VJAĠĠ APOSTOLIKU FIL-KANADA
QUDDIESA FL-UNIVERSITÀ KATTOLIKA «LAVAL»
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Campus tal-Università Kattolika «Laval» ta’Québec
Il-Ħadd, 9 ta’ Settembru 1984
1. “Int il-Messija, Bin Alla l-ħaj!” (Mt 16, 16).
Dan il-kliem kien ippronunzjat l-ewwel darba fl-inħawi ta’ Ċesarea ta’ Filippu, bi tweġiba għall-mistoqsija ta’ Ġesù” “In-nies min jgħidu li hu Bin il-bniedem?” (Mt 16, 13).
Dan il-kliem ippronunzjah Xmun Pietru fl-art tal-Galilea, Wara huwa ppronunzjah f’ħafna postijiet oħra. Ippronunzjah f’Ġerusalem, b’mod partikolari fil-jum ta’ Pentekoste, Ippronunzjah f’Antijokja, meta ħalla Ġerusalem. Fl-aħħar ippronunzjah f’Ruma sal-jum li fih kellu jġarrab il-mewt fuq salib, biex jagħti xhieda lill-verità ta’ dan il-kliem.
Dan il-kliem – li jipprofessa l-filjolanza divina ta’ Ġesù Kristu – Xmun Pietru ittrażmettieh b’wirt lill-Knisja. Huwa ttrażmettieh b’mod partikolari lis-suċċessurt kollha tiegħu fuq is-sedja episkopali ta’ Ruma.
2. Bħala Isqof ta’ Ruma, suċċessur ta’ Pietru, nixtieq nippronunzja l-istess kliem illum f’art Kanadiża.
“Int il-Messija, Bin Alla l-ħaj” (Mt 16, 16).
Lill-Isqof ta’ Ruma huwa mogħti li jirfes għall-ewwel darba din l-art, fil-belt ta’ Québec. Hawn bdiet l-evanġelizzazzjoni tal-Canada, Hawn twaqqfet il-Knisja. Hawn kienet l-ewwel dijoċesi tal-Amerka ta’ Fuq kollha. Hawn, bil-qamħ miżrugħ fl-art, beda tkabbir immens.
Hawn hu għaliex nixtieq li, sa mill-bidu ta’ dan il-pellegrinaġġ, aħna niltaqgħu u ningħaqdu f’din il-professjoni ta’ fidi li fuqha hija mibnija l-Knisja ta’ Kristu fuq din l-art:
Il-Messija, Bin il-bniedem, Bin Alla l-ħaj;
l-Iben, tal-istess sustanza tal-Missier: Alla, imwieled minn Alla, dawl imwieled minn dawl; iġġenerat, mhux maħluq, verb etern li permezz tiegħu kollox kien maħluq;
u fl-istess ħin: il-Messija, tassew bniedem.
“Għalina l-bnedmin, u għall-fidwa tagħna, niżel mis-sema; bl-opra tal-Ispirtu Santu ħa l-ġisem fil-ġuf tal-Verġni Marija u sar bniedem”.
Il-Messija: veru Alla u veru bniedem. Din hija l-fidi tal-Knisja.
Il-Messija: mislub taħt Ponzju Pilatu, miet u kien midfun . . .
Il-Messija:fit-tielet jum qam mill-imwiet, huwa telà s-sema, bilqegħda fuq il-lemin tal-Missier, minn hemm għandu jiġi biex jagħmel ħaqq mill-ħajjin u mill-mejtin.
3. Din hija l-fidi tal-Appostli. Din hija l-fidi ta’ Pietru. Din il-fidi hija l-pedament li fuqu nbniet il-Knisja ta’ Alla fuq l-art
Xmun Pietru, li kien l-ewwel wieħed li stqarr din il-fidi fl-inħawi ta’ Ċesarea ta’ Filippu, kien ukoll l-ewwel wieħed li rċieva t-tweġiba ta’ Kristu: “Inti Blata (jiġifieri Pietru) u fuq din il-blata se nibni l-Knisja tiegħi . . .” (Mt 16, 18). Kemm hu sabiħ tismà l-istess appostlu,
Xmun Pietru, fl-ewwel ittra tiegħu moqrija fil-liturġija tallum, tisimghu jirrendi xhieda lil Kristu, jiddisinjah bħala l-blata pedamentali!
Kristu huwa il-“ġebla ħajja” (1 Pt 2, 4).
Din il-ġebla, fis-sewwa, “il-bnedmin warrbuha” (1 Pt 2, 4), eliminata radikalment, sa waslu jikkundannaw lil Ġesù għall-mewt fuq is-salib u biex iwettqu din is-sentenza ftit sigħat qabel l-Għid.
U huwa propju f’dan it-twarrib li hu huwa magħruf għal dak li hu Ġesù, il-Messija, li Alla għażel “bħala ġebla għażiża” (1 Pt 2, 4).
Huwa permezz tiegħu, ġebla ħajja, l-ewwel ġebla, li aħna wkoll impjegati fil-bini ta’ “dar spiritwali” (1 Pt 2, 5).
Iva, aħna ilkoll: “bħala ġebel ħaj”, użati fil-bini li għandu bħala l-ġebla tax-xewka lil Kristu, biex jinbena “saċerdozju qaddis, sabiex joffri sageifiċċji spiritwali li jogħġbu lil Alla, permezz ta’ Ġesù Kristu” (1 Pt 2, 5).
Aħna mela “il-ġens maħtur, is-saċerdozju rjali, in-nazzjon qaddis, il-poplu li Alla kiseb għalih” (1 Pt 2, 9), u dan permezz ta’ Ġesù Kristu li huwa Bin Alla l-ħaj, li huwa veru Alla u veru bniedem, msallab u rxuxtat. Iva, permezz ta’ Ġesù Kristu: huwa hu l-ewwel ġebla tal-bini divin, mibni b’ulied tal-art kollha, li se jinbena għall-eternità fil-glorja li ebda kliem ma jfisser tat-Trinità Qaddisa!
Jibda minn Ġesù Kristu, li huwa l-blata ħajja, jinfetaħ dan il-ġejjieni aħħari tal-bini tagħna . . . Tali huwa l-ġejjieni tal-bniedem fuq l-art. Il-ġejjieni ta’ destin divin.
4. Hawn hi mela l-fidi f’Ġesù Kristu li Xmun Pietru ddikjara!
Hawn hi l-fidi fir-rigward tal-Knisja li Xmun Pietru ddikjara!
X’għaqda tal-għaġeb! U x’qawwa f’din il-fidi!
Illum l-Isqof ta’ Ruma, ġie f’art Kanadiża, xewqan li jipprofessa din il-fidi b’qalbu kollha. Huwa jixtieq jagħmel is-sies tal-missjoni tiegħu fostkom, għeżież ħuti, f’din il-belt ta’ Québec u fuq l-art kollha Kanadiża li se nżur wara, f’kull wieħed mir-reġġjuni tagħha.
5. Ninsabu fl-ewwel ċentru tal-Knisja ta’ Kristu fl-Amerka ta’ Fuq. Jacques Cartier, Chaplain u tant oħrajn, kienu telqu minn Franza, u ġabu f’dan il-kontinent il-kultura tagħhom u l-lingwa tagħhom, u kkontribwew biex jintroduċu il-fidi fi Kristu salvatur.
Qaddejja rġiel u nisa ta’ Alla numerużi ġew, sa mill-bidu tal-kolonizzazzjoni, biex jibnu l-bini tal-Knisja fuq artkom. Il-Patrijiet rekolletti, il-Ġiżwiti, is-Suplizjani, l-Orsolini b’Marija tal-Inkarnazzjoni tifres l-esperjenza spiritwali inkomparabbli tagħha. L-Ospidaliera ta’ Dieppe, imbuttati mill-karità ineżawribbli ta’ Katrina ta’ Santu Wistin: dawn ir-reliġjużi rġiel u nisa kienu fost l-ewlenin biex jixhdu l-fidi u l-imħabba qalb il-koloni u qalb l-“Indjani”. Portaturi tal-kelma, edukaturi taż-żgħażagħ. Sammaritani tajba mal-morda, immudellaw il-wiċċ tal-Knisja f’dan il-Pajjiż ġdid. Wieħed setà jitkellem dwar “epika mistika” vera sa mill-ewwel nofs tas-XVII-il seklu. Diversi sa taw ħajjithom sal-martirju. Ħafna oħrajn ingħaqdu magħhom, iġorru l-ġebla ħajja tagħhom għall-bini, spiss fil-faqar, imma imqawwija mill-Ispirtu ta’ Alla.
F’dan il-punt niftakru b’mod partikolari lil François de Montmorency-Laval, vigarju apostoliku. Wara Isqof ta’Québec. Ma nistax ninsa li s-seminarju li jġib ismu huwa fl-oriġini tal-università li qiegħda tilqana f’dan il-waqt, f’dan il-post stupend.
L-antenati tagħkom hawnhekk immudellaw kultura, billi ħadu mis-sorsi ta’ Pajjiżhom. Tul is-sekli, dan il-wirt rabba għeruqu, iddiversifika: laqà l-kontribut propju tal-Amerikani u kiseb profitt mill-preżenza Ingliża f’dan il-kontinent. Dan arrikkixxa ruħu grazzi għall-mewġiet suċċessivi ta migranti li ġew minn kullimkien. Il-poplu tagħkom għaraf jikkunserva l-identità tiegħu, billi baqà miftuħ għal kulturi oħra.
Il-Knisja għarfet jew qiegħda tħejji biex tagħraf il-qdusija ta’ ċertu numru minn dawn il-pijunieri. Dawn huma numru ta’ xhieda risplendenti fost ħafna rġiel u nisa, kredenti umli tal-ħajja ta’ kuljum, li mmudellaw ftit ftit din l-art kif immaġinawha huma skont il-fidi tagħhom.
IL-vitalità u ż-żelu tal-antenati tagħkom minn naħa oħra ggwidahom biex jieħdu iktar ‘il bogħod il-bxara t-tajba: hawn insellem Knisja li għarfet b’mod rapidu iddawwal il-Punent Kanadiż, fin-Nord il-Kbir u f’bosta reġġjuni oħra tal-Amerka. Barra minn dan, hi kellha parti mportanti fl-isforz missjunarju tal-Knisja universali fid-dinja.
Il-mottontagħkom huwa: “Jiena niftakar”. Hemm tassew numru tat-teżori fit-tifkira tal-Knisja, kif ukoll fit-tifkira ta poplu!
Immas għal kull ġenerazzjoni, it-tifkiras ħajja tippermetti l-għarfien tal-preżenza ta’ Kristu li jinterrogana bħal fl-inħawi ta’ Ċesarea: “Intom min tgħidu li jien?”.
6. It-tweġiba għal din id-domanda hija essenzjali għall-ġejjieni tal-Knisja fil-Kanada, u wkoll għall-ġejjieni tal-kultura tagħkom.
Intom tosservaw li l-kultura tradizzjonali – li tikkaratterizza ċerta “kristjanità – splodiet: din infetħet għal pluraliżmu ta’ kurrenti ta ħsieb u trid twieġeb għal domandi multipli ġodda; ix-xjenzi, it-tekniki u l-arti jassumu importanza krexxenti; il-valuri materjali huma omnipreżenti; imma tidher ukoll sensibiltà ikbar fil-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem. Il-paċi, il-ġustizzja, l-ugwaljanza, il-kondiviżjoni, il-libertà . . .
F’din is-soċjetà li tinbidel il-fidi tagħkom, għeżież ħuti, trid titgħallem tesprimi ruħha u tgħix. Dan għidtu lill-isqfijiet tagħkom f’Ottubru li għadda: “Dan iż-żmien huwa ż-żmien ta’ Alla li ma jistax jonqos li jħeġġeġ dak li għandha bżonn il-Knisja tiegħu meta din tibqà disponibbli, kuraġġuża u fit-talb”. Intom tafu tiftakru l-passat tagħkom, il-kuraġġ u l-fedeltà tal-predeċessuri tagħkom, biex min-naħa tagħkom twasslu l-messaġġ evanġeliku fiċ-ċentru ta’ sitwazzjonijiet oriġinali. Intom tafu tqanqlu kultura ġdida, tintegraw il-modernità tal-Amerka bla ma tiċħdu l-umanità profonda ġejja bla dubju mill-fatt li l-kultura tagħkom kienet imżoqqa mil-Kristjaneżmu. La taċċettawx id-divorzju bejn il-fidi u l-kultura. F’dan il-waqt intom imsejħa għal atteġġjament missjunarju ġdid.
7. Il-kultura – u ugwalment l-edukazzjoni, li hija d-dmir primarju u essenzjali tal-kultura – hija r-riċerka fundamentali tas-sabiħ, tal-veru, tal-ġid, li jesprimi fl-aħjar mod il-bniedem bħala “s-suġġett portatur tat-traxxendenza tal-persuna” (cf. Ioannis Pauli PP. II, Allocutio ad Unesco habita, 10, die 2 iun. 1980: Insegnamenti di Giovanni Paolo II, III/1 [1980] 1643), li tgħinu jsir dak li għandu “jkun” u mhux biss li jivvantaġġja ruħu b’dak li “għandu” jew b’dak li “jippossiedi”. Il-kultura tagħkom mhijiex biss rifless ta’ dak li intom, imma l-griġjol ta’ dak li se ssiru. Żviluppaw mela l-kultura tagħkom b’mod ħaj u dinamiku, fit-tama, bla biżà tal-problemi diffiċli jew tal-isfidi ġodda; mingħajr iżda ma tħallu lilkom infuskom tiġu ngannati mill-kjass tan-novità, u mingħajr ma tħallu li tinstallaw vojt, diskontinwità bejn l-imgħoddi u l-ġejjieni; fi kliem ieħor, b’dixxerniment u prudenza, u bil-kuraġġ tal libertà kritika fir-rigward ta’ dak li wieħed jistà jsejjaħ;u “l-industrija kulturali”; speċjalment bl-ikbar xewqa tal-verità.
Imma waqt li hawn nindirizza lill-kredenti, nirrepati mill-ġdid dak li għidt lill-Unesco: “Naħseb b’mod speċjali għar-rabta fundamentali bejn il-Vanġelu, jiġifieri l-messaġġ ta’ Kristu u tal-Knisja, mal-bniedem fl-istess umanità tiegħu” (Ivi). Iva, għeżież ħuti. Fil-kultura li intom tinsabu minħabba passat għani, f’din il-kultura li hija dejjem ir-ruħ ta’ nazzjon (cf. Ivi, n. 14: l. c., pp.1647 s.), il-fidi tiżvolġi parti mportanti. Il-fidi tillumina l-kultura, din ittiha togħma, tagħniha, kif jgħid il-Vanġelu meta jitkellem dwar id-“dawl”, dwar il-“melħ”, u dwar il-“ħmira” li d-dixxipli ta’ Ġesù huma msejħa li jkunu. Il-fidi titlob lill-kultura liema valuri din tippromwovi, liema destin din toffri lill-ħajja, liema post din tagħmel lill-foqra u għal dawk nieqsa mill-ħwejjeġ essenzjali li magħhom Bin il-bniedem identifika ruħu, kif din tikkonċepixxi il-komparteċipazzjoni, il-maħfra, l-imħabba. Jekk inhu hekk il-Knisja se tkompli twettaq il-missjoni tagħha permezz tagħkom. U intom se tirrendu servizz lis-soċjetà kollha, ukoll lill-irġiel u nisa li ma jaqsmux l-istess esperjenza spiritwali tagħkom. Tali xhieda, infatti, tirrispetta l-libertà tal-kuxjenza, bla ma minħabba dan tabbandunhom għal ċerti “imperattivi” taċ-ċiviltà moderna li jippretendu li jaqdu l-progress uman imma li fil-fatt ikunu qegħdin jonqsu mir-rispett lejn il-ħajja, lejn id-dinjità ta’ mħabba li tinvolvi l-persuni, u għar-riċerka tal-valuri veri ta’ umanità (cf. Ioannis Pauli PP. II, Allocutio ad UNESCO habita, 13, die 2 iun. 1980: Insegnamenti di Giovanni Paolo II, III/1 [1980] 1646).
Imma, mill-ġdid, il-fidi tagħkom jeħtieġ iżżomm ruħha attiva u qawwija; trid issir dejjem iktar personali, dejjem iktar irradikata fit-talb u fl-esperjenza tas-sagramenti; hija trid tilħaq lil Alla l-ħaj, f’Ibnu Ġesù Kristu, is-Salvatur, bl-għajnuna tal-Ispirtu Santu, fil-Knisja. Din hija l-fidi li intom tridu tapprofondixxu bil-ferħ, hekk biex tgħixuha u tagħtu xhieda tagħha fil-ħajja ta’ kuljum u fis-setturi l-ġodda tal-kultura, Din hija fir-realtà l-grazzja li jmissna nitolbu għall-futur ta’ Québec, għall-futur tal-Kanada kollha. U hawn nerġgħu lura għad-domanda fundamentali ta’ Ġesù Kristu: “U intom, min tgħidu li jien?”.
8. Fil-fidi li Xmun Pietru stqarr fl-inħawi ta’ Ċesarea ta’ Filippu, fil-fidi li huwa esprima tant tajjeb bl-ewwel ittra tiegħu, f’din l-istess fidi, jiena, Ġwanni Pawlu II, Isqof ta’ Ruma, nixtieq insellmilkom kordjalment fil-bidu tal-pellegrinaġġ tiegħi f’artkom.
Nixtieq insellmilkom ilkoll,
Intom li intom ir-razza magħżula, is-saċerdozju rjali, il-ġens qaddis, il-poplu li jappartieni lil Alla;
Intom li kontu msejħa f’Ġesù Kristu biex “ixxandru l-meravilji ta’ dak li sejħilkom mid-dlamijiet għad-dawl meraviljuż tiegħu” (1 Pt 2, 9).
Aħna llum qegħdin ninawguraw festa ddestinata li jkollha diwi kbir fi qlubkom.
Il-Knisja tqiegħed fuq xuftejna il-kantiku li jaqbel:
“Għannu lill-Mulej, bierku ismu, / ħabbru minn jum għal ieħor is-salvazzjoni tiegħu, / Xandru fost il-ġnus is-sebħ tiegħu, / fost il-popli kollha l-għeġubijiet tiegħu!” (Sal 96, 2-3).
Jalla l-art Kanadiża tgħanni lill-Mulej mix-xtut tal-Atlantiku sax-xtut tal-Paċifiku, u min-Nofsinhar sal-artijiet inġazzati tat-Tramuntana . . . Hekk hu li Kristu, l-Iben ta’ Alla ħaj sar il-blata ħajja f’nofskom! Hekk hu li Kristu, l-Iben ta’ Alla ħaj sar il-blata ħajja għall-ġenerazzjonijiet kollha! “Gloria tibi, Trinitas”! Glorja lilek Trinità Qaddisa! Amen.
Għeżież ħuti, niżżikom ħajr għall-din il-laqgħa kommoventi.
Insellem qabel kollox lil Monsinjur Albert Vachon, Arċisqof ta’ Québec, u lil kull wieħed minn ħuti l-oħra fl-episkopat, li jeżerċitaw il-ministeru tagħhom fil-Kanada.
Insellem lir-rappreżentanti tal-Knejjes l-oħra li ġew biex jingħaqdu magħna mill-Amerka u mid-diversi kontinenti, speċjalment mill-Ewropa, li magħha il-Kanada nisġet irdit hekk qawwi.
Insellem lill-missjunarji Kanadiżi u lir-rappreżentanti tal-Knejjes żgħażagħ li fihom huma jeżerċitaw il-ministeru tagħhom.
Insellem lir-rettur tal-università Laval, lill-professuri u l-istudenti, u dawk kollha li jaħdmu biex iġeddu u japprofondixxu l-kultura, biex jirrenduha dejjem iktar umana, fi djalogu fiduċjuż mal-fidi.
Insellem lis-saċerdoti, id-djakni, is-seminaristi, lir-reliġjużi rġiel u nisa u lil-lajċi tad-diversi parroċċi ta din l-arċidijoċesi u tad-dijoċesijiet viċini, li sergġu jiġu hawn grazzi għall-ġemellaġġ fratern tal-parroċċi.
Insellem lil dawk li għalihom Ġesù kellu nteress partikolari: it-tfal, iż-żgħażagħ. L-anzjani, il-morda, il-kalzrati, dawk kollha li qegħdin ibatu għaliex mhumiex maħbuba jew għax emarġinati, bla xogħol jew fil-prova.
Flimkien, waqt li nsegwu lill-Appostlu Pietru, ejjew induru lejn il-Mulej Ġesù. Huwa jsaħħaħ il-fidi tagħna!
Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb