Qari tal-Ħamis tal-Wieħed u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Il-Ħamis

Qari I
Fi Kristu intom stagħnejtu f’kollox.

1 Kor 1, 1-9

Bidu tal-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

Pawlu, li Alla ried isejjaħlu biex ikun appostlu ta’ Kristu Ġesù, u Sòsteni ħuna, lill-knisja ta’ Alla li qiegħda f’Korintu; lil dawk li tqaddsu fi Kristu Ġesù, imsejħa biex ikunu qaddisin flimkien ma’ dawk kollha li f’kull pajjiż isejħu l-isem ta’ Ġesù Kristu, is-Sid tagħhom u tagħna: grazzja u sliem mingħand Alla Missierna u l-Mulej Ġesù Kristu!

Jiena niżżi ħajr dejjem lil Alla tiegħi minħabba fikom għall-grazzja li Alla takom, lilkom fi Kristu Ġesù; fih intom stagħnejtu f’kollox, f’kull kelma, f’kull għerf daqs kemm ix-xhieda ta’ Kristu kienet imwettqa fikom. Għalhekk m’intom nieqsa minn ebda don, intom u tistennew id-dehra ta’ Sidna Ġesù Kristu. Huwa hu li jwettaqkom sal-aħħar biex tkunu bla ħtija fil-jum ta’ Sidna Ġesù Kristu. Alla jżomm kelmtu, minnu kontu msejħin biex tidħlu fix-xirka ta’ Ibnu Sidna Ġesù Kristu!

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm Responsorjali
Salm 89 (90), 3-4.12-13.14 u 17

R/. (ara 1b): Inbierek ismek għal dejjem ta’ dejjem, Mulej

Kuljum irrid inbierkek,
u nfaħħar ismek għal dejjem ta’ dejjem.
Kbir il-Mulej, ta’ min ifaħħru bil-bosta,
bla tarf il-kobor tiegħu. R/.

Nisel lil nisel isebbaħ għemilek,
u s-setgħa tiegħek ixandru.
Il-ġmiel u l-kobor tas-sebħ tiegħek iħabbru,
u fuq l-għeġubijiet tiegħek jitħaddtu. R/.

Il-qawwa tal-għemejjel tiegħek tal-biża’ jxandru;
u jien fuq l-għemejjel kbar tiegħek nitħaddet.
It-tjubija tiegħek bla qjies ifakkru,
jgħajtu bil-ferħ minħabba l-ġustizzja tiegħek. R/.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Mt 24, 42a.44

Hallelujah. R/. Hallelujah
Ishru u kunu lesti,
għax qatt ma tistgħu tobsru s-siegħa
li fiha jiġi Bin il-bniedem.
R/. Hallelujah

Evanġelju
Kunu lesti.

Mt 24, 42-51

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Ishru, mela, għax ma tafuhx il-jum li fih jiġi Sidkom. Kunu afu dan, li kieku sid id-dar kellu jkun jaf f’liema sahra tal-lejl se jiġi l-ħalliel, kien jishar u ma jħallix min jinfidlu l-ħitan ta’ daru. Mela kunu lesti intom ukoll, għax qatt ma tistgħu tobsru s-siegħa li fiha jiġi Bin il-bniedem. Intom min tgħidu li hu l-qaddej fidil u għaqli? Min hu dak li s-sid iqiegħdu fuq niesu biex jagħtihom jieklu fil-ħin? Hieni dak il-qaddej li sidu jiġi u jsibu jaqdi dmiru. Tassew, ngħidilkom, li jafdalu ġidu kollu f’idejh.

Iżda jekk dak il-qaddej ħażin jibda jgħid f’qalbu: “Sidi jiddawwar ma jiġi”, u jaqbad isawwat lil sħabu l-oħra, u jiekol u jixrob mas-sakranazzi, sid dak il-qaddej jasal f’jum li hu ma jkunx jistennieh, f’siegħa li fiha jieħdu għal għarrieda, u jagħmlu bċejjeċ u jagħtih il-kastig li ħaqqhom in-nies ta’ wiċċ b’ieħor: hemmhekk ikun hemm il-biki u t-tgħażżiż tas-snien”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu

3 thoughts on “Qari tal-Ħamis tal-Wieħed u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena”

  1. Ma ghandix kliem xi nghid ghax kulhadd nesha li ma ahniex ghal hawn. Jixxalaw u jahdmu w jsiefru. W biex nghidu kollox anka min jmexxi qed jinsew li bdawn il festi tal Qaddisin, mhumiex jindunaw li l ispirtwal byebye. Jien tfal ghandi w naf xqeda nghid. L ezempju taghna biss nistghu naghtu tomgha gdid. Ghax ahna l kbar bi ftit sforz tat talb nghinu lil ta madwarna

  2. Jien nhosni ma nafx kif ser nasal biex xi whud jifmu li ma ahna ha niehdu xejn maghna. Kulhadd mitluf fejn sejrin holidays ghax min wahda jigu w ohra jmorru. Xoghol wiehed full-time w xi part time jek mhux izjed. Festi galore ghax Alla Jbierek lanqas min jmexxi mhu qed jinduna, li l ispiritwal byebye. Ara daqsxejn fejn wasalna. Jien tfal ghandi w naf xqeda nghid. Mhemx xtaghmel hlief nipprova naghti ezempju bl imgieba w nitolbu t talba tR Ruzarju ghal bzonn taghhom.

  3. Jien jimpresjonani dan il qari. Ghalija nipprova nzomm il bagalja lesta. Dan il messag inridu ahna nwasluh lil l ohrajn. Ghax tant hawn nies li huma mitlufa fuq gid u xalar, fejn jahsbu li mhux ser jmutu

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading