Omelija tal-Papa San Ġwanni Pawlu II waqt Konċelebrazzjoni f’Toronto, il-Kanada. 15/09/1984.

VJAĠĠ APPOSTOLIKU FIL-KANADA
KONĊELEBRAZZJONI TAL-QUDDIESA F’TORONTO
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Aeroporto Downsview (Toronto)
Is-Sibt, 15 ta’ Settembru 1984

“L-għerf ifaħħar lilu nnifsu, u jiftaħar f’nofs ol-poplu tiegħu.  Jiftaħ fommu fil-ġemgħa tal-Għoli, u jiftaħar quddiem qawwietu: “Jien ħriġt minn fomm l-Għoli, u għattejt l-art bħan-nida” (Sir 24, 1-3).

Għeżież ħuti fi ristu.

1. Il-festa tallum issibna miġburin f’din il-belt ta’ Toronto flimkien mal-Kardinal Carter, mal-isqof Borecky u l-isqfijiet l-oħra, biex inxandru l-għerf etern ta’ Alla. Il-qari tal-liturġija tal-quddiesa jiggwidana fit-tifħir ta’ dan l-għerf etern.

It-tifkira ta’ Marija bħala Sidtna addolorata hija marbuta mal-festa tal-bieraħ tal-Eżaltazzjoni tas-Salib imqaddes, Il-misteru tas-salib fuq il-Golgota u l-misteru tas-salib fil-qalb tal-Omm tal-mislub ma jistax ikun moqri b’mod differenti: fil-prospettiva biss tal-għerf etern dan il-misteru jiġi ċċarat għall-fidi tagħna. U tassew isir sinjal ta’ dawl speċjali fl-istorja umana, fiċ-ċentru tad-destin tal-bniedem fuq l-art. Dan id-dawl huwa, l-ewwelnett, fil-qalb ta’ Kristu, mgħolli fuq is-salib. Dan id-dawl li jirrifletti l-qawwa ta’ mħabba speċjali, jiddi quddiem il-qalb tal-Addolorata f’riġlejn is-Salib.

Għerf ifisser ukoll imħabba. L-imħabba hija l-frott tal- għerf u, fl-istess ħin, is-sors tiegħu l-iktar komplut.

Fi Kristu msallab, il-bniedem sar sehem fl-għerf etern, billi resaq lejh permezz tal-qalb tal-Omm li tinsab f’riġlejn is-salib “Weqfin ħdejn is-salib ta’ Ġesù Ommu, Marija ta’ Kleofa, u Marija ta’ Magdala” (Ġw 19, 25).

2. Illum forsi iktar milli waqt il-festa tal-Eża;tazzjoni tas-salib imqaddes il-liturġija taċċentwa iktar l-aspett “uman”. Dan ma fih xejn mhux tassoltu. F’dan kollu wieħed jirrifletti l-qalb ta’ Marija u maġemb l-Omm  hemm il-qalb umana tal-Iben, li huwa Alla u bniedem.

Fl-ittra lil-Lhud naqraw dan il-kliem dwar Kristu: “Meta kien jgħix fuq din l-art, Kristu offra talb u suppliki b’leħen għoli u bid-dmugħ lil dak li setà jsalvah mill-mewt” (Lh 5, 7). Ma tfakkarniex din jewwilla t-talba  fil-Ġetsemani meta Ġesù talab biex jiġi mbiegħed minnu l-kalċi, jekk kien possibli (cf. Mt 26, 39)?

Għeżież ħuti: Kristu li niltaqgħu miegħu fil-liturġija tagħna, maġemb  ommu, l-Addolorata, Kristu li joffri “it-talb u s-suppliki” tiegħu “B’leħen għoli u bid-dmugħ”, jagħmel dan bħala kap tal-umanità,  umanità mgħaddsa b’mod wiesà fil-wegħdi u fil-problemi tat-teknoloġija u ttentata li taċċetta mentalità teknoloġika. Kristu jkompli jgħajjat quddiem Missieru għas-salvazzjoni tad-dinja, għall-bini ta’ art ġdida, li tkun iktar umana għaliex imħaddna mill-imħabba ta’ Omm, Ommu u Ommna.

Fl-istess ittra lil-Lhud naqraw: “Għad li kien Iben, tgħallem minn dak li bata xi tfisser l-ubbidjenza” (Lh 5, 8). F’imkien ieħor San Pawl jgħid:  “Ubbidjenti sal-mewt” (Fil 2, 8), imma hawn naqraw”tgħallem l-ubbidjenza”.

U flimkien miegħu, mal-Iben, Ommu, tgħallmet l-ubbidjenza, hi li diġa kienet  darba qalet: “fiat, Jiena l-qaddejja tal-Mulej, isir minni skont kelmtek” (Lq 1, 38).

3. Il-għajta tal-qalb tal-Iben u tal-qalb tal-Omm – għajta li mill-punt di vista uman riedet tirrifjuta s-salib – tiġi espressa mill-ġdid aħjar fis-salm responsorjali tal-liturġija tallum. Dan is-salm huwa  huwa talba ta’ salvazzjoni, ta’ għajnuna, ta’ ħelsien min-nassa tal-ħażin: “Fik Mulej jien nistkenn, / ma jkolli qatt għax nirgħex; / Fil-ġustizzja tiegħek salvani . . . / agħtini widen u fittex eħlisni. / Kun blata ta’ kenn għalija / inti l-blata tal-kenn għalija. / Oħroġni mix-xibka li ħbew għalija . . . / Eħlisni minn id l-għedewwa” (Sal 31, 1-3.5.16).

Ladarba dan il-kliem tas-salm jirrifletti l-verità “umana” kollha tal-qlub tal-Iben u tal-Omm, jesprimu wkoll att ta’ tluq sħiħ f’idejn Alla, affidament lil Alla. Dan l-affidament huwa ferm iktar qawwi mill-għajta tal-ħelsien.

“F’idejk jien nerħi ruħi; / int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa. / Imma fik jien nittama, Mulej, / jien ngħidlek: “Alla tiegħi int”” (Sal 31, 6.15).

Dan l-għarfien: “Int Alla tiegħi. F’idejk jien nerħi ruħi”, jiddomina fil-qalb tal-Iben “mgħolli” fuq is-salib, u fil-qalb tal-Omm umanament imbattla mit-tislib ta’ Binha.

4. Fl-ittra lil-Lhud naqraw: “Kien mismugħ minħabba l-ħniena tiegħu: u billi laħaq il-perfezzjoni, sar awtur tas-salvazzjoni ta’ dejjem gġal kull min jismà minnu” (Lh 5, 7-9).

F’dan jikkonsisti l-misteru tal-Eżaltazzjoni tas-salib, li fuqu, flimkien mal-Knisja kollha, immeditajna l-bieraħ.

Għerf etern ħaddan dak kollu li s-salib ta’ Kristu jiġbor fih.

“Jiena ħriġt minn fomm l-Għoli u għattejt l-art bħan-nida” (Sir 24, 3).

Hekk hu: l-art kollha nksiet mill-misteru tal-għerf etern, li l-veru ismu huwa mħabba. “Alla, infatti, tant ħabb lid-dinja li ta lil uniku Ibnu” (Ġw 3, 16).

U hekk hu – fiċ-ċentru stess ta’ dan kollu “jagħti lilu nnifsu” permezz tal-imħabba, mill-għoli tas-salib li fuqu l-Iben huwa kompletament magħqud mal-Missier, u l-Missier mal-Iben – il-kliem jidwi bħala komferma tal-preżenza tal-Omm u tas-sehem speċjali tagħha fil-misteru tal-għerf etern. Ġesù jgħid: “Mara, hemm hu ibnek!”. Ħdejn Marija, f’riġlejn is-salib, kien hemm Ġwanni, id-dixxiplu li Ġesù kien iħobb (cf. Ġw 19, 26). U hu qal lil Ġwanni: “Din hija ommok”.

Dan il-kliem huwa miktub minn Ġwanni nnifsu, evanġelista. U żied: “Minn dak il-waqt id-dixxiplu ħadha f’daru” (Ġw 19, 27).

5. L-għerf etern ġie fid-dinja u kien imxandar mill-Iben li sar bniedem u twieled mill-Verġni Marija.

Lgħerf etern sa mill-bidu tiegħu iħaddan ukoll lil Marija meta jalloka l-għamara terrena lill-Iben: “Tella l-għarix tiegħek f’Ġakobb; , u iret sehmek f’Iżrael” (Sir 24, 8). Hi hija bint Iżrael, hija mid-dixxendenza ta’ Ġakobb. Hija Omm il-Messija!

Kemm huwa stupend il-kliem tal-ktieb ta’ Bin Sirak li jitwettaq fiha, Verġni ta’ Nażżaret mhix magħrufa u moħbija: “Qabel kull żmien, fil-bidu, ħalaqni, u sal-aħħar taż-żmien ma niġix nieqsa” (Sir 24, 9). Int, Bint maħbuba ta’ Alla Missierna, int ipprofetizzata għall-eternità fl-għerf divin, meta mill-eternità permezz tal-għerf l-Iben kien mogħti lilna.

Int, Omm maħbuba tal-Iben ta’ Alla!

Int, Verġni għarusa tal-Ispirtu Santu!

Int, li tgħammar fit-tabernaklu tat-Trinità Qaddisa.

Fis-sewwa, int se tkun dejjem propju fil-qalb tal-pjan divin.

U huwa minnu wkoll dak li l-għerf ixandar iktar ‘il quddiem dejjem fil-ktieb ta’ Bin Sirak: “Għamiltha ta’ qaddej quddiemu fl-Għarix imqaddes, u hekk tqiegħed fis-sod f’Sijon . . . u s-setgħa tiegħi kienet fuq Ġerusalem” (Sir 24, 10-11).

6. L-għerf etern ipprovoka dan kollu.  U fiż-żmien l-għerf etern ħbieh, sa dak li seħħ fuq is-salib ta’ Kristu. Imma propju li – għas-salib ta’ Kristu – l-għerf etern irrivela is-servizz tiegħek u l-qawwa tiegħek! U dan għamlu bil-kliem “Din hija ommok!”.

L-unika persuna li semgħet dan il-kliem kienet Ġwanni, u fih jisimgħu kulħadd u kull wieħed u waħda!

Omm, dan huwa s-servizz tiegħek, is-servizz imqaddes tiegħek!

Omm, din hija l-qawwa tiegħek! Permezz ta’ dan is-servizz qaddis, l-iktar qaddis, permezz ta’ din il-qawwa materna int “ixxenxel għeruqek f’poplu ta’ ġieħ f’sehem il-Mulej, fil-wirt tiegħu” (Sir 24, 12).

Ilkoll nixtiquk bħala Ommna, għal dan tħallejt minn Kristu mgħolli fuq is-salib. U din l-azzjoni tiegħek hija l-frott tal-għerf etern. Ilkoll nixtiequ s-servizz matern tiegħek li jirbaħ il-qlub, u nixtiequ b’mod qawwi din il-qawwa li huwa s-servizz matern imwieled mill-misteru kollu ta’ Kristu.

L-appellattiv ta’ Addolorata jfisser appuntu dan. “Alma socia Christi” tfisser dan, hija assoċjata ma’ Kristu fil-misteru kollu, li l-għerf etern jirrivelalna u li tiegħu nixtiequ jkollna sehem dejjem iktar b’mod profond: “Min jiekol minni jieħdu ġuħ għal iktar, u min jixrob minni jieħdu għatx għal iktar” (Sir 24, 20).

7. Għeżież ħuti: permezz tal-liturġija tallum, it-talb u s-suppliki u l-imħabba ta’ Ommu huma offruti għal dawk kollha li jisperimentaw l-għejja u l-isfidi ta’ din id-dinja teknoloġika:

– għal dawk kollha minnkom li fid-diversità etnika tagħkom tiffurmaw il-fabbriki ta’ din il-belt kbira, billi tisfurzaw biex tibqgħu fidili lejn l-oriġni  tagħkom, waqt li taħdmu biex tesprimu l-għaqda morali l-ġdida tagħkom fil-Kanada;

– għal dawn li jgħixu f’Toronto, din l-art tal-Kanada ta’ żvilupp teknoloġiku u industrijali;

– għal dawk kollha li b’mod jew b’ieħor jiffurmaw is-soċjetà teknoloġika: għal min jaħdem fl-industrija, għal dawk kollha li jimpenjaw ruħhom f’attivitàjiet finanzjarji, kummerċjali, edukattivi, editorjali, tal-informatika, ta’ riċerka medika, fl-arti; għall-mexxejja tal-komunitajiet, għal dawk li jipprovdu x-xogħol dirett jew indirett ta’ miljuni ta’ persuni;

– għal dawk bla xogħol u għal dawk kollha li nqabdu fl-ispirali ta’ kriżi ekonomika u qegħdin ibatu mill-effetti soċjali tagħha;

– għall-foqra u għal dawk kollha li jisperimentaw l-aljenazzjoni u għal min għandu l-ġuħ u l-għatx tas- solidarjetà.

8. It-talb ta’ Kristu huwa għalikom ilkoll li tgħixu fit-tama, maġemb is-salib li jogħla lejn is-sema u jdawwal l-eżistenza kuljum bid-dawl tal-għerf. U maġembkom, taħt dan is-salib, hemm din l-Omm amoruża li sperimentat in-niket u tifhem l-għejja, u li, fil-maternità u l-femminilità tagħha, toffri lill-umanità kollha l-assikurazzjoni tal-kuri tagħha mimlija mħabba u tal-interessament personali għal kull individwu, għal kull persuna umana.

9. U llum nitlob lilkom ilkoll biex tqisu t-teknoloġija fil-kuntest tal-messaġġ tas-salib u li tagħmlu dak kollu li jiddependi minnkom sabiex il-poter tat-teknika iservi l-kawża tal-paċi. It-teknoloġija tat ħafna għall-ġd tal-umanità, ikkontribwiet ħafna biex togħla l-kondizzjoni tal-bniedem, biex taqdi l-umanità u biex tiffaċilità u tkompli l-opra tagħha! U bdanakollu, it-teknoloġija, kultant, ma tistax tiddetermina b’mod ċar lil min qegħda isservi: jekk hux lill-umanità  jew kontra tagħha. L-istess teknoloġija li għandha l-poter li tgħin lill-foqra kultant tfaqqar, tillimita l-possibiltajiet tal-impjieg, iċċekken il-kamp tal-krejattività tal-bniedem. F’dawn il-każijiet u f’oħrajn it-teknoloġija tieqaf tkun l-allejata tal-persuna umana.

Huwa għalhekk li l-appell tiegħi huwa ndirizzat lilkom ilkoll: responsabbli tal-impriżi, xjenzjati, politiċi responsabbli, lil dawk kollha li jistgħu jikkontribwixxu biex jagħmlu li t-teknoloġija li tant tat għall-bini tal-Kanada u ta’ Toronto, isservi tassew lil kull raġel, lil kull mara u lil kull tifel u tifla ta’ dan il-Pajjiż.

U waqt li t-teknoloġija tagħraf l-ikbar tas-suċċessi, tistà twassalna biex inħabbru l-kobor insuperabbli tal-għerf divin li jirrendi possibbli t-teknoloġija, imma jirrivela wkoll il-limiti bis-salib ta’ Kristu. U permezz tas-salib ta’ Kristu, l-għerf divin juri din id-dinja ġdida li kull teknoloġija għandha sservi: dak li nħabb mill-imħabba ta’ Ommu. Illum aħna ngħollu talbna lil din l-Omm:

Kun il-gwida tagħna għal Ġesù, o Marija;

Kun għalina Kewkba ta’ filgħodu li tiddi fis-sema tal-għerf etern, fuq l-orizzonti tad-dinja umana tagħna. Amen.

F’din l-okkażjoni nixtieq insellem lil dawk kollha fostkom li ġew minn l-Italja. Nixtieq ukoll niżżikom ħajr għal-laqgħa sħuna tal-bieraħ u tallum. Il-ħajja ta’ kull emigrant għandha d-diffikultajiet tagħha imma wkoll l-opportunità għal kollox partikulari li hija dik li jistà jikseb mis-sorsi ta’ żewġ kulturi u jakkwista b’dan il-mod għerf li ma jiġix neċessarjament mill-kotba imma mill-għixien u l-ħidma f’żewġ ambjenti differenti. Għeżież Taljani, intom ġibtu tant minn art twelidkom bil-miġja tagħkom minn reġġjuni differenti tal-Italja. Intom ukoll ksibtu tant mill-Kanada u lill-Kanada tistgħu ttuha dak kollu li rċivejtu mill-maħbuba Italja tagħkom. Alla huwa l-istess fiż-żewġ nazzjonijiet, il-Knisja tiegħu hija l-istess, u l-Papa jiġi minn Ruma! Ibqgħu fidili lejn Alla u għallmu lil uliedkom ikunu fidili mhux biss bil-kliem imma b’nod speċjali b’ħajjitkom u bl-eżempju tagħkom. Jalla Alla u Marija, Ommna ċelesti, ibierku lilkom u lill-familji tagħkom kif ukoll lill-għeżież tagħkom fl-Italja.

Nagħti t-tislimiet tiegħi lilkom ilkoll, immigrati Portugiżi. Niżżikom ħajr għat-tislijiet mill-qalb tagħkom, dawk tal-bieraħ u dawk tallum. Irnexxilkom tistabilixxu ruħkom f’dan il-Pajjiż, bix-xogħol tqil u ddixxiplinat tagħkom.

Il-ħajja tal-immigrat mhix dejjem faċli, imma l-isforz tagħkom huwa mbierek minn Alla. Il-Pajjiżi huma differenti wieħed mill-ieħor; imma Alla huwa l-istess fil-partijiet kollha tad-dinja. Waħda mill-karatteristiċi tal-Knisja hija li tkun kattolika: jiena nħeġġiġkom sabiex tibqgħu fidili lejn Alla u l-Knisja tiegħu, mibnija fuq Pietru, u għallmu lil uliedkom l-istess fedeltà. Jiena nitlob lil Alla u lill-Madonna ta’ Fatima għalikom u għall-familji tagħkom kollha. F’isem l-istess Alla imberikkom.

Nixtieq insellem lil dawk minnkom li l-lingwa tagħhom hija l-Ispanjol. Intom ġejtu minn bosta Pajjiżi u kultant l-adattament għall-ambjent il-ġdid jistà jkun diffiċli; imma għal tant diffikultajiet intom weġibtu b’ħiliet simili li kienu jibqgħu moħbija kieku bqajtu f’art twelidkom. Il-Pajjiżi jistgħu jkunu differenti, imma Alla huwa dejjem l-istess. Huwa jsejħilkom biex tkunu fidili lejh u lejn il-Knisja tiegħu. Assikuraw li wliedkom jirċievu l-edukazzjoni kattolika, u għallmuhom bl-eżempju tagħkom biex ikunu segwaċi ta’ Ġesù.

Alla jbierek lilkom u lill-familjari tagħkom, kif ukoll lill-għeżież tagħkom li jgħixu fi Spanja u f’Pajjiżi oħra tal-lingwa Spanjola.

Insellem lil dawk kollha li l-lingwa tagħhom kienet u għadha l-Ġermaniż. Il-parti l-kbira minnkom ilha fil-Kanada għal bosta snin u diġa kważi nsiet id-diffikultajiet tal-emigrazzjoni. Dmirkom issa huwa dak li tkunu fidili lejn dak kollu li ngħatalkom. Irċivejtu ħafna, u allura għandkom ħafna x’tagħtu. Tistgħu tagħtu ħafna lill-Kanada u tagħtu ħafna lil uliedkom. Alla u l-Knisja tiegħu akkumpanjawkom fl-imgħoddi. Kulfejn tkunu, nirrakkomandalkom li tibqgħu fidili lejn Alla u li tittrażmettu din il-fedeltà lil fidi ta’ wliedkom. Jalla l-Mulej iberikkom u jbierek lill-familji tagħkom.

Insellem lill-għeżież Kroati tiegħi! Sinċerament niżżikom ħajr, għal-laqgħa sħuna u kordjali, u għall-merħba tagħkom. It-tislima tagħkom indirizzata lis-suċċessur ta’ Pietru hija s-sinjal tal-fidi u l-fedeltà ferma, għal tlettax-il darba, lil Ġesù Kristu u l-Knisja tiegħu. Din il-fedeltà intom tgħallimtuha mingħand missirijietkom, u jiena anqas qatt ma jaqagħli f’rasi li niddubita intom għallimtuhiex ukoll lil uliedkom din l-istess fedeltà lejn il-Knisja ta’ Ġesù Kristu.

Il-Kanada hija differenti mill-Kroazja għażiża tagħkom, imma l-Knisja hija l-istess, kemm hawn kif ukoll hemm. Il-komunjoni tagħkom mal-Knisja intom turuha bil-komunjoni tagħkom mal-isqof lokali u bl-ubbidjenza tagħkom lilu, għaliex unikament bil-komunjoni mal-isqof titwettaq ukoll il-komunjoni mal-Knisja ta’ Ġesù Kristu.

Nitlob lil Alla jbierek lilkom, il-familji tagħkom, il-komunitajiet parrokkjali tagħkom, u l-Kroazja għalija dejjem għażiża.

Fl-aħħarnett, nixtieq insellem lill-komumitajiet etniċi l-oħra li jgħammru f’din il-parti tal-Kanada u li bnew il-parroċċi u l-missjonijiet  tagħhom maġemb l-oħrajn li semmejt issa. Il-popli mwielda l-Kanada, il-Libaniżi, l-Armeni, il-Karajbiċi, iċ-Ċiniżi, iċ-Ċeki, l-Ungeriżi, il-Koreani, l-Indoneżjani, il-Laotjani, il-popli ta’ Goa Kherala u partijiet oħra tal-Indja, il-Maltin, il-Filippini, is-Slovakki, is-Sloveni, il-Vjietnamiżi, il-ħafna Ukrajni u Polakki li ltqajt magħhom ilbieraħ.

Lil kull wieħed u waħda u lilhom ilkoll mixtieq nesprimi l-iżżi ħajr sinċier tiegħi għat-tislim sħun u mimli mħabba ndirizzat lili ilbieraħ u llum. Il-preżenza tagħkom hawn mas-suċċessur ta’ Pietru huwa s-sinjal viżibbli u udibbli tal-għaqda vera tal-Knisja u tal-universalità tal-missjoni tagħha. Il-preżenza viżibbli hija wkoll sinjal  tax-xewqa ferma li tibqgħu fidili lejn l-għeruq u lejn it-tradizzjonijiet tal-artijiet ta’ twelidkom, ta’ Art Twelidkom. U huwa wkoll sinjal tax-xewqa tagħkom li timmaturaw permezz tal-għana (rikkezza), tas-sens tal-ġentilezza tal-Kanada u li titgħallmu mit-tradizzjonijiet, istituzzjonijiet biex tibnu u tissalvagwardaw il-libertà u d-dinjità umana. Inħeġġiġkom biex tibqgħu fidili lejn Alla u lejn il-Knisja tiegħu. Agħmlu dak kollu li tistgħu biex tikkomunikaw din il-fedeltà lil uliedkom. U nitlob lil Marija, Omm Alla u Ommna, li tmexxikom kontinwament lejn Binha.

Miġjub għall-Malti minn  Emanuel Zarb

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading