ rabja u minħabba l-għira għal martu attakka lis-saċerdot.

Il-monument li kien hemm fil-Furjana

Minħabba l-analoġija tal-każ kien sar monument fil-Furjana bl-istatwa ta’ San Ġwann Nipomiċenu, li hu l-protettur tal-konfessuri. Sa qabel il-Gwerra kien jinstab eżatt fil-kantuniera tal-Loġoġ, fi Triq San Tumas, kantuniera ma’ Triq Sant’ Anna, jiġifieri mal-loġġa qrib fejn qabel kien hemm is-suq. Din kienet statwa tal-ġebel bil-qaddis wieqaf fuq pedistall għoli u b’anġlu ċkejken b’sebugħ il-werrej quddiem ħalqu, jidher qed isikket. Din l-istatwa inqerdet fl-aħħar Gwerra dinjija meta sar attakk qalil fl-24 t’April 1942. Ħaġa interessanti hi li r-ras tal-istatwa tal-monument tinsab fil-mużew tal-Patrijiet tal-Kapuċċini.

(Ħajr lis-Sur Publio Agius għat-tagħrif dwar il-ġrajja ta’ Dun Karm Gatt u l-monument ta’ San Ġwann Nipomiċenu.)

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading