Ħsieb dwar il-Ġublew tat-Tama – 2
Alla hu ħanin, anke mal-midneb li ma jridx jaf
Il-Ġublew hu żmien ta’ maħfra. Irridu nitilqu mid-diffikultà li ngħixu fil-grazzja t’Alla. Biex ikollna l-ħniena tiegħu, irridu nistqarru ħtijietna. “Jekk ngħidu li ma għandniex dnub, inkunu qegħdin inqarrqu bina nfusna u l-verità ma tkunx fina. Jekk nistqarru dnubietna, hu fidil u ġust hekk li jaħfrilna dnubietna u jnaddafna minn kull ħażen.” Kif jgħid San Pawl: “Fejn kotor id-dnub, kotrot fuq li kotrot il-grazzja.” Ma ninsewx li Alla jaf jikteb dritt fuq il-linji mgħawġin tagħna.
Is-sena mqaddsa hi żmien li fih tinħass b’mod iktar intens l-istedina ta’ Ġesu għall-konverżjoni u għar-ritorn lejn Alla l-Missier; żmien li fih tinħass l-istedina ta’ Ġesù għall-konverżjoni u għar-ritorn lejn Alla l-Missier. Il-konverżjoni tal-qalb u l-penitenza bħala mod kostanti ta’ ħajja huma l-bidu tar-riabilitazzjoni tal-bniedem biex jirbaħ dak li bil-forzi tiegħu biss ma jistax jikseb: il-ħbiberija m’Alla, il-grazzja tiegħu, il-ħajja sopranatturali, – li jistgħu jsolvu l-aktar xewqat profondi tal-qalb tal-bniedem.
Ir-raġuni tat-tama tagħna
“Hu tana twelid ġdid għal tama ħajja permezz tal-qawmien ta’ Ġesù Kristu mill-imwiet.” (1 Pietru 1,3)
Veru li l-proverbji ta’ missirijietna fihom ħafna għerf. Imma jkun hemm waħdiet li mhux bilfors taqbel magħhom. Bħal dan: “Min jgħix bit-tama, jmut bil-piena.” Mhux hekk għalina li nemmnu f’Alla. It-tama hi waħda mill-virtujiet teologali, il-fidi, it-tama u l-imħabba. Tliet virtujiet prinċipali fir-reliġjon, virtujiet bejn il-bniedem u Alla.
Il-Qaddisin li riedu jħallu r-raħal
Is-‘Sinjur Alla’, kif kien isemmih San Ġorġ Preca, jitlobna t-tama. Hemm ktiebbl-isem ta’ La Bibbia Parola d’Amore (Il-Bibbja l-Kelma ta’ Mħabba), ta’ Giovanni Barra, li jikkwota Rumanz ta’ awtur Taljan, Mazzorali, Tra l-argine ed il bosco, Bejn il-moll u l-bosk). Jirrakkonta li kien filgħaxija, wara li spiċċat il-fiera, tliet ijiem ta’ festa, mhux reliġjuża, fejn il-villaġġ jinsa kollox. Fit-toroq nies għajjenin wara jiem ta’ storbju u divertiment. Il-knisja, wara r-Rużarju, reġgħet lura għal deżert. Baqa’ biss il-Qassis, biex jitlob, imma ma rnexxilux. Intefa’ fuq bank, wiċċu bejn idejh, u l-għejja ġabitlu n-nagħas, u ħolom.
Purċissjoni stramba mxiet fil-korsija minn-nofs lejn l-altar maġġur. Kienu l-“qaddisin” tal-villaġġ, dawk li jkunu fid-djar, qaddisin tal-karti, tal-ġibs, tat-tafal, pitturi b’kulur li għoddu mar, mgħawġin fl-inwatri, statwi b’xi biċċa nieqsa… Folla żgħira f’villaġġ fejn dan l-aħħar kienu naqsu n-nies. Ħafna min-nies twajba kienu telqu mir-raħal. Kienu mdejqa li jibqgħu jgħixu hemm. Ħassewhom ma jiswew għal xejn. Ħadd ma jagħti kashom. Anzi, kien hemm min jgħajjarhom. Kien żmien meta dehru Karl Marx,u Lenin, fil-bidu tal-komuniżmu, li aljenaw lin-nies u begħduhom mill-Knisja. In-nies ippreferew l-ideoloġija Marxista. Allura, fil-ħolma, il-qaddisin tad-djar, li jirrapreżentaw lin-nies tal-villaġġ ġew biex biex isellmu lill-Mulej fil-knisja qabel jitilqu; kienu qatgħu qalbhom.
“Isimgħu, uliedi,” qal il-Mulej fil-ħolma, “għandkom raġun.” Afdajtilkom xogħol li n-nies ma jistmawx. In-nies ta’ din il-parroċċa ħallsukom b’mod ħażin għall-protezzjoni li tajtuhom. U ma kontux ittrattati tajjeb. Imma jien m’għedtilkomx li: “Se nibgħatkom bħal ngħaġ qalb l-ilpup?,” li “d-dixxiplu mhux aqwa mill-imgħallem: kif ittrattaw lili, hekk jagħmlu lilkom?” Minn hawn, fejn jien imsammar mas-salib, m’inix se ninżel. Dan hu mod ta’ kif inħobb, l-uniku mod li bih nirbaħ”.
Hawnhekk kulħadd baxxa rasu, u stħaw iħarsu lejn il-Mulej, li kompla: “Ma taħsbux, uliedi,” li esaġerajtu xi ftit? Mhux kollox hu ħażin f’dawk id-djar imsejkna li tridu tħallu warajkom. Aħsbu kemm fihom hemm min ibati, hemm ħafna nkwiet, tant miżerja. Imma rrrakkuntaw intom stess, ħa nismagħkom.”
Bil-mistħija, minn taħt l-ilsien, xi ħadd beda billi jsemmi xi ġentilezza, xi ħadd li kellu raġun imma ħafer. U mbagħad tant dmugħ fil-familji, tant niket, tant faqar. Indunaw li l-imħabba hi kollha paċenzja, u paċenzja fit-tul, imma tiġġenera imħabbiet kbar u atti erojċi. U bdew jirrakkuntaw kif madwarhom hemm ġesti sbieħ li jimlewhom bit-tama. Il-qaddisin iddeċidew li jibqgħu hemm, ma telqux mill-villaġġ, u rebħet it-tama.
Għalhekk qed isir dan il-Ġublew, għax id-dinja għandha bżonn ħafna tama, fi żmien ta’ gwerer, ta’ aljenazzjoni minn Alla, ta’ disperazzjoni, ambjent fejn Alla ma jinħassx. Imbagħad donnu jinbidel kollox, kif rajna dawn il-ġranet bil-barka ta’ Papa, ljun XIV, li Alla għażel proprju għal żmienna.Hi għażla providenzjali għal dinja mqallba, imma wkoll għatxana għall-paċi.
