MESSAĠĠ TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
LIS-SAĊERDOTI FL-OKKAŻJONI TAL-
JUM DINJI TAL-QDUSIJA TAS-SAĊERDOTI
27 ta’ Ġunju 2025
Solennità tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù
Għeżież ħuti fis-saċerdozju!
F’dan il-Jum tal-Qdusija tas-Saċerdoti, li jiġi ċċelebrat fis-Solennità tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù, indur fuq kull wieħed minnkom b’qalb grata u mimlija fiduċja.
Il-Qalb ta’ Kristu, minfuda għall-imħabba tagħna, hija l-laħam ħaj u li jagħti l-ħajja, li jilqa’ lil kull wieħed minna, u jibdilna fix-xbieha tar-Ragħaj it-Tajjeb. Huwa hemm li nifhmu l-identità vera tal-ministeru tagħna: mixgħula bil-ħniena ta’ Alla, aħna xhieda hienja tal-imħabba tiegħu li tfejjaq, issieħeb u tifdi.
Il-festa tal-lum allura ġġedded fil-qlub tagħna s-sejħa għad-don sħiħ tagħna nfusna għall-qadi tal-poplu qaddis ta’ Alla. Din il-missjoni tibda bit-talb u tkompli fl-għaqda mal-Mulej, li jġedded kontinwament fina d-don tiegħu: il-vokazzjoni qaddisa għas-saċerdozju.
Kif jafferma Santu Wistin, li nagħmlu memorja ta’ din il-grazzja jfisser nidħlu f’“santwarju wiesa’, bla qiegħ” (ara Stqarrijiet, X, 8.15), li mhux sempliċiment iħares xi ħaġa tal-imgħoddi, imma jagħmel dejjem ġdid u attwali dak li hemm fih. Huwa biss jekk nagħmlu memorja illi nistgħu ngħixu u nġeddu dak li l-Mulej tana, u talabna li min-naħa tagħna ngħadduh lil oħrajn f’ismu. Il-memorja torbot il-qlub tagħna mal-Qalb ta’ Kristu u l-ħajja tagħna fil-ħajja ta’ Kristu, biex hekk ikollna l-ħila nwasslu lill-poplu qaddis ta’ Alla l-Kelma u s-Sagramenti tas-salvazzjoni, għal dinja rikonċiljata fl-imħabba. Huwa biss fil-qalb ta’ Ġesù li nsibu l-umanità vera tagħna ta’ wlied Alla u ta’ aħwa ta’ xulxin. Għal dawn ir-raġunijiet, nixtieq illum nagħmlilkom stedina urġenti: kunu bennejja ta’ għaqda u ta’ paċi!
F’dinja mmarkata minn tensjonijiet dejjem jikbru, anki fi ħdan il-familji u l-komunitajiet ekkleżjali, is-saċerdot hu msejjaħ jippromovi r-rikonċiljazzjoni u jnissel il-komunjoni. Li nkunu bennejja tal-għaqda u tal-paċi jfisser inkunu ragħajja li kapaċi jiddixxernu, kapaċi fl-arti ta’ min jaf jiġbor il-biċċiet tal-ħajja li huma fdati f’idejna, biex ngħinu lill-persuni jsibu d-dawl tal-Vanġelu qalb it-taħbit tal-ħajja; ifisser li nkunu nafu naqraw b’għerf ir-realtà, immorru lil hemm mill-emozzjonijiet tal-mument, il-biżgħat u l-moda; ifisser noffru proposti pastorali li jnisslu u jerġgħu jnisslu għall-fidi billi jibnu relazzjonijiet tajba, rabtiet solidali, komunitajiet fejn jilma l-istil tal-fraternità. Li nkunu bennejja tal-għaqda u tal-paċi jfisser ma nimponux ruħna, imma naqdu. B’mod partikulari, il-fraternità saċerdotali ssir sinjal kredibbli tal-preżenza tal-Irxoxt fostna meta tikkaratterizza l-mixja komuni tal-presbiterji tagħna.
Għalhekk nistedinkom illum iġġeddu, quddiem il-Qalb ta’ Kristu, l-“iva” tagħkom lil Alla u lill-Poplu qaddis tiegħu. Ħallu l-grazzja tagħġinkom, ħarsu n-nar tal-Ispirtu li rċivejtu fl-Ordinazzjoni biex, magħqudin miegħu, tistgħu tkunu sagrament tal-imħabba ta’ Ġesù fid-dinja. Tibżgħux mid-dgħufija tagħkom: fil-fatt il-Mulej ma jfittixx saċerdoti perfetti, imma qlub umli, disponibbli għall-konverżjoni u lesti jħobbu kif ħabbna hu stess.
Għeżież ħuti saċerdoti, il-Papa Franġisku reġa’ pproponielna d-devozzjoni lejn il-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù bħala post ta’ laqgħa personali mal-Mulej (ara Ittra enċiklika Dilexit nos, 103), jiġifieri bħala post fejn nieħdu u nsewwu l-kunflitti interjuri tagħna u dawk li qed jifnu d-dinja ta’ żmienna, biex “fiha nsiru tassew kapaċi nidħlu f’relazzjoni ma’ xulxin b’mod san u hieni u nibnu f’din id-dinja s-Saltna tal-imħabba u tal-ġustizzja. Il-qalb tagħna marbuta ma’ dik ta’ Kristu tkun kapaċi tasal għal dan il-miraklu soċjali” (ibid. 28).
Matul din is-Sena Mqaddsa, li tistedinna biex inkunu pellegrini tat-tama, il-ministeru tagħna jkun għammiel iktar ma jkollu għeruqu mniżżla fit-talb, fil-maħfra, fil-qrubija lejn il-foqra, lejn il-familji, lejn iż-żgħażagħ li qed ifittxu l-verità. Tinsewx: saċerdot qaddis iwarrad il-qdusija madwaru.
Nafdakom f’idejn Marija, Sultana tal-Appostli u Omm is-saċerdoti, u minn qalbi nberikkom ilkoll.
Mill-Vatikan, 27 ta’ Ġunju 2025
LJUN PP. XIV
Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard