Fl-okkażjoni tal-50 sena mill-Inkurunazzjoni tal-Kwadru titulari tal-Katidral ta’ Għawdex u l-75 sena mid-dikjarazzjoni tad-Domma tal-Assunta, il-Q.T. il-Papa Ljun XIV laqa’ t-talba tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma u l-Kapitlu tal-Katidral ta’ Għawdex biex għall-festi speċjali fid-Djoċesi ta’ Għawdex jibgħat Kardinal Legat tiegħu fil-persuna tal-Em.T. Mario Grech, Segretarju Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet.

Għalhekk, il-Ħadd 10 ta’ Awwissu, fis-6.00pm il-Kardinal Grech se jmexxi Pontifikal fil-Katidral, u wara ssir purċissjoni bil-Kwadru għal Pjazza Savina, il-Belt Victoria, fejn isir it-tiġdid tal-konsagrazzjoni tal-poplu Għawdxi lill-Assunta, u jixxandar ukoll il-messaġġ mibgħut mill-Q.T. il-Papa Ljun XIV.
L-Assunzjoni ta’ Marija fis-Sema –il-kwadru titulari tal-Katidral ta’ Għawdex (390×240ċm) – impitter fl-1791 minn Michele Busuttil (1762-1831) u mħallas mill-Kan. Benedetto Stellini, ġie inkurunat bl-awtorità tal-Brevi Appostoliku Qui dignitatem tat-28 ta’ Frar 1975, mill-Kardinal Franjo Šeper, Legat tal-Papa San Pawlu VI, nhar il-15 ta’ Awwissu 1975.
PROGRAMM TAL-10 TA’ AWWISSU

Sors: www.knisja.mt
Ritratt: www.knisja.mt/ritratti