SOLENNITÀ TAT-TLUGĦ FIS-SEMA TAL-BEATA VERĠNI MARIJA
IL-PAPA LJUN XIV
ANGELUS
Piazza della Libertà (Castel Gandolfo)
Il-Ġimgħa, 15 ta’ Awwissu, 2025
Għeżież ħuti, il-festa t-tajba!
Il-Missirijiet tal-Konċilju Vatikan II ħallewlna test stupend dwar il-Verġni Marija, li għandi pjaċir naqsam magħkom illum aħna u niċċelebraw is-solennità tat-Tlugħ tagħha fil-glorja tas-sema. Fi tmiem id-dokument dwar il-Knisja, il-Konċilju jgħid: “Marija, Omm Ġesù fis-sema, fejn hi diġà fil-glorja bir-ruħ u l-ġisem, hija l-bidu u x-xbieha tal-Knisja kif għad tkun ipperfezzjonata fiż-żmien li ġej, hekk ukoll hija, fuq din l-art, sakemm jasal jum il-Mulej (cf. 2 Pt 3,10), bħal sinjal jiddi ta’ tama żgura u ta’ faraġ għall-poplu ta’ Alla fil-mixja tiegħu lejn is-sema” (Lumen gentium, 68)
Marija, li Kristu Rxoxt ħadha miegħu fil-glorja bir-ruħ u bil-ġisem, tiddi bħala ikona tat-tama għal uliedha pellegrini fl-istorja. Kif nistgħu ma nitfakrux fil-versi ta’ Dante, fl-aħħar ‘canto’ tal-Paradiso? Fit-talba li qiegħed fuq fomm San Bernard li tibda’ “verġni omm, bint ibnek” (XXXIII, 1), il-poeta jfaħħar lil Marija għax hawn fid-dinja, fostna l-bnedmin mortali, hi “funtana ħajja tat-tama” (ibid., 12), jiġifieri gelgul ilma ħaj li jnixxi t-tama.
Ħuti, dil-verità tal-fidi tagħna hi intunata perfettament mat-tema tal-Ġublew li qed ngħixu bħalissa: “Pellegrini tat-tama”. Il-pellegrin għandu bżonn skop, destinazzjoni li torjentalu l-vjaġġ: destinazzjoni sabiħa, attraenti, li tmexxilu l-passi u tqawwilu qalbu meta jħossu għajjien, li terġa’ tkebbes f’qalbu x-xewqa u t-tama. Fil-mixja tal-eżistenza, din id-destinazzjoni hi Alla, Imħabba infinita u eterna, milja tal-ħajja, tal-paċi, tal-hena u ta’ kull ġid. Il-qalb tal-bniedem tinġibed lejn sbuħija bħal din u ma tħosshiex hienja qabel ma ssibha; u fil-fatt tirriskja li ma ssibhiex jekk tkun mitlufa “fil-foresta mudlama” tal-ħażen u tad-dnub.
Imma hawn tinsab il-grazzja: Alla ġie jiltaqa’ magħna, libes il-ġisem tagħna, magħmul mit-tajn u ħadu miegħu, kif ngħidu simbolikament, “fis-sema” jiġifieri f’Alla. Dan hu l-misteru ta’ Ġesù Kristu, inkarnat, li miet u rxoxta għas-salvazzjoni tagħna; u, marbut sfiq miegħu hemm il-misteru ta’ Marija, il-mara li minnha Iben Alla ħa l-ġisem tiegħu, u (l-misteru) tal-Knisja, il-ġisem mistiku ta’ Kristu. Hu misteru wieħed ta’ mħabba u għalhekk ta’ libertà. Kif Ġesù qal “iva”, l-istess Marija, qalet “l-iva” tagħha, emment fil-kelma tal-Mulej. Ħajjitha kollha kienet il-pellegrinaġġ tagħha ta’ tama flimkien ma’ Iben Alla, pellegrinaġġ li bis-saħħa tas-Salib u tal-Qawmien, wassalha fil-patrija, fi ħdan Alla.
Għalhekk, dment li aħna għadna fil-mixja, individwalment, bħala familja, fil-komunità, speċjalment meta jitfaċċa s-sħab u triq issir inċerta u diffiċli, ngħollu ħarsitna, inħarsu lejha, l-Omm tagħna, hemmhekk insibu mill-ġdid it-tama li ma tqarraqx (cfr Rum 5,5).
Wara l-Angelus
Għeżież ħuti,
ejjew illum nafdaw fl-interċessjoni tal-Verġni Marija mtellgħa s-sema, it-talb tagħna għall-paċi. Hi, bħala Omm, issofri minħabba t-tbatijiet ta’ wliedha, speċjalment iż-żgħar u d-dgħajfa. Dan ikkonfermatu kemm-il darba tul is-sekli bil-messaġġi u d-dehriet tagħha.
Meta pproklama d-domma tal-Assunta, fi żmien meta l-esperjenza traġika tat-tieni gwerra dinjija kienet għada toqros sew, Piju XII kiteb: “Hemm x’wieħed jittama wkoll li dawk kollha li jimmeditaw l-eżempji kbar ta’ Marija, jipperswadu ruħhom mis-siwi ta’ ħajjiet il-bniedem” u wera t-tama li qatt aktar “ma jerġa’ jsir massakru tal-ħajja tal-bniedem bit-tkebbis tal-gwerer” (Kost. App. Munificentissimus Deus).
Kemm hu attwali dal-kliem! Sfortunatament għadna sal-lum inħossuna dgħajfa quddiem il-firxa tal-vjolenza truxa u insensittiva għal kull azzjoni ta’ umanità, li hawn fid-dinja. Madankollu qatt m’għandha tnin fina t-tama: Alla hu akbar mid-dnub tal-bnedmin. M’għandniex nirrassenjaw ruħna li l-loġika tal-armi toħroġ minn fuq. Flimkien ma’ Marija nemmnu li l-Mulej ikompli jgħin lil uliedu hu u jiftakar fil-ħniena tiegħu. Fiha biss huwa possibbli nsibu t-triq tal-paċi.
U issa nsellem lilkom, pellegrini mill-Italja u minn pajjiżi oħra. Insellem lill-komunità tal-evanġelizzazzjoni universitarja mill-Honduras; lill-familji tal-Moviment tal-Imħabba fil-Familja, li temmew l-eżerċizzi spiritwali; lill-grupp tal-miżżewġin friski u tal-għarajjes “Santa Rita”
Awguri u l-festa t-tajba li kulħadd!
Miġjub għall-Malti minn Joe Huber