Kitba ta’ Angelo Xuereb
Jekk nqallbu l-Iskrittura naraw xebh kbir bejn il-profeta Elija u Ġwanni l-Battista.
Elija
Huwa ferm diffiċli li tiġbor il-ħajja ta’ Elija fi ftit versi iżda ngħidu xi ħaġa żgħira fuqu. Wettaq il-ministeru tiegħu ta’ profeta fis-Saltna ta’ Fuq matul ir-renju ta’ Aħab u Oħożija. Ma beżax jwissi lil dawn is-slaten meta dawn żbaljaw u għalhekk bata. Fost il-ħafna ġrajjiet li għadda minnhom insibu l-konfront li kellu fuq il-muntanja Karmel mal-profeti ta’ Bagħal u kif dawn talbu għal xejn lil Alla biex jibgħat nar mis-sema biex jaħraq is-sagrifiċċju. Iżda għal talbu nar mis-sema niżel biex jaħraq tiegħu. Iżda minħabba Jeżabel, mart Aħab, kellu jaħrab mis-Saltna ta’ Fuq u mar fuq il-muntanja Horeb. Hemmhekk Alla kellmu mhux permezz ta’ terremot, tar-riħ, jew tas-sajjetti iżda permezz ta’ żiffa ħelwa. L-Iskrittura tgħidilna li ma rax il-mewt iżda ġie meħud fis-Sema permezz ta’ karru u żwiemel tan-nar filwaqt li ħalla l-mantar tiegħu lil Eliżew. Dan kien digà ħatru skont l-ordni ta’ Alla bħala s-suċċessur tiegħu. Ta’ min jinnota li billi ma nsibux rakkuntata fl-Iskrittura l-mewt ta’ Elija, fost il-poplu Lhudi kien hemm stennija kbira li dan il-profeta għandu jerġa’ jiġi. Il-Profeta Malakija jurina ċar dan it-twemmin meta jgħid: “Ara, Jien se nibagħatilkom lil Elija l-profeta qabel ma jasal jum il-Mulej, kbir u tal-biża’. U hu jreġġa’ qalb il-missirijiet għal uliedhom u qalb l-ulied għal missirijiethom, li ma niġix u nidrob l-art kollha tifrik” (3,23).
Ġwanni l-Battista, Elija l-Ġdid
Il-Battista kellu jkun l-aħħar profeta li jgħaqqad it-Testment il-Qadim mal-Ġdid u għalhekk kellu jkompli l-missjoni ta’ Elija. Dan narawh sa mit-tħabbira ta’ Ġwanni mill-anġlu Gabrijiel lil Żakkarijia meta qallu: “Hu jimxi quddiemu bl-ispirtu u s-setgħa ta’ Elija, biex ireġġa’ qlub il-missirijiet lejn uliedhom u lil dawk ta’ rashom iebsa għall-għaqal tan-nies sewwa, biex iħejji lill-Mulej poplu mrawwam” (Lq 1,17). Sidna Ġesù stess jgħidilna: “U, jekk tridu temmnuni, dan hu Elija li għandu jiġi” (Mt11,14). Jerġa’ jafferma l-istess fil-ġrajja tat-Trasfigurazzjoni meta jgħid: “‘Elija għandu jiġi, iva, u jrodd kollox għal dak li kien, u ngħidilkom li Elija digà ġie, u ma għarfuhx, imma għamlulu kull ma riedu. Hekk ukoll Bin il-Bniedem għad ibati minħabba fihom’. Imbagħad fehmu d-dixxipli li kien qalilhom fuq Ġwanni l-Battista” (Mt 17, 11-13).
Dan ifisser li kif Elija kien profeta kbir hekk ukoll l-Battista kellu jkun jixbħu fiż-żelu għal Alla u għat-tiġdid spiritwali. Sant’Ambroġ f’Ittra lill-Knisja ta’ Vercelli jgħidilna: “Hekk anki fil-Knisja. Għalkemm il-persuni jissuċċiedu wieħed lil ieħor, is-saċerdozju jibqa’ l-istess” (Ittra 63).
B’dan il-mod dan id-Duttur tal-Knisja jrid jgħidilna li għalkemm Ġwanni l-Battista ma kienx Elija, madankollu kellu jkompli l-missjoni tiegħu. U għalhekk nistgħu nagħmlu xebh bejn dawn iż-żewġ persunaġġi kbar mimlija ħeġġa għat-tiġdid spiritwali.
L-ewwel xebħ huwa li l-Elija qatta’ xi żmien fid-deżert filwaqt li Ġwanni wettaq il-missjoni tiegħu tal-predikazzjoni u l-magħmudija tal-indiema fid-deżert. Anki fl-ilbies jixxiebhu. Elija kien jilbes libsa tax-xaghar u ħżiem tal- ġild filwaqt li l-Battista kellu fuqu libsa tax-xaghar tal-ġemel u ħżiem tal-istess materjal. Kif Elija kkonfronta lil Aħab hekk ukoll Ġwanni ma beżax minn Erodi li kien jgħix ħajja ħażina. It-tnejn ħeġġew lil kulħadd biex jindem u jdur lejn Alla. It-tnejn batew għall-valuri spiritwali. Filwaqt li Elija kellu jaħrab biex isalva ħajtu mis-Saltna ta’ Fuq hekk ukoll l-Battista spiċċa l-ħabs u sofra l-martirju. It-tnejn ma rawx kif ser jgħixu ħajja ta’ kumdità iżda ħabbew lil Alla aktar minn ħajjithom stess. Fuq kollox Ġwanni huwa aqwa minn Elija billi hejja b’mod dirett il-miġja ta’ Kristu u ta’ xhieda tiegħu bħala l-Ħaruf ta’ Alla. Għalhekk jissejjaħ il-Prekursur.
It-tnejn jgħallmuna
Dawn iż-żewġ persunaġġi jgħallmuna li ma għandniex ninġarru mill-kurrent ta’ valuri mgħawgin ta’ din id-dinja. Iżda nħobbu lil Alla fuq kollox u dak li huwa ħażin ngħidu li huwa ħażin.
Il-ħajja ta’ faqar li kienu jgħixu tgħallimna li għandna ngħixu ħajja sempliċi u li hija ffukata fuq Alla u mhux fuq il-ħwejjeġ materjali biss. Dawn huma wkoll importanti iżda għandhom iservuna ta’ mezz u mhux ta’ skop.
Il-ħajja tagħhom fid-deżert tgħallimna li għandna nfittxu ftit ħin ta’ skiet matul il-jum biex inħallu lil Alla jkellimna. U b’hekk ngħixu ħajja miġbura u ma jkollniex moħħna mxerred fuq elf ħaġa minbarra fuq Alla. Filwaqt li nfaħħru lil dawn iż-żewġ persunaġġi ta’ dak li għamlu żmien ilu niftakru li l-messaġġ tagħhom għadu attwali.