LJUN XIV
UDJENZA ĠENERALI
Pjazza San Pietru
L-Erbgħa 30 ta’ Lulju 2025
Ċiklu ta’ Katekeżijiet – Ġublew 2025. Ġesù Kristu t-tama tagħna. II. Il-ħajja ta’ Ġesù. Il-mirakli ta’ fejqan. 12. It-trux u mbikkem. U mimlijin bil-għaġeb, bdew jgħidu: “Kollox għamel tajjeb: jagħti s-smigħ lit-torox u l-kliem lill-imbikkmin!” (Mk 7:37)
Għeżież ħuti,
B’din il-katekeżi naslu fi tmiem il-mixja tagħna mal-ħajja pubblika ta’ Ġesù, imsawra minn laqgħat, parabboli u mirakli ta’ fejqan.
Anki dan iż-żmien li qed ngħixu fih għandu bżonn tal-fejqan. Id-dinja tagħna għaddejja minn klima ta’ vjolenza u ta’ mibegħda li minħabba fiha qed tiġi ssagrifikata d-dinjità umana. Qed ngħixu f’soċjetà li qed timrad minħabba “bulimja” tal-konnessjonijiet tal-midja soċjali: aħna konnessi b’kull mod possibbli, ibbumbardjati minn ħafna immaġni, xi drabi anki foloz u mgħawġa. Inħossuna invaduti minn għadd ta’ messaġġi li jqanqlu fina tempesta ta’ emozzjonijiet kontradittorji.
F’dan ix-xenarju hemm il-possibbiltà li tinbet fina x-xewqa li nitfu kollox. Nistgħu naslu biex nippreferu li ma nħossu xejn aktar. Anki l-kliem tagħna jirriskja li jinftiehem ħażin jew nistgħu nkunu ttentati ningħalqu fis-skiet, f’nuqqas ta’ komunikazzjoni fejn, imqar jekk aħna tant qrib ta’ xulxin, ma jirnexxilniex aktar ngħidu lil xulxin l-aktar ħwejjeġ sempliċi u profondi.
F’dan ir-rigward nixtieq illum nieqaf fuq silta mill-Vanġelu ta’ Marku li tippreżentalna raġel li la jitkellem u lanqas jisma’ (ara Mk 7:31-37). Proprju kif jista’ jiġri lilna llum, dan ir-raġel forsi ddeċieda li ma jitkellimx aktar għax ma kienx iħossu mifhum, u li jitfi kull leħen għax safa deluż u midrub minn dak li sema’. Fil-fatt, mhuwiex hu li jmur għand Ġesù biex jiġi mfejjaq, imma jeħduh persuni oħra. Nistgħu nimmaġinaw li dawk li jeħduh għand l-Imgħallem huma dawk li huma mħassbin minħabba l-iżolament tiegħu. Imma l-komunità Nisranija lemħet f’dawn il-persuni wkoll ix-xbieha tal-Knisja, li ssieħeb lil kull bniedem għal għand Ġesù biex jagħti widen għall-kelma tiegħu. L-episodju jseħħ f’art pagana, allura ninsabu f’kuntest fejn ilħna oħra jippruvaw isikktu l-leħen ta’ Alla.
L-imġiba ta’ Ġesù tista’ tidher stramba għall-bidu, għax jieħu miegħu lil din il-persuna u jeħodha f’ġenb għaliha (v. 33a). Hekk donnu qed jagħfas iktar fuq l-iżolament tagħha, imma meta nħarsu aktar mill-qrib nistgħu nifhmu x’hemm moħbi wara s-skiet u l-għeluq ta’ dan ir-raġel, bħallikieku Ġesù kien fehem il-bżonn tiegħu ta’ intimità u ta’ qrubija.
Ġesù joffrilu qabelxejn qrubija siekta, permezz ta’ ġesti li jitkellmu fuq laqgħa profonda: imiss il-widnejn u l-ilsien ta’ dan ir-raġel (ara v. 33b). Ġesù ma jużax ħafna kliem, jgħid l-unika ħaġa li għandu bżonn bħalissa: “Infetaħ!” (v. 34). Marku jġib din il-kelma fl-Aramajk, effatà, kważi biex iġagħalna nisimgħu l-ħoss u n-nifs tagħha. Din il-kelma, sempliċi u mill-isbaħ, iġġorr fiha l-istedina li Ġesù jagħmel lil dan ir-raġel li ma baqax jisma’ u jitkellem. Bħallikieku Ġesù qed jgħidlu: “Infetaħ għal din id-dinja li qed tbeżżgħek! Infetaħ għar-relazzjonijiet li ddeludewk! Infetaħ għall-ħajja li żammejt lura milli taffronta!”. Fil-fatt, li ningħalqu fina nfusna qatt ma hi soluzzjoni.
Wara l-laqgħa ma’ Ġesù, dik il-persuna mhux biss tibda terġa’ titkellem, imma tagħmel dan “sewwa” (v. 35). Dan l-avverbju li jdaħħal hawn l-evanġelista donnu jrid jgħidilna xi ħaġa aktar fuq ir-raġunijiet tas-skiet ta’ dak ir-raġel. Forsi ma kienx baqa’ jitkellem għax kien jidhirlu li qed jgħid l-affarijiet b’mod żbaljat, forsi ma kienx iħossu denn. Ilkoll kemm aħna nagħmlu esperjenza li ninftiehmu ħażin u li ma nħossuniex mifhuma. Ilkoll kemm aħna għandna bżonn nitolbu lill-Mulej ifejjaq il-mod tagħna ta’ kif nikkomunikaw, mhux biss biex inkunu aktar effikaċi, imma anki biex nevitaw li nagħmlu l-ħsara lill-oħrajn bil-kliem tagħna.
Li nerġgħu nibdew nitkellmu sewwa huwa l-bidu ta’ mixja, imma għadu mhux il-punt tal-wasla tagħha. Fil-fatt Ġesù lil dak ir-raġel jipprojbilu li jirrakkonta dak li ġralu (ara v. 36). Biex insiru nafu tassew lil Ġesù hemm bżonn li nagħmlu mixja, hemm bżonn noqogħdu miegħu u ngħaddu wkoll mill-Passjoni tiegħu. Meta nkunu rajnieh umiljat u fit-tbatija, meta nkunu doqna l-qawwa salvifika tas-Salib tiegħu, allura nkunu nistgħu ngħidu li sirna nafuh tassew. Biex insiru dixxipli ta’ Ġesù ma hemmx toroq iqsar.
Għeżież ħuti, nitolbu lill-Mulej li nistgħu nitgħallmu nikkomunikaw b’mod onest u prudenti. Nitolbu għal dawk kollha li ġew midruba mill-kliem tal-oħrajn. Nitolbu għall-Knisja, biex qatt ma tonqos mid-dmir tagħha li twassal il-persuni għal għand Ġesù, biex jistgħu jisimgħu l-Kelma tiegħu, jitfejqu minnha u jsiru huma wkoll dawk li jwasslu l-bxara tiegħu ta’ salvazzjoni.
Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard