Il-Ħadd, 27 ta’ Lulju 2025: Omelija mill-Isqof ta’ Għawdex Mons. Anton Teuma fis-17-il Ħadd matul is-sena. Kappella tal-Istitut tal-Familja Ġwanni Pawlu II, Victoria.

Omelija mill-Isqof ta’ Għawdex Mons. Anton Teuma
Kull wieħed u waħda minna kellna jew għandna xi tip ta’ relazzjoni mal-missier tagħna. Ta’ min kienet tajba ħafna, ta’ min kienet mhux ħażin minħabba l-għira għal ħuk jew għal oħtok, għax kien iġibhom aktar minnek u kellek ftit rabja għalih. U hemm ta’ min kienet ħażina. Hawn ukoll missirijiet li ma qdewx il-missjoni tagħhom sewwa, jew inkella qdewha sewwa iżda mbagħad jiddependi kif wieħed jieħu l-intenzjoni tal-missier. Jista’ jkun dik li dehret sewwa għall-missier, ma kinitx kif mixtieqa għall-iben jew bint. Jista’ jkun li l-missier għamel ħafna għaliha kif ħaseb hu l-aħjar, iżda ma kienx dak li l-iben jew bint xtaqu.
Għaliex qed insemmi r-relazzjonijiet li jista’ jkollna mal-missier tagħna tal-art? Dan għaliex il-Vanġelu (Lq 11:1-13) illum ikellimna fuq il-Missier tagħna tas-Sema. Aħna meta nisimgħu l-kelma missier mill-ewwel tiġi quddiemna b’mod ċar ir-relazzjoni li aħna kellna mal-missier tagħna tal-art.
Il-Missier tagħna tas-Sema jiżboq bil-wisq aktar lill-missier tagħna tal-art. Il-vanġelu tal-lum ikellimna b’mod sabiħ dwar il-Missier u jgħinna l-ewwel nettngħixu l-esperjenza tagħna bħala missirijiet jew ommijet, iżda wkoll bħala wlied.
Ħa nitkellem fuq kif jispiċċa l-Vanġelu fejn jgħid: “Min hu dak il-Missier fostkom li, jekk ibnu jitolbu ħuta, minflok ħuta jagħtih serp? Inkella jekk jitolbu bajda jagħtih skorpjun. Liema missier li ibnu jitolbu biċċa ħobż sa jagħtih skorpjun?” (v. 11).
Jien hawnhekk nixtieq nagħmel riflessjoni dwar li bħala ġenituri aħna nistgħu nagħtu lil uliedna: 1. dak li mhux sew għalihom; 2. dak li huma jgħajtu u jsabbtu saqajhom biex jakkwistawh; 3. dak li aħna naħsbu li hu sewwa għalihom. Il-vanġelu tal-lum jurina li l-Missier tagħna tas-Sema ma jagħtix kas tat-tisbit tas-saqajn tagħna.
Issa naraw x’inhu t-talb. Ħafna drabi aħna naħsbu li aktar ma nitolbu, ngħidu bil-kliem, aktar sa jaqlgħalna, sa jagħtina dak li rridu. Iżda dan mhux hekk. Aħna nimmaġinaw li qed jippruvana; qisu jħares minn fuq b’mod sarkastiku, qisu dak ix-xi ħadd li jrid jarana nbatu, li jrid jarana kważi nitmiegħku mal-art. U aħna nsabbtu saqajna u nwaħħlu ġo rasna li ħaġa rriduha, imbagħad jismagħna u jagħtina li rridu. Le, mhux hekk!
Aħna nistgħu nġibu ruħna b’dan il-mod mal-ulied tagħna tal-art, iżda l-Missier tagħna tas-Sema ma jġibx ruħu magħna b’dan il-mod. Aħna nistgħu nġibu ruħna mal-ulied tagħna tal-art billi nissodisfaw kulma jridu mingħajr ma niddixxernu jekk dak hux ta’ valur għalihom. Ħafna drabi nimxu bil-qalb.
Il-vanġelu tal-lum jgħinna niddixxernu kif inhi r-relazzjoni tagħna mal-ulied u mal-Missier. Aħna minn dawk li nfittxu l-veru ġid tal-ulied? Il-veru ġid xi drabi jitlob l-assenza, jitlob li aħna nitbiegħdu. Il-veru ġid jitlob li aħna ma naqtgħux ix-xewqat tagħhom. Il-veru ġid jitlob li nħallu lit-tifel jew it-tifla tagħna jikbru, jieħdu l-indipendenza u l-awtonomija tagħhom. Il-veru ġid kultant jitlob li aħna nkunu preżenti, li ma nħalluhomx waħedhom, allura tidħol il-kwistjoni tax-xogħol.
Imbagħad il-vanġelu f’nofsu jgħidilna: “Itolbu u jingħatalkom, fittxu u ssibu, ħabbtu u jiftħulkom. Għax min jitlob, jaqla’; min ifittex, isib; u min iħabbat, jiftħulu” (vv. 9-10).
Xi jrid jgħidilna l-vanġelu? Jien daqskemm inħabbat u nitlob, u ma naqlax! Allura l-vanġelu mhux veru? Il-vanġelu ma jridx jgħid dak li nifhmu aħna, li jekk titlob, taqla’. Le, ma jridx jgħid hekk. Il-vanġelu qed jgħid: jekk ma titlobx, m’intix sa taqla’. Hi differenti. Il-vanġelu qiegħed jgħid: jekk ma tfittixx, m’intix sa ssib. Tfittex u ma ssibx, aħseb u ara jekk ma tfittixx! Min jitlob jista’ jaqla’, min ifittex jista’ jsib, min iħabbat jistgħu jiftħulu. Iżda biss min jitlob, min ifittex, min iħabbat, min lil Dak li hemm fuq, jafdah dejjem u f’kollox.
Ħa nagħtikom eżempju. Xi ħadd għaddej minn diffikultà kbira. Il-mod ta’ kif ngħix din id-diffikultà jurini x’tip ta’ relazzjoni għandi ma’ Missieri li hu fis-Smewwiet, kemm għandi fiduċja fih, jew m’għandix fiduċja fih. Aħna bħala adulti rridu nikkontrollaw id-dinja, irridu nikkontrollaw kulma jiġrilna. Aktar ma rridu nikkontrollaw, aktar ma rridu nkunu missirijiet aħna, aktar mhux sa nħallu lilu jmexxi l-istorja ta’ ħajjitna.
Jekk jien għaddej minn problema, jien nista’ ngħixha b’diversi modi. Il-Missier tagħna hu dak li lili ħalaqni, li lili għamilni, u ladarba lili għamilni dan, miexi fl-istorja tiegħi. U jiġri x’jiġri, anki fil-problemi l-kbar – b’mod speċjali fejn jidħlu problemi ta’ saħħa, ta’ relazzjonijiet, li jinkwetawni tassew – jiġri x’jiġri, il-fiduċja tagħna fih ma tintilifx. Għax l-imħabba tiegħu għalina hi akbar minn kull diffikultà. Il-fiduċja tagħna fih trid tikber, u tikber biex tilħaq il-profondità tal-imħabba li hu għandu għalina.
Din hi l-istorja tal-ħajja Nisranija, l-istorja tal-kobor tal-fiduċja tagħna fil-Missier.
Mulej, għinna biex meta ngħidu t-talba tal-Missierna, titqanqal xi ħaġa ġewwa fina, jitqanqal fina s-sens ta’ telqa, ta’ fiduċja, ta’ ċertezza li xejn u ħadd ma jifridna minnek.