Omelija tal-Papa Ljun XIV fis-Solennità tal-Qalb ta’ Ġesù.

QUDDIESA U ORDINAZZJONIJIET SAĊERDOTALI
FIS-SOLENNITÀ TAL-QALB IMQADDSA TA’ ĠESÙ
ĠUBLEW TAS-SAĊERDOTI
OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
Bażilika tal-Vatikan, Altar tal-Konfessjoni
Il-Ġimgħa 27 ta’ Ġunju 2025

Illum, Solennità tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù, Jum il-Qdusija tas-Saċerdoti, qed niċċelebraw bil-ferħ din l-Ewkaristija fil-Ġublew tas-Saċerdoti.

Għalhekk, indur qabelxejn fuqkom, għeżież ħuti presbiteri, li ġejtu fuq il-qabar tal-Appostlu Pietru biex tgħaddu mill-Bieb Imqaddes, biex terġgħu xxappu fil-Qalb tal-Feddej l-ilbies tagħkom ta’ mgħammdin u saċerdoti. Għal xi wħud minn dawk preżenti, imbagħad, dan il-ġest hu mwettaq f’jum uniku tal-ħajja tagħhom: dak tal-Ordinazzjoni.

Meta f’dan il-qafas nitkellmu fuq il-Qalb ta’ Kristu nkunu nitkellmu fuq il-misteru sħiħ tal-Inkarnazzjoni, il-Mewt u l-Qawmien tal-Mulej, fdat b’mod partikulari lilna biex nagħmluh preżenti fid-dinja. Għalhekk, fid-dawl tal-Qari li smajna, nirriflettu flimkien fuq kif nistgħu nagħtu sehemna f’din l-opra ta’ salvazzjoni.

Fl-Ewwel Qari, il-profeta Eżekjel ikellimna fuq Alla bħala ragħaj li jgħaddi minn qalb il-merħla tiegħu, jgħodd in-nagħġiet tiegħu waħda waħda: imur ifittex dawk mitlufa, jieħu ħsieb tal-midruba, iwieżen lid-dgħajfa u l-morda (ara Eżek 34:11-16). Hekk fi żmien ta’ kunflitti kbar u terribbli hu jfakkarna li l-imħabba tal-Mulej, li minnu aħna msejħa nħalluh iħaddanna miegħu u jagħġinna, hi universali, u anki f’għajnejh – u allura f’għajnejna wkoll – ma hemmx lok għal firdiet u mibegħda ta’ ebda xorta.

Fit-Tieni Qari (ara Rum 5:5-11), imbagħad, San Pawl, waqt li jfakkarna li Alla ħabbibna miegħu “meta konna għadna dgħajfa” (v. 6) u “midinba” (v. 8), jistedinna nintelqu fl-azzjoni trasformanti tal-Ispirtu tiegħu li jgħammar fina, f’mixja ta’ kuljum lejn il-konverżjoni. It-tama tagħna tissejjes fuq l-għarfien li l-Mulej ma jitlaqniex waħidna: hu dejjem jimxi magħna. Imma aħna msejħin nikkoperaw miegħu, qabelxejn billi nqiegħdu fiċ-ċentru tal-ħajja tagħna l-Ewkaristija, “għajn u quċċata tal-ħajja Nisranija kollha” (Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni dommatika Lumen gentium, 11); imbagħad “meta jirċievu tajjeb is-sagramenti, u l-aktar jekk jersqu sikwit għas-Sagrament tal-Qrar” (Ibid., Digriet Presbyterorum ordinis, 18); u fl-aħħar bit-talb, il-meditazzjoni tal-Kelma u t-taħriġ tal-karità, billi nwaħħdu dejjem iżjed il-qalb tagħna ma’ dik “tal-Missier ta’ kull ħniena” (ibid.).

U dan iġibna għall-Vanġelu li għadna kemm smajna (ara Lq 15:3-7), li fih nisimgħu dwar il-ferħ ta’ Alla – u ta’ kull ragħaj li jħobb skont il-Qalb tiegħu – meta fil-maqjel terġa’ lura mqar waħda min-nagħġiet tiegħu. Hija stedina biex ngħixu l-karità pastorali bl-istess qalb kbira tal-Missier, u nikkultivaw fina x-xewqa tiegħu: li ħadd ma jintilef (ara Ġw 6:39), imma li lkoll, anki permezz tagħna, isiru jafu lil Kristu u jkollhom fih il-ħajja ta’ dejjem (ara Ġw 6:40). Hija stedina biex ningħaqdu b’mod intimu ma’ Ġesù (ara Presbyterorum ordinis, 14), żerriegħa ta’ għaqda bejn l-aħwa, waqt li nerfgħu fuq spallejna lil min intilef, nagħtu l-maħfra lil min żbalja, immorru nfittxu lil min tbiegħed jew baqa’ eskluż, nikkuraw lil min qed ibati fil-ġisem u fl-ispirtu, fi qsim kbir ta’ mħabba li, imwielda mill-ġenb minfud tal-Mislub, tgħannaq lill-bnedmin kollha u timla d-dinja. Il-Papa Franġisku dwar dan kiteb hekk: “Mill-ġerħa tal-kustat ta’ Kristu tissokta tgelgel dik ix-xmara li ma tinxef qatt, li ma tgħaddix, li toffri ruħha dejjem mill-ġdid lil min irid iħobb. L-imħabba tiegħu biss tagħmel possibbli umanità ġdida” (Ittra enċiklika Dilexit nos, 219).

Il-ministeru saċerdotali huwa ministeru ta’ tqaddis u ta’ rikonċiljazzjoni għall-għaqda tal-Ġisem ta’ Kristu (ara Lumen gentium, 7). Għalhekk il-Konċilju Vatikan II jitlob lill-presbiteri biex jagħmlu kull sforz biex “jiġbduhom ilkoll fl-unità tal-karità” (Presbyterorum ordinis, 9), waqt li jġibu l-armonija bejn id-differenzi biex “ħadd […] ma jħoss ruħu barrani” (ibid.). U jirrakkomandalhom li jkunu magħqudin mal-isqof u mal-presbiterju (ibid., 7-8). Fil-fatt, iktar ma jkun hemm għaqda bejnietna, iktar inkunu nistgħu nwasslu anki lill-oħrajn fil-maqjel tar-Ragħaj it-Tajjeb, biex jgħixu bħala aħwa fid-dar waħda tal-Missier.

Santu Wistin, dwar dan, fi prietka li għamel fl-okkażjoni tal-anniversarju tal-Ordinazzjoni tiegħu, tkellem fuq frott hieni ta’ komunjoni li jgħaqqad flimkien fidili, presbiteri u isqfijiet, u li għandu l-għeruq tiegħu f’li nħossuna mifdija u salvati mill-istess grazzja u mill-istess ħniena. Proprju f’dak il-kuntest huwa lissen il-frażi famuża: “Fil-fatt għalikom jiena isqof, magħkom jien Nisrani” (Sermo 340, 1).

Fil-Quddiesa solenni tal-bidu tal-pontifikat tiegħi, esprimejt quddiem il-Poplu ta’ Alla xewqa kbira: “Knisja magħquda, sinjal ta’ għaqda u ta’ komunjoni, li ssir ħmira għal dinja rikonċiljata” (18 ta’ Mejju 2025). Illum qed nerġa’ naqsamha magħkom ilkoll: rikonċiljati, maqgħuda u mibdula mill-imħabba li tgelgel kotrana mill-Qalb ta’ Kristu, ejjew nimxu flimkien fuq il-passi tiegħu, umli u deċiżi, sodi fil-fidi u miftuħa għal kulħadd fl-imħabba, inwasslu lid-dinja l-paċi tal-Irxoxt, b’dik il-libertà li nħossu għax nafu li aħna maħbuba, magħżula u mibgħuta mill-Missier.

U issa, qabel nagħlaq, indur lejkom, għeżież Ordinandi, li minn hawn u ftit tal-ħin ieħor, bit-tqegħid tal-idejn tal-Isqof u b’tiswib imġedded tal-Ispirtu s-Santu, se ssiru saċerdoti. Ngħidilkom xi ħwejjeġ sempliċi, imma li nħosshom importanti għall-futur tagħkom u għal dak tal-erwieħ li se jkunu fdati f’idejkom. Ħobbu lil Alla u lil ħutkom, kunu ġenerużi, imħeġġa fiċ-ċelebrazzjoni tas-Sagramenti, fit-talb, speċjalment fl-Adorazzjoni, u fil-ministeru; kunu qrib tal-merħla tagħkom, agħtu l-ħin u l-enerġiji tagħkom għal kulħadd, bla ma żżommu xejn għalikom, bla ma tagħmlu differenzi, kif jgħallmu l-kustat minfud tal-Imsallab u l-eżempju tal-qaddisin. U dwar hekk, ftakru li l-Knisja, fl-istorja millenarja tagħha, kellha – u għad għandha llum – figuri mill-isbaħ ta’ qdusija saċerdotali: ibda mill-komunitajiet tal-bidu, hi nisslet u għarfet, fost is-saċerdoti tagħha, martri, appostli bla heda, missjunarji u kampjuni tal-karità. Għożżu tant għana: interessaw ruħkom fl-istejjer tagħhom, studjaw il-ħajjiet tagħhom u l-opri tagħhom, imitaw il-virtujiet tagħhom, ħallu ż-żelu tagħhom ikebbiskom, itolbu spiss, b’insistenza, l-interċessjoni tagħhom! Id-dinja tagħna tipproponi wisq ta’ spiss mudelli ta’ suċċess u ta’ prestiġju diskutibbli u inkonsistenti. Tissaħħrux minnhom! Pjuttost ħarsu lejn l-eżempju qawwi u lejn il-frott tal-appostolat, ħafna drabi moħbi u umli, ta’ min fil-ħajja qeda lill-Mulej u lil ħutu bil-fidi u d-dedikazzjoni, u ssoktaw il-memorja tiegħu bil-fedeltà tagħkom.

Fl-aħħar nett ejjew nafdaw lil kulħadd fil-ħarsien matern tal-Imqaddsa Veġrni Marija, Omm is-saċerdoti u Omm it-tama: ħa tkun hi li ssieħeb u twieżen il-passi tagħna, biex ta’ kuljum nistgħu nwaħħdu dejjem iżjed il-qalb tagħna ma’ dik ta’ Kristu, ir-Ragħaj il-kbir u etern.

Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading