VIŻTA PASTORALI F’ALATRI
QUDDIESA GĦALL-FIDILI TAĊ-CIOCIARIA
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Il-Ħadd, 2 ta’ Settembru 1984
“O Alla, Missierna, unika għajn ta’ kull don perfett, qanqal fina l-imħabba lejk u ħeġġeġ mill-ġdid il-fidi tagħna”.
1. Hekk tlabna flimkien, għeżież ħuti, tad-dijoċesi ta’ Alatri, fit-talba ta’ din il-quddiesa li llum ingħatali li niċċelebra għalikom. Il-liturġija tallum qegħdet fuq xuftejna u fi qlubna din it-talba ferm sabiħa: “Qanqal fina l-imħabba . . . ħeġġeġ mill-ġdid il-fidi tagħna”.
Ejjew b’dan il-mod nidħlu, minnufih, f’sintonija mat-tema tas-Sinodu, li se jkun iċċelebrat fil-jiem li ġejjin: “Il-Knisja ta Alatri, komunità ta’ fidi u ta’ mħabba”. Kif nistà ma narax f’din it-talba, li, waqt li ġejt fostkom għall-ewwel darba, ippronunzjajt illum f’nofs l-laqgħa festiva tagħkom, ma narahiex bħala sinjal mis-sema, li huwa ta’ awgurju ferrieħi għal din il-ġrajja ekkleżjali li sejrin tiċċelebraw? L-Isqof tagħkom, is-saċerdoti kollha tad-dijoċesi, Ir-rappreżentanti tal-kategoriji differenti tal-lajkat kattoliku, se jiddedikaw l-jiem tas-Sinodu għall-istudju tal-attenzjonijiet, tal-metodi, tal-esiġenzi sabiex tinfirex fil-komunità tagħkom l-ħajja tal-fidi u tal-imħabba: u llum, flimkien magħkom, jien, l-Isqof ta’ Ruma ġejt Alatri bħala vigarju u rappreżentant ta’ Kristu fl-art, tlabt propju għal dan il-għan għad-dijoċesi kollha tagħkom: “O Alla, Missierna . . . qanqal fina l-imħabba . . . ħeġġeġ mill-ġdid il-fidi tagħna”.
F’din is-siegħa ta’ ferħ, għalija b’mod speċjali u għalikom, fil-premonizzjoni ta’ din il-koinċidenza, jiena nsellem lilkom ilkoll hawn preżenti: l-awtoritajiet ċivili u militari, il-monsinjur Isqof Umberto Florenzani, lill-kappillani u l-presbiteri kollha, ir-reliġjużi rġiel u nisa, il-missirijiet u l-ommijiet ta’ familja, liż-żgħażagħ tant għeżież għal qalbi, il-ħaddiema, l-esponenti tal-kultura, l-anzjani, u b’mod speċjali l-morda, li ħdejn soddithom irrid insib ruħi ndividwalment biex nesprimilhom imħabbti. Dan huwa jum storiku, dan tallum, għad dijoċesi u belt ukoll storika ta’ Alatri, li mibnija bi kburija madwar l-Akropoli tagħha u tiffaċċja fuq ix-xefaq tal-muntanji Erniċi, waqt li tħaddan il-wied fertili u pittoresk ta’ din l-art imbierka taċ-Ciociaria. It-tislima tiegħi tmur għad-dijoċesi kollha, għall-komunitajiet differentil li jiffurmaw it-territorju u jiddistingwu ruħhom għall-operożità u l-impenn tax-xogħol ta’ kuljum, għall-imħabba tat-tradizzjonijiet antiki tagħhom ta’ ċiviltà u ta’ reliġjon, u b’mod speċjali għall-fedeltà lejn il-Knisja.
Għal kulħadd, illum, minn din l-Akropoli qaddisa, l-Isqof ta’ Ruma talab: “Qanqal fina l-imħabba . . . ħeġġeġ mill-ġdid il-fidi tagħna”!
O iva, jalla l-Knisja ta’ Alatri f’dan il-post-Konċilju, u waqt li tiġbor il-frott tal-Ġublew straodinarju tar-redenzjoni, issir dejjem iżjed “komunità ta’ fidi u ta’ mħabba”!
2. Il-program għall-ħajja ta’ fidi kien imfassal minn San Pawl fis-silta mill-ittra lir-Rumani, li smajna bħala t-tieni qari:
“Nitlobkom l-aħwa, għall-ħniena ta’ Alla, offru ġisimkom b’sagrifiċċju ħaj, qaddis, jogħġob lil Alla, iġifieri l-qima spiritwali tagħkom. Timxux max-xejra ta’ din id-dinja, inbidlu skont it-tiġdid ta’ fehmietkom, biex iseħħilkom tagħrfu x’inhi r-rieda ta’ Alla, x’inhu t-tajjeb li jogħġbu, x’inhu perfett” (Rm 12, 1-2).
Hawn hu, ħuti għeżież. Il-fidi nisranija hija qabel kollox offerta tagħna nfusna bħala sagrifiċċju ħaj: għaliex Alla, qabel kollox, jitlob qalbna; jistenna lilna, il-persuna tagħna, ix-xogħol tagħna, it-tbatijiet tagħna. Hekk jeżerċita ruħu s-saċerdozju rjali, li għalih il-Konċilju Vatikan II stedinna lkoll, inkluż il-lajkat. U infatti, meta jitkellem dwar l-irwol tal-lajċi fil-Knisja , innota li “l-opri kollha tagħhom, it-talb u l-inizjattivi apostoliċi, il-ħajja konjugali u familjari, ix-xogħol ta’ kuljum, is-solliev spiritwali u korporali, jekk imwettqin fl-Ispirtu, u saħansitra l-abbużi tal-ħajja jekk imġarrba bis-sabar, isiru sagrifiċċji spiritwali li jogħġbu lil Alla permezz ta’ Ġesù Kristu” (Lumen Gentium, 34).
B’tali mod il-ħajja tagħna, għalkemm moħbija, għalkemm monotona, għalkemm insinifikanti fl-għajnejn tal-bnedmin, issir b’mod straordinarju prezzjuża quddiem Alla: issir adeżjoni miegħu, ma kelmtu ta’ verità u mal-messaġġ evanġeliku tiegħu; issir adeżjoni konvinta mal-Knisja mqaddsa u mal-maġisteru tagħha; issir sagrifiċċju kontinwu, f’għaqda ma’ dak ta’ Ġesù: issir ċaħda ta’ żbalji u ideat li jmorru kontra l-kelma ta’ Alla, waqt li jagħmlu ilqugħ, mal-valuri eterni, lill-psewdo-valuri li “l-mentalità ta’ dan is-seklu” trid tikkuntrasta bihom lir-rivelazzjoni indefettibbli, billi tmur kontra l-qdusija tad-drawwiet, ir-rispett tal-ħajja umana fil-forom kollha tagħha, diġa mill-konċepiment, l-indissolubiltà u s-sagralità taż-żwieġ, eċċetra.
“La tikkonfermawx . . . imma inbidlu”, iħeġġiġna San Pawl: u allura il-fidi tittraduċi ruħha fi prattika affettiva, koerenti, deċiża, fl-“iddixxernar tar-rieda ta’ Alla, jiġifieri dak li hu tajjeb, minnu milqugħ u perfett”.
Dan il-kliem, jiena ċert, li jaqà fikom, ħuti ta’ Alatri, bħal fuq l-art tajba tal-parabbola (cf. Mt 13, 8.23). Il-fidi kienet u hi l-patrimonju l-iktar prezzjuż tad-dijoċesi tagħkom. Bid-devozzjoni tagħkom tal-patrun tad-dijoċesi, San Sistu I, papa u martri, Ruman minn twelidu u isqof ta’ Ruma, intom intom u tħossukom marbutin bi rbit speċjalissmu mal-Knisja ta’ Ruma, Il-fdalijiet tiegħu waslu għandkom, meraviljożament fil-11 ta’ Jannar 1132, fi żmien l-isqof Pietru, u kienu skoperti mill-ġdid nhar il-11 ta’ Marzu 1584, eżattament erbà sekoli ilu, mill-isqof Danti” qegħdin għalhekk tiċċelebraw iċ-ċentinarju ta’ din is-sejba mill-ġdid. Nawguralkom ilkoll li t-tifkira ta’ dawk il-ġrajjiet tkun għalikom ilkoll stimulu qawwi biex iġeddilkom mill-ġdid il-fidi – il-fidi li minn Alla, fi Kristu, ikkomunikalna mill-Knisja waħda, qaddisa, kattolika u apostolika – biex ngħixu l-fidi fil-forom kollha tal-ħajja individwali u kollettiva, familjari u soċjali, pubblika u privata, b’mod li d-dijoċesi tkun tistà tagħti tassew lil Alla il-“kult spiritwali” tiegħu, u tkun dik il-“komunità ta’ fidi” li s-Sinodu li jmiss irid mill-ġdid iġedded u jikkonsolida.
3. Mill-fidi titwieled l-imħabba: hawn hu mela dan it-tieni pern insostitwibbli tal-“komunità ta’ mħabba”, li huwa wkoll għan tas-Sinodu dijoċeżan.
Il-qari tal-quddiesa ta’ dan il-Ħadd jagħtina tagħlim qawwi ħafna fuq it-totalitarjetà tal-imħabba, li Alla jitlobna. Il-profeta Ġeremija, fis-silta moqrija li kienet deskritta bħala l-“istqarrijiet” tiegħu, jagħraf f’termini drammatiċi l-qawwa tal-imħabba ta’ Alla, li sejjaħlu biex jipprofetizza għall-konvertżjoni tal-poplu tiegħu: “Qarraqtni Mulej, u jien tqarraqt . . . Iżda f’qalbi hemm bħal nar jaqbad magħluq f’għadmi. Għejjejt inżommu magħluq ġo fija, ma niflaħx iktar għalih” (Ġer 20, 7.9). Il- profeta wieġeb pjenament għas-sejħa ta’ Alla, li għamlitu wkoll sinjal ta’ kontradizzjonki, ħalla lilu nnifsu “jinħataf” minn Alla, li miegħu ntrabat bil-qawwiet kollha tiegħu.
Daqstant ieħor jitlob lilna Ġesù Kristu, Bin il-Missier: “Jekk xiħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa salibu u jimxi warajja. Għax min irid isalva ħajtu, jitlifha, imma min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi, isibha . . . Xi prezz se jagħti l-bniedem biex isalva ruħu?” (Mt 16, 24ss.).
Hemm bżonn li nsegwu lil Kristu bil-qawwa tal-imħabba. Hemm bżonn nagħtu imħabba għal imħabba. Għaliex huwa kien l-ewwel li ħabbna: mexa għal imħabbtu lejna it-triq tas-salib, billi pprovda minn qabel il-partikolari dolorużi kollha, u billi oppona b’mod riżolut għall-interpretazzjonijiet riduttivi u għall-pariri ta’ prudenza umana li saħansitra Pietru kien fittex li jagħti. Min iktar minn Pietru kien ipprivileġġjat minn Kristu? Bdanakollu huwa saħansitra jsejjaħlu “Satana”, meta jfittex li jiżvija lill-Imgħallem mit-triq irjali tas-salib. Hawn hu kemm ħabbna Ġesù Kristu: bi prezz ta’ demmu stess, bl-ubbidjenza offruta lill-Missier bla ma jitlob xejn għalih.
Ukoll lil kull wieħed u waħda Ġesù jitlob it-totalità tad-don tagħna nfusna: jitlobna nsegwuh fuq il-“via crucis” ta’ kuljum tagħna, li ma niċħdulux dawk il-konkwisti, mwettqa kultant ukoll bi prezz ta’ eroiżmi moħbija, li huwa jesiġi minn min irid jibqà fidil, dejjem u akkost ta’ kollox; jitlobna nġorru s-salib ta’ ħajjitna ta’ kuljum, mingħajr ma nimxu lura, iggranfati miegħu biex ma naqgħux sfiduċjati jew għajjiena, ferm inqas bla ma nittraduh qatt, fil-prospettiva tal-ħaqq finali: “Ladarba huwa Bin il-bniedem – hekk jintemm il-Vanġelu tallum – li se jiġi fil-glorja ta’ Missieru . . . u jagħti lil kull wieħed skont l-azzjonijiet tiegħu (Mt 16, 27). U, kif ingħad, se nkunu ġġudikatu fuq l-imħabba.
Imħabba lil Alla “b’qalbna kollha, b’ruħna kollha, b’moħħna kollu”; imħabba lil ħuna, bħalna nfusna (cf. Mt 22, 37.39). “Għal din l-imħabba ta’ Alla u tal-proxxmu huwa l-ewwel u l-ikbar kmandament – kompla jinsisti l-Vatikan II –. Anzi, il-Mulej Ġesù, meta jitlob lill-Missier sabiex ilkoll ikunu ħaġa waħda, kif jien u int aħna ħaġa waħda” (Ġw 17, 21-22) . . . issuġġerilna ċerta similitudni bejn l-għaqda tal-persuni divini u l-għaqda ta’ wlied Alla fil-verità u fil-karità. Din is-similitudni turi li l-bniedem li fl-art huwa l-unika krejatura li Alla ried għalih stess, ma tistax issib lilha nfisha għal kollox jekk mhux “permezz ta’ don sinċier tagħha nfisha” (Gaudium et Spes, 24).
4. “O Alla, missierna, qanqal fina l-imħabba u ġedded il-fidi tagħna”.
Din it-talba ngħolli lill-Mulej għalikom u magħkom, f’din il-quddiesa, issa fil-bidu tas-Sinodu dijoċeżan ta’ Alatri. U dan il-program, bażilari u insostitwibbli għall-ħajja tal-Knisja kollha, inħallilkom bħala tifkira tal-miġja tiegħi fostkom.
Kunu fidili, għeżież ħuti!
Fidili dejjem, bla ma tikkonformaw mal-mentalità ta’ dan is-seklu.
Fidili dejjem, fit-trasformazzjoni ta’ moħħkom, u kunu sagrifiċċju ħaj, qaddis u li jogħġob lil Alla.
Fidili fis-segwitu tas-salib ta’ Kristu.
Billi tqegħdu lil Alla fl-ewwel post. “O Alla, int Alla tiegħi, mas-sebħ infittxek, / ruħi għatxana għalik, / ġismi xewqan għalik . . . / Għaliex il-grazzja tiegħek tiswa iktar mill-ħajja, / xuftejja jtennu t-tifħir tiegħek. / Hekk se nbirkek sakemm indum ħaj (Salm responsorjali).
Iva, ħuti, hekk ikun għalikom, kull jum ta’ ħajjitkom.
Bil-protezzjoni ta’ San Sistu, papa u martri.
Bl-interċessjoni ta’ Omm Alla, li tant tħobbu, u li tant tħobbkom.
Sabiex tkunu komunità ta’ fidi u ta’ mħabba.
Amen, amen.
Niżżikom ħajr għal din il-laqgħa tagħkom u għall-preżenza tagħkom għaċ-ċelebrazzjoni. Nawguralkom il-ġid kollu tal-ħajja tagħkom saċerdotali, tal-vokazzjoni tagħkom u tal-ministeru tagħkom, li huwa differenti imma huwa dejjem pastorali. Nawguralkom il-grazzja ta’ dan il-ministeru u ta’ din il-ħajja li biha intom ferm qrib ta’ Ġesù għaliex issiru kważi xuftejh, biex tippronunzjaw kliemu, biex “conficere Eucharistiam”, fil-persuna tiegħu, “in persona Christi”. Nawguralkom li tikkuntemplaw dejjem din ir-realtà li hija tagħkom, li hija tagħna, li hija r-realtà tagħna, u li timxu ‘l quddiem f’din ir-realtà lejn l-oħrajn, lejn il-ġenerazzjonijiet il-ġodda, lejn iż-żgħażagħ li jridu huma wkoll iservu lil Kristu u, “in persona Christi”, il-poplu ta’ Alla u d-destini soprannaturali tiegħu; id-destini terrestri bħala viatores u mbagħad id-destini eterni, bħala contemplatores tat-Trinità Qaddisa, Nawguralkom li jkollkom din il-fidi, li tapprofonduha dejjem, li ssibu fiha l-qawwa għalikom stess, għas-saċerdozju tagħkom u għall-poplu ta’ Alla, għall-oħrajn kollha.
Dawn huma l-wegħdi tiegħi lill presbiterju tal-Knisja ta’ Alatri u għall-mistednin kollha preżenti, b’mod speċjali lejlet is-Sinodu li diġa ftaħna.
Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb