VJAĠĠ APPOSTOLIKU FIL-KANADA
QUDDIESA TAL-EŻALTAZZJONI TAS-SALIB IMQADDES
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Central Commons (Halifax)
Il-Ġimgħa, 14 ta’ Settembru 1984
Nadurawk o Kristu u nfaħħruk, għaliex b’salibek inti fdejt id-dinja. Alleluia..
Għeżież ħuti.
1. Bħala rappreżentanti tal-poplu ta’ Alla fl-arċidijoċesi ta’ Halfax, ta’ Kap Breton, ta’ Nova Skozja kollha u tal-gżira Prince Edward, intom miġburin f’din l-akklamazzjoni tal-liturġija mal-arċisqof Hayes, mal-isqfijiet l-oħra u mal-Knisja fid-dinja kollha. Il-Knisja kattolika llum tiċċelebra l-festa tal-Eżaltazzjoni tas-Salib ta’ Kristu. Kif Kristu msallab huwa mgħolli mill-fidi fil-qlub ta’ dawk kollha li jemmnu, hekk huwa jgħolli dawk l-istess qlub b’tama li ma tistax tkun meqruda. Ladarba s-salib huwa s-sinjal tal-fidwa, u fil-fidwa hemm inkluża l-wegħda tal-qawmien mill-imwiet u l-bidu tal-ħajja l-ġdida: l-elevazzjoni tal-qlub umani.
Fil-bidu tal-uffiċċju tiegħi fis-sedja ta’ Pietru fittixt li nipproklama din il-verità bl-enċiklika Redemptor Hominis. F’din l-istess verità nixtieq illum inkun magħqud magħkom ilkoll fl-adorazzjoni tas-salib ta’ Kristu:
“La tinsewx l-għemejjel ta’ Alla” (cf. Sal 78, 7).
2. Biex nadattaw ruħna għall-akklamazzjoni tal-liturġija tallum, ejjew insegwu attentament il-mogħdija mmarkata minn dan il-kliem qaddis li fih jiġi mxandar lilna l-misteru tal-Eżaltazzjoni tas-salib.
L-ewwelnett, f’dan il-kliem hemm miġbur is-sinifikat tat-Testment il-Qadim. Skont Santu Wistin, it-Testment il-Qadim fih dak li huwa kollu kemm hu rivelat fil-ġdid. Hawn għandna x-xbiha tas-serp tal-bronż li għaliha rrifera Ġesù fit-taħdita tiegħu ma’ Nikodemu. Il-Mulej stess irrivela s-sinifikat ta’ din ix-xbiha meta qal: “U kif Mosè għolla s-serp fid-deżert, hekk hemm bżonn li jkun mgħolli Bin il-bniedem sabiex kulmin jemmen fih ikollu l-ħajja ta’ dejjem” (Ħw 3, 14-15).
Matul il-mixja tal-poplu ta’ Iżrael mill-Eġittu għall-Art Imwegħda -għaliex in-nies bdew igergru – Alla bagħat invażjoni ta’ sriep valenużi li minħabba fihom mietu bosta. Meta dawk li baqgħu ħajjin ammettew il-ħtija tagħhom talbu lil Mosè biex jinterċedi ma’ Alla: “Itloblill-Mulej biex ibigħed minna dawn is-sriep” (Nm 21, 7).
Mosè talab u rċieva mingħand il-Mulej din l-ordni: “Agħmel serp u qiegħdu fuq lasta. Kulmin wara li jkun ingidem iħares lejh jibqà ħaj” (Nm 21, 8). Mosè obda l-ordni. Is-serp tal-bronż imwaqqaf fuq il-lasta irrapreżenta s-salvazzjoni mill-mewt għal dawk kollha li kienu jingidmu mis-sriep.
Fil-ktieb tal-Ġenesi s-serp kien is-simbolu tal-ispirtu tal-ħażin. Imma issa, b’inversjoni sorprendenti, is-serp tal-bronż mgħolli fid-deżert isir ffigurazzjoni ta’ Kristu, mgħolli fuq is-salib.
Il-festa tal-Eżaltazzjoni tas-salib titlob lil moħħna u, sa ċertu punt, tirrendi attwali, l-elevazzjoni ta’ Kristu fuq is-salib. Il-festa hija l-elevazzjoni ta’ Kristu redentur: kulmin jemmen fi Kristu redentur ikollu l-ħajja ta’ dejjem.
L-elevazzjoni ta’ Kristu fuq is-salib tikkostitwixxi l-bidu tal-elevazzjoni tal-umanità permezz tas-salib. U t-twettiq aħħari tal-elevazzjoni hija l-ħajja eterna.
3. Din il-ġtajja tat-Testment il-Qadim hija mfakkra fit-tema ċentrali tal-Vanġelu ta’ San Ġwann.
Għaliex is-salib u Kristu mislub huma l-bieb għall-ħajja ta’ dejjem?
Għaliex fih – fi Kristu Mislub – hija murija l-milja tal-imħabba ta’ Alla għad-dinja, għall-bniedem.
Fl-istess taħdita ma’ Nikodemu Kristu jgħid: “Alla infatti tant ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu uniku sabiex kull min jemmen fih ma jmutx imma jkollu l-ħajja ta’ dejjem. Alla ma bagħatx lil Ibnu fid-dinja biex jagħmel ħaqq minnha imma biex id-dinja ssalva permezz tiegħu” (Ġw 3, 16-17).
Is-salvazzjoni tal-Iben ta’ Alla permezz tal-elevazzjoni fuq is-salib għandha s-sors tagħha etern fl-imħabba. Hija l-imħabba tal-Missier li jibgħat lill-Iben; huwa joffri lil Ibnu għas-salvazzjoni tad-dinja. Fl-istess ħin hija l-imħabba tal-Iben li ma “jiġġudikax” id-dinja, imma jissagrifika lilu nnifsu għall-imħabba lejn il-Missier u għas-salvazzjoni tad-dinja. Bl-għotja tiegħu nnifsu lill-Missier permezz tas-sagrifiċċju tas-salib huwa joffri fl-istess waqt lilu nnifsu għad-dinja: għal kull persuna ndividwalment u għall-umanità kollha kemm hi.
Is-salib jiġbor fih il-misteru tal-fidwa, għaliex fis-salib l-imħabba titgħolla. Dan ifisser l-eżaltazzjoni tal-imħabba għall-punt suprem fl-istorja tad-dinja: fis-salib l-imħabba hija eżaltata u s-salib huwa fl-istess ħin eżaltat permezz tal-imħabba. U mill-għoli tas-salib l-imħabba tinżel għandna. Iva: “Is-salib huwa l-iktar tbaxxija profonda tad-divinità fuq il-bniedem. Is-salib huwa bħal mess tal-imħabba eterna fuq il-ġrieħi l-iktar dolorużi tal-eżistenza terrena tal-bniedem” (Ioannis Pauli PP. II, Dives in Misericordia, 8).
4. Mal-miġja tal-Vanġelu ta’ Ġwanni l-liturġija tal-festa tallum iżżid il-preżentazzjon magħmula minn Pawlu fl-ittra tiegħu lill-Filippin. L-Appostlu jitkellem dwar svojtar ta’ Kristu permezz tas-salib; u fl-istess ħin dwar l-elevazzjoni ta’ Kristu ‘il fuq mill-ħwejjeġ kollha; u dan ukoll kellu l-bidu tiegħu fl-istess salib:
“Ġesù Kristu . . . xejjen lilu nnifsu billi ħa n-natura ta’ lsir; sar jixbaħ lill-bnedmin, u deher minn barra bħala bniedem; ċekken lilu nnifsu, billi obda sal-mewt, anzi sal-mewt tas-salib. Għalhekk Alla għollieh sas-smewwiet u tah Isem li ju fuq kull isem biex fl-isem ta’ Ġesù kull irkoppa tiltewa, fis-smewwiet, fuq l-art u taħt l-art , u kull ilsien jistqarr li Ġesù Kristu hu l-Mulej: għall-glorja ta’ Alla l-Missier” (Fil 2, 6-11).
Is-salib huwa s-sinjal tal-umiljazzjoni l-iktar profonda ta’ Kristu. F’għajnejn il-poplu ta’ dak iż-żmien kien jikkostitwixxi is-sinjal ta’ mewt vergonjuża. L-iskjavi biss setgħu jiġu kkastigati b’mewt simili, mhux il-bnedmin ħielsa. Kristu, iżda, jaċċetta volontarjament din il-mewt, il-mewt fuq is-salib. Bdanakollu din il-mewt issir il-prinċipju tal-qawmien mill-imwiet. Fil-qawmien mill-imwiet il-qaddej imsallab ta’ Jaħwè jiġi mgħolli: huwa jiġi mgħolli fuq il-ħolqien kollu..
Fl-istess ħin is-salib ukoll jiġi mgħolli. Dan ma jibqax iktar is-sinjal ta’ mewt vergonjuża u jsir is-sinjal tal-qawmien mill-imwiet, jiġifieri tal-ħajja. Permezz tas-sinjal tas-salib, mhuwiex il-qaddej jew l-iskjav li jitkellem, imma l-Mulej tal-ħolqien kollu.
5. Dawn it-tliet elementi tal-liturġija tallum, it-Testment il-Qadim, l-innu kristoloġiku ta’ Pawlu u l-Vanġelu ta’ Ġwanni, jiffurmaw flimkien l-għana (rikkezza) kbira tal-misteru tat-trijonf tas-salib.
Waqt li nsibu ruħna mgħaddsin f’dan il-misteru mal-Knisja, li madwar id-dinja tiċċelebra llum l-Eżaltazzjoni tas-Salib Imqaddes, nixtieq naqsam magħkom, b’mod speċjali, l-għana (rikkezza) tagħha, għeżież ħuti tal-Arċidijoċesi ta’ Halifax, għażiż poplu ta’ Nuova Scozia, tal-Gżira Prince Edward u tal-Kanada kollha.
Iva, nixtieq naqsam magħkom ilkoll l-għana ta’ dak is-Salib Imqaddes – li bħala standard ta’ fidwa – kien imwaqqaf fuq artkom 450 sena ilu. Minn dakinhar is-salib ittrijonfa f’din l-art u, permezz tal-kollaborazzjoni ta’ eluf ta’ Kanadiżi, il-messaġġ ta’ ħelsien u ta’ fidwa tas-salib, infirex sa trufijiet id-dinja.
6. Fl-istess ħin nixtieq nonora l-kontribut missjunarju ta’ wlied maskili u femminili tal-Kanada li taw ħajjithom “sabiex il-kelma tal-Mulej tinfirex u jkun igglorifikat kif inhu ukoll fostkom” il-poter tas-salib li tahom il-qawwa biex jersqu ‘l quddiem u jwettqu l-kmand ta’ Kristu: :Morru mela u għallmu lill-ġnus kollha, billi tgħammduhom fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu Santu” (Mt 28, 20).
U filwaqt li nonora l-missjunarji tagħkom, similment nonora lill-komunitajiet imferrxa mad-dinja li laqgħu l-messaġġ tagħhom u mmarkaw l-oqbra tagħhom bis-salib ta’ Kristu. Il-knisja hija grata għall-ospitalità tagħhom li ppermettew post ta’ difna, minn fejn huma qegħdin jistennew l-eżaltazzjoni definittiva tas-salib imqaddes fil-glorja tal-qawmien mill-imwiet u tal-ħajja eterna.
Nesprimi gratitudni profonda għaż-żelu li kkaraterizza l-Knisja fil-Kanada u niżżikom ħajr għat-talb, għall-kontributi u l-attivitajiet differenti li permezz tagħhom intom issostnu l-kawża missjunarja. B’mod partikolari niżżikom ħajr għall-ġenerożità tagħkom lejn il-missjoni ta’ għajnuna tas-soċjetajiet min-naħa tas-Santa Sede.
7. L-evanġelizzazzjoni tibqà dejjem il-wirt sagru tal-Kanada, li joffri realment storja glorjuża tal-attività missjunarja f’pajjiżkom u barra minn pajjiżkom. L-evanġelizzazzjoni jeħtieġ li tkompli tkun imwettqa permezz tal-impenn personali, billi tippridka t-tama fil-wegħdi ta’ Ġesù u bix-xandir tal-imħabba fraterna. Se tkun dejjem magħquda mal-impjant u l-edifikazzjoni tal-Knisja u se jkollha relazzjoni profonda mal-iżvilupp u l-libertà bħala espressjoni tal-progress uman . Fiċ-ċentru ta’ dan il-messaġġ, madankollu, hemm proklamazzjoni ċara ta’ salvazzjoni f’Ġesù Kristu, dik is-salvazzjoni determinata mis-salib. Hawn hu l-kliem ta’ Pawlu VI: “L-evanġelizzazzjoni se tidher dejjem – ukoll bħala bażi, ċentru u dejjem quċċata tad-dinamiżmu tagħha – proklamazzjoni ċara li, f’Ġesù Kristu, l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem, li miet u rxoxta, is-salvazzjoni hija offruta lil kull bniedem, bħala don ta’ grazzja u ħniena ta’ Alla stess” (Pauli VI, Evangelii Nuntiandi, 27).
Il-Knisja fil-Kanada tkun hija nfisha jekk ixxandar fost il-membri kollha tagħha, bil-kliem u bil-fatti, l-eżaltazzjoni tas-salib, u li dejjem, fil-Pajjiż u barra mill-Pajjiż, hija tkun Knisja evanġelizzanti.
Ukoll jekk dan il-kliem ġej mingħandi, hemm ieħor li jitkellem kullimkien fil-qlub taż-żgħażagħ. Dan huwa l-Ispirtu Santu stess, u huwa hu li jagħmel pressjoni fuq kull wieħed minna, bħala membru ta’ Kristu, biex iġegħlna nħaddnu u nwasslu l-Bxara t-Tajba tal-imħabba ta’ Alla. Imma lil xi wħud l-Ispirtu Santu qiegħed jipproponilhom il-kmand ta’ Ġesù fil-forma speċifika missjunarja: morru u rreklutaw dixxipli min-nazzjonijiet kollha. Quddiem il-Knisja kollha, jiena, Ġwanni Pawlu II, nipproklama mill-ġdid għal darb’oħra il-valur assolut tal-vokazzjoni missjunarja. U nassigura lil dawk kollha msejħin għall-ħajja ekkleżjastika u reliġjuża li Sidna Ġesù huwa lest biex jaċċetta u jirrendi fruttuż is-sagrifiċċju speċjali ta’ ħajjithom, fiċ-ċelibat, għall-eżaltizzjoni tas-salib.
8. Illum il-Knisja, waqt li xxandar il-Vanġelu, terġa tgħix b’xi mod il-perijodu kollu li jibda nhar l-Erbgħa tal-Irmied, jilħaq il-quċċata matul il-Ġimgħa Mqaddsa u fl-Għid u jkompli fil-ġimgħat suċċessivi sa Pentekoste. Il-festa tal-Eżaltazzjoni tas-salib imqaddes hija bħall-enċiklopedija tal-misteru paskwali kollu ta’ Sidna Ġesù Kristu.
Is-salib huwa glorjuż għaliex fuqu Kristu ġie mgħolli. Permezz tiegħu Kristu għolla l-bniedem. Fuq is-salib kull bniedem huwa tassew elevat għad-dinjità sħiħa, għad-dinjità tal-iskop aħħari tiegħu f’Alla.
Barra minn hekk, permezz tas-salib, hija rivelata l-qawwa tal-imħabba li tgħolli l-bniedem, li teżaltah.
Tassew il-pjan ta’ Alla dwar il-ħajja nisranija huwa kondensat hawn b’mod meraviljuż: il-pjan ta’ Alla u s-sens tiegħu! Ejjew nagħtu l-aċċettazzjoni tagħna lill-pjan ta’ Alla u lis-sens tiegħu! Ejjew insibu mill-ġdid il-post tas-salib f’ħajjitna u fis-soċjetà tagħna.
Ejjew nitkellmu dwar is-salib b’mod partikolari lil dawk kollha li qegħdin ibatu, u ejjew nitrażmettu l-messaġġ tiegħu ta’ tama liż-żgħażagħ. Ejjew inkomplu nxandru sat-truf tal-art il-qawwa tiegħu feddejja: “Exaltatio Crucis!”: il-glorj tas-salib imqaddes!
Ħuti: “La tinsew qatt l-opri tal-Mulej!” Amen.
Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb