VIAĠĠ APPOSTOLIKU FIL-KANADA
LITURĠIJA TAL-KELMA MAL-POPOLAZZJONIJIET INDIĠENI TAL-KANADA
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Santwarju tal-Martri Kanadii (Huronia)
Is-Sibt, 15 ta’ Settembru 1984
Għeżież ħuti f’Ġesù Kristu.
1. “Chay”. B’din il-kelma tradizzjonali ta’ merħba huronjana irrid insellem lil kulħadd. U nsellmilkom ukoll f’isem Ġesù Kristu li jħobbkom u li sejħilkom minn “kull tribù, lingwa, poplu u nazzjon” (Ap 5, 9), biex tkunu ħaġa waħda f’ġismu, il-Knisja. Il-Kanadiżi huma tassew poplu ta ħafna razez u lingwi, u huwa għalhekk motiv ta’ ferħ kbir għalija li nista nitlob magħkom f’dan il-post sagru, is-santwarju tal-Martri, li hu għalina simbolu tal-għaqda tal-fidi f’diversità ta’ kulturi. Insellem lil dawk minnkom li ġew mill-postijiet imbegħda bħan-Nord estrem u minn żoni rurali ta’ Ontario, dawk tal-ibliet tas-Sud, dawk li ġew minn provinċji oħra u minn l-Istati Uniti. Nixtieq insellem b’mod partikolari lill-indiġeni tal-Kanada, id-dixxendenti tal-ewwel abitanti ta’ dan il-Pajjiż, l-Indjani tal-Amerka ta’ Fuq.
2. Ninsabu miġbura f’dan il-post, Midland, li jilbes importanza kbira fl-istorja tal-Kanada u fl-istorja tal-Knisja, Hawn darba kien hawn is-santwarju ta’ Sainte Marie, iddestinat fl-1644 minn wieħed mill-predeċessuri tiegħi il-Papa Urbanu VIII biex ikun post ta’ pellegrinaġġi, l-ewwel wieħed tal-ġeneru fl-Amerka ta’ Fuq. Hawn l-ewwel insara ta’ Huronja sabu “dar tat-talb u post ta’ paċi”. U hawn illum jinsab is-santwarju tal-Martri, simbolu ta’ tama u ta’ fidi, simbolu tat-trijonf tas-salib. Il-qari tas-silta mill-ittra ta’ San Pawl lir-Rumani li għadna propju kemm smajna tgħinna nifhmu s-sinifikat ta’ dan il-post sagru, u minn fejn il-martri kisbu l-kuraġġ li jagħtu ħajjithom f’dan il-Pajjiż. Tgħinna nifhmu l-qawwa li tattira għall-fidi l-popolazzjonijiet indiġeni. U din il-qawwa kienet “l-imħabba ta’ Alla fi Kristu Ġesù, Sidna” (Rm 8, 39).
3. San Pawl ikellimna wkoll dwar il-fiduċa inkrollabli fl-imħabba ta’ Kristu u dwar il-poter tiegħu li jissupera l-ostakli kollha: “Min se jifridna mela mill-imħabba ta Kristu?” (Rm 8, 35). Dan huwa kliem li joħroġ il-profondità tal-esseri tiegħu u mill-esperjenza tiegħu ta’ appostlu Dan il-missjunarju kbir infatti kellu jiffaċċja bosta provi u diffikultajiet fl-impenn żelanti tiegħu tax-xandir tal-Vanġelu. Lill-Korintin jiktbilhom: “Vjaġġi bla numru, perikoli ta’ xmajjar, perikoli ta’briganti, perikoli mill-konnazzjonali tiegħi, perikoli mill-pagani, perikoli fil-bliet, perikoli fid-deżert, perikoli fuq il-baħar, perikoli minn ħuti foloz; taħbit u xogħol iebes, kemm-il darba kelli ngħaddi sahriet bla rqad, bil-ġuħ u bil-għatx; kemm-il darba kelli ngħaddi fis-sawm, fil-ksieh u fl-għera! U biex ma nsemmix ħwejjeġ oħra, dak il-ħafna ġej u sejjer tan-nies ta’ kuljum għandi, u l-ħsieb tal-knejjes” (2 Kor 11, 26-28).
Bdanakollu San Pawl ifaħħar lilu nnifsu f’dawn l-ostilitajiet u jgħid li “f’dan kollu aħna aktar minn rebbieħa bis-saħħa ta’ dak li ħabbna” (Rm 8, 37). Huwa ġarrab bil-ferħ dawn l-ostilitajiet kollha għaliex huwa komvint mill-imħabba ta’ Kristu, u li xejn ma jistà jifirdu minn imħabbtu.
4. L-istess fiduċja fl-imħabba ta’ Alla iggwidat il-ħajja tal-martri li huma meqjuma f’dan is-santwarju. Bħal Pawlu, huma stmaw li l-imħabba ta’ Kristu kienet l-ikbar fost it-teżori kollha. Huma barra minn dan emmnu li l-imħabba ta’ Kristu kienet hekk qawwija li xejn ma kien jistà jifridhom minnu, linqas il-persekuzzjoni u l-mewt. Il-martri nordamerikani irrinunzjaw għall-ħajja għall-imħabba tal-Vanġelu, biex iwasslu l-fidi lill-indiġeni li kienu jaqdu. Nafu infatti li l-fidi tagħhom kienet hekk kbira li twassalhom biex jitolbu l-grazzja tal-martirju. Ejjew niftakru għal waqt wieħed dawn il-qaddisin erojċi li huma meqjuma f’dan il-post u li ħallewlna wirt prezzjuż.
Sitta minnhom kienu Ġiżwiti Franċiżi: Jean de Brébeuf, Isaac Jogues, Gabriel Lalemant, Antoine Daniel Charles Garnier e Noël Chabanel. Imkebbsin b’imħabba lejn Kristu u ispirati minn San Injazju ta’ Loyola, minn San Franġisk Saverju u minn qaddisin kbar oħra tal-Kumpanija ta’ Ġesù, dawn is-saċerdoti ġew fid-Dinja l-Ġdida biex ixandru l-Vanġelu ta’ Ġesù Kristu lill-popolazzjoniiet indiġeni ta’ dan il-Pajjiż. Ipperseveraw sal-aħħar minkejja diffikultajiet ta’ kull xorta.
Kienu jagmlu parti mill-grupp ta’ missjunarji żewġ aħwa: Ren: Goupil e Jean de la Lande. Bl-istess kuraġġ u fervur ugwali, huma għenu lis-saċerdoti fl-opra tagħhom, taw prova ta’ dedikazzjoni kbira u spirtu ta’ servizz lill-Indjani, u bis-sagrifiċċju ta’ ħajjithom kisbu l-kuruna tal-martirju.
Waqt li taw ħajjithom, dawn il-martri kienu qegħdin iħarsu lejn il-futur, lejn dak il-jum li fih l-Indiġeni jkunu laħqu l-maturutà sħiħa u assumew irwol ta’ tmexxija fil-Knisja tagħhom. San Giovanni de Brébeuf ħolom Knisja għal kollox kattolika u għal kollox Huronjana.
Mara żagħżugħa ta’ dixxendenza Algonkwina u Mohawk hija illum ukoll meritevoli ta’ għarfien partikolari: il-Beata Kateri Tekakwirha. Min ma semax min jitkellem dwar ix-xhieda straordinarja ta’ purezza u l-qdusija ta’ ħajjitha? Erbà snin ilu biss kelli l-pjaċir personali li niddikjara Beata lil din il-mara ta’ kuraġġ kbir u ta’ fidi kbira, magħrufa minn bosta bħala l-“Ġilju tal-Mohawk”. Għal dawk minnkom li ġew Ruma għall-beatifikazzjoni tagħha jien dakinhar kont għidt: “Il-Beata Kateri tqiegħed lilha nfisha quddiemna bħala simbolu tal-wirt li huwa tagħkom, tagħkom l-Indjani tal-Amerka ta’ Fuq i” (22 ta’ Ġunju 1980).
5. Waqt li aħa llum hawn miġburin fit-talb fis-Santwarju tal-Martri, irridu nfakkru l-impenn kbir tal-Knisja, mibdi tliet sekli u nofs ilu, biex jitwassal il-Vanġelu ta’ Kristu fil-ħajja tal-Indiġeni tal-Amerka ta’ Fuq. Il-martri hawn meqjuma jikkostitwixxu biss rappreżentanza żgħira ta’ dawk l-irġiel kollha u ta’ dawk in-nisa kollha li ħadu sehem f’dan l-isforz mussjunarju kbir u li fih nies bħall-Beata Kateri ħaddnu bil-ferħ l-fidi nisranija, u baqgħu fidili minkejja l-provi u l-avversitajiet numerużi. Ta’ mportanza kbira għall-Knisja ta’ Huronia huwa Joseph Chiwatenwa, li flimkien ma’ martu Aonnetta, ħuwa Joseph u membri oħra tal-familja ikkomfermaw għal darb’oħra l-verità li tagħha ta xhieda l-appostlu Pawlu: “Min se jifridna mill-imħabba ta’ Kristu?”. Statwa llum tfakkar il-ħajja u l-missjoni ta’ Joseph Chiwatenwa. Hija partikularment impressjonanti ix-xhieda li San Carlo Garnier fil-kitba: “F’dan in-nisrani ejjew inqegħdu t-tama tagħna f’Alla”. Dawn l-irġiel u dawn in-nisa mhux biss ipprofessaw il-fidi u ħaddnu l-imħabba ta’ Kristu, imma saru min-naħa tagħhom evanġelizzaturi, u għadhom saħansitra llum joffru mudell elokwenti tal-ministeru tal-lajċi.
Irridu wkoll niftakru kif it-tradizzjonijiet denji tat-tribujiet Indjani kienu mqawwijin u mogħnija mill-messaġġ evanġeliku. Dawn l-insara ġodda kienu jafu b’mod istintiv li l-Vanġelu, bogħod milli jeqred il-valuri u d-drawwiet awtentiċi tagħhom, kellu l-poter li jippurifika u jeżalta l-patrimonju kulturali li kienu rċivew. Tul l-istorja twila tagħha l-Knisja kostantament arrikkiet ruħha bit-tradizzjonijiet ġodda li ġew bil-mod il-mod biex jingħaqdu ma’ ħajjitha u wirtha .
Illum aħna grati għall-irwol li l-popolazzjonijiet indiġeni jiżvolġu mhux biss fit-tessut multikulturali tas-soċjetà Kanadiża, imma fil-ħajja tal-Knisja kattolika. Kristu nnifsu huwa nkarnat f’ġismu, il-Knisja. U permezz tal-azzjoni tagħha l-Knisja trid tgħin lill-popli kollha “biex tikseb, mit-tradizzjonijiet ħajjin propji, espressjonijiet oriġinali ta’ ħajja nisranija, ta’ ċelebrazzjoni u ta’ ħsieb” (Catechesi Tradendae, 53).
B’dan il-mod l-unika fidi tkun espressa b’modi differenti. Waqt li neskludu li b’xi mod nistgħu nadulteraw il-kelma ta’ Alla jew niżvojtaw mill-qawwa tiegħu is-salib, ir-realtà iżda hija dan: Kristu janima ċ-ċentru stess ta’ kull kultura, li biha mhux biss il-kristjaneżmu jinteressa lill-popolazzjonijiet Indjani kollha, imma Kristu, fil-membri kollha ta’ ġismu, huwa hu stess Indjan.
It-twelid mill-ġdid tal-kultura Indjana jkun barra minn dan twelid mill-ġdid ta’ dawk il-valuri awtentiċi li huma wirtu u għassu, li huma ppurifikati u nnobilitati mir-rivelazzjoni ta’ Ġesù Kristu. Permezz tal-Vanġelu tiegħu. Kristu jwettaq il-popolazzjonijiet indiġeni fil-fidi tagħhom f’Alla, fl-għarfien tal-preżenza tiegħu, fil-ħila tagħhom li jiskopruh fil-ħolqien, fid-dipendenza tagħhom minnu, fix-xewqa tagħhom li jadurawh, fis-sens tagħhom ta’ gratitudni lil dan il-Pajjiż, fl-immaneġġjar responsabbli tagħhom tal-art, fil-qima lejn l-opri kbar tiegħu. Fir-rispett lejn l-anzjani tagħhom. Id-dinja għandha bżonn tara dawn il-valuri – u tant oħrajn li għadha tippossiedi – li għadhom imfittxin fil-ħajja tal-komunità u inkarnati f’poplu sħiħ.
Fl-aħħarnett huwa fis-sagrifiċċju ewkaristiku li Kristu, magħqud mal-membri tiegħu, joffri lill-Missier dak kollu li jikkostitwixxi l-ħajja u l-kulturi. F’dan is-sagrifiċċju huwa jikkonsolida il-poplu tiegħu kollu fl-għaqda tal-Knisja tiegħu u jsejħilna lkoll għar-rikonċiljazzjoni u għall-paċi.
Bħas-Sammaritan it-tajjeb, aħna msejħin biex ninfaxxaw il-ġrieħi tal-proxxmu ragħna f’diffikultà. Flimkien ma’ San Pawl għandna ngħidu: “Alla kien li ħabbibna miegħu permezz ta’ Kristu u fdalna l-ministeru ta’ din il-ħbiberija” (2 Kor 5, 18). Tassew wasal għall-Kanadiżi l-waqt li jwarrbu l-firdiet kollha li qamu tul il-passaġġ tas-sekli bejn il-popli oriġinalment preżenti u dawk li ssetiljaw suċċessivament fil-kontinent. Dan l-appell huwa ndirizzat lill-individwi kollha u lill-gruppi kollha. Lill-Knejjes kollha u lill-komunitajiet ekkleżjali tal-Kanada. Nerġgħu ntennu għal darb’oħra, bl-istess kliem ta’ San Pawl: “Araw, issa hu ż-żmien tajjeb, araw, issa hu jum is-salvazzjoni ” (2 Kor 6, 2).
6. Għeżież ħuti fi Kristu, dan is-Santwarju tal-Martri ta’ Huronia jixhed il-wirt għani li kien trażmess lill-Knisja kollha. Huwa wkoll post ta’ pellegrinaġġ u ta’ talb, memorjal tal-benefiċċji mogħtija minn Alla fl-imgħoddi, ispirazzjoni meta qegħdin induru lejn il-ġejjieni. Ejjew mela nfaħħru lil Alla għall-prontezza providenzjali u għal dak kollu li writna mill-imgħoddi.
Waqt li nkomplu fil-mixja tagħna ejjew nirrakomandaw ruħna lill-interċessjoni tal-martri nordamerikani, lill-Beata Kateri Tekakwitha, lil San Ġużepp patrun tal-Kanada, u lill-qaddisin kollha, flimkien ma’ Marija, Sultana tal-qaddisin. U, magħqudin mal-Knisja kollha – fl-għana tad-diversità kollha u fil-qawwa tal-għaqda tagħha – inxandru bix-xhieda ta’ ħajjitna li la l-mewt u la l-ħajja . . . u ebda ħlieqa oħra ma jistgħu qatt ifirduna mill-imħabba ta’ Alla li dehret fi Kristu Ġesù Sidna” (Rm 8, 38-39).
Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb
Fittex ħafna aktar Omeliji, Diskorsi, Messaġġi u Kitbiet tal-Papa San Ġwanni Pawlu II minn duin il-paġna tal-Laikos … https://www.laikos.org/jpii.htm