Kitba ta’ Edward Tagliaferro
Mons. John Romaniello inħatar direttur tal-Catholic Relief Services fl-1956. Dak iż-żmien madwar mitt elf refuġjati kienu jaħarbu miċ-Ċina komunsita lejn Hong Kong. Sakemm isibu mpieg, ħafna kienu jfittxu tajers, biċċiet taż-żingu u kartun minn xi miżbla. B’dawn kienu jibnu xi forma ta’ kenn. Mons. Romaniello kellu kamp għalihom, imma kien mimli daqs bajda. Kien mistagħġeb għal dawn in-nies li jaslu biex jippreferi jgħixu hekk milli mjassrin. Kellu uġigħ ta’ ras biex jitma’ almenu dawn l-eluf li kienu fil-kamp tiegħu.
Il-gvern Amerikan kien jibgħat mijiet ta’ tunellati ta’ trab tal-ħalib, dqieq u qamħirrum mitħun għar-rifuġjati. Imma dawn ma kinux jafhom x’se jaqbdu jagħmlu bihom jew kif isajruhom. Għalhekk kienu jispiċċaw għand xi ħalliel tal-Black Market li ta’ kull kilo qamħirrun li kien jieħu, kien jagħti ross jew noodles bilkemm biżżejjed għal ikla waħda. Ir-rifuġjati kienu jirraġunaw li aħjar dan il-ftit milli xejn.
Jum wieħed il-Monsinjur ra tifla bi xkora żgħira dqieq sejra x’imkien. Mexa warajha u din daħlet għand wieħed furnar. Meta ħarġet, saqsiha: “Għaliex tagħti d-dqieq lill-furnar?” “Biex nibdlu man-noodles. Għal kull ħames kilo dqieq, itini kilo noodles. Dawn faċli ssajjarhom bi ftit ħaxix.”
“Noodles! Din hi t-tweġuba għat-talb tiegħi,” qal bejnu u bejn ruħu l-Monsignur. U b’dan il-ħsieb telaq jiġri għand wieħed li kien jagħmel in-noodles. Dan iċ-Ċiniż kellu r-riċetta tiegħu. Mons Romaniello staqsieh: “Jista’ jkun li tagħmel għaġna tan-noodles billi tuża trab tal-ħalib, dqieq u qamħirrum?” Dak wieġbu: “X’nista’ ngħidlek? Nipprova.” “Grazzi. Minn dawn l-ingredjenti nġiblek kemm trid.”
Wara xi seba’ provi, iċ-Ċiniż sab riċetta b’tant dqieq, tant trab tal-ħalib u tant qamħirrum. Mhux biss beda joħroġ noodles kif suppost, imma t-toma ta’ din it-taħlita kienet aħjar minn dik li kien qed juża’ qabel. Għalhekk il-Mons ħeġġeġ lir-rifuġjati biex ma jmorrux aktar għand tal-black market imma għand dan il-furnar.
Il-kelma malajr xterdet, u tant kienu qed imorru nies għand iċ-Ċiniż li ma setgħax ilaħħaq. Allura Romaniello ħaseb biex jakkwista maħżen kbir, u bil-fondi mill-benefatturi xtara tliet magni li jagħmlul n-noodles bl-idejn. Qabbad nies bla xogħol biex jgħinuh. Wara ftit kellu bżonn aktar magni u aktar nies biex iħaddmuhom.
M’għaddewx ħafna snin meta sema’ li kienu vvintaw magni tan-noodles jaħdmu bl-elettriku.
B’hekk dan il-qassis solva l-problema tar-rifuġjati bil-ġuħ. Minn kull fejn kien jgħaddi, it-tfal kienu jiġru lejh biex jifirħu bih u jgħajtulu “Il-qassis tan-noodles.”
God works in strange ways.Thank you Lord.