LJUN XIV
UDJENZA ĠENERALI
Pjazza San Pietru
L-Erbgħa 3 ta’ Settembru 2025
Ċiklu ta’ Katekeżijiet – Ġublew 2025. Ġesù Kristu t-tama tagħna. III. L-Għid ta’ Ġesù. 5. It-tislib. “Għandi l-għatx” (Ġw 19:28)
Għeżież ħuti,
Fil-qalba tar-rakkont tal-Passjoni, fil-mument l-aktar imdawwal u fl-istess ħin l-aktar mudlam tal-ħajja ta’ Ġesù, il-Vanġelu ta’ Ġwanni jagħtina żewġ kelmiet li jiġbru fihom misteru tal-għaġeb: “Għandi l-għatx” (19:28), u minnufih wara: “Kollox mitmum” (19:30). Kelmiet tal-aħħar, imma mimlija b’ħajja sħiħa, li jikxfu s-sens tal-eżistenza kollha tal-Iben ta’ Alla. Fuq is-salib, Ġesù ma jidhirx bħala eroj rebbieħ, imma bħala tallab tal-imħabba. Ma jipproklamax, ma jikkundannax, ma jiddefendix ruħu. Jitlob, umilment, dak li waħdu ma jista’ bl-ebda mod jagħti lilu nnifsu.
L-għatx tal-Imsallab mhuwiex biss il-bżonn fiżjoloġiku ta’ ġisem imfarrak. Huwa wkoll, u fuq kollox, espressjoni ta’ xewqa profonda: dik għall-imħabba, għal relazzjoni, għal komunjoni. Hija l-karba siekta ta’ Alla li, għax ried jaqsam kollox mill-qagħda tagħna ta’ bnedmin, iħalli wkoll li jiġi fuqu dan l-għatx. Alla li ma jistħix jittallab għal qatra, għax f’dak il-ġest qed jgħidilna li l-imħabba, biex tkun vera, għandha wkoll titgħallem titlob u mhux biss tagħti.
Għandi l-għatx, jgħid Ġesù, u b’dan il-mod hu juri l-umanità tiegħu u anki tagħna. Ħadd minna ma hu biżżejjed għalih innifsu. Ħadd ma jista’ jsalva waħdu. Il-ħajja ssib il-milja tagħha mhux meta nkunu b’saħħitna, imma meta nitgħallmu nirċievu. U proprju f’dak il-mument, wara li jkun irċieva minn idejn oħra sponża mxappa fil-ħall, Ġesù jlissen: Kollox mitmum. L-imħabba ġiet hi fil-bżonn, u proprju għalhekk wasslet sa tmiemha l-opra tagħha.
Dan hu l-paradoss Nisrani: Alla jsalva mhux billi jagħmel, imma billi jħalli jsir. Mhux billi jirbaħ fuq il-ħażen bil-qawwa, imma billi jilqa’ sal-aħħar id-dgħufija tal-imħabba. Fuq is-salib, Ġesù jgħallimna li l-bniedem ma jsibx lilu nnifsu fil-poter, imma fil-ftuħ fiduċjuż għall-ieħor, saħansitra meta hu ostili għalina u għadu tagħna. Is-salvazzjoni mhix qiegħda fl-awtonomija, imma f’li nagħrfu b’umiltà l-bżonn tagħna u nagħrfu nesprimuh b’mod ħieles.
It-twettiq tal-umanità tagħna fil-pjan ta’ Alla mhijiex xi att ta’ forza, imma ġest ta’ fiduċja. Ġesù ma jsalvax b’xi azzjoni ta’ barra minn hawn, imma billi jitlob xi ħaġa li waħdu ma jistax jagħti lilu nnifsu. U hawn jinfetaħ bieb fuq it-tama vera: jekk anki l-Iben ta’ Alla għażel li hu ma jkunx biżżejjed għalih innifsu, allura anki l-għatx tagħna – ta’ mħabba, ta’ sens, ta’ ġustizzja – mhux sinjal ta’ falliment, imma ta’ verità.
Din il-verità, apparentement hekk sempliċi, diffiċli tilqagħha. Qed ngħixu fi żmien li jippremja l-awtosuffiċjenza, l-effiċjenza, il-prestazzjoni. Imma l-Vanġelu jurina li l-umanità tagħna ma nkejluhiex skont kemm nistgħu nakkwistaw, imma mill-ħila li nħallu lil min iħobbna u, meta hemm bżonn, anki jgħinna.
Ġesù jsalvana billi jurina illi li nitolbu l-għajnuna mhix xi ħaġa tal-mistħija, imma li teħlisna. Din hija t-triq li minna nistgħu noħorġu mill-moħba tad-dnub, biex nerġgħu nidħlu fl-ispazju tal-komunjoni. Sa mill-bidu, id-dnub ġab miegħu l-mistħija. Imma l-maħfra, dik vera, titwieled meta nistgħu nħarsu lejn il-bżonn tagħna wiċċ imb wiċċ u ma nibżgħux iżjed li niġu miċħuda.
Għalhekk l-għatx ta’ Ġesù fuq is-salib huwa wkoll tagħna. Hija l-karba tal-umanità midruba li għadha tfittex l-ilma ħaj. U dan l-għatx ma jbegħidniex minn Alla, pjuttost jgħaqqadna miegħu. Jekk insibu l-kuraġġ li nagħrfuh, nistgħu niskopru li anki d-dgħufija tagħna hija pont lejn is-sema. Proprju meta nitolbu – u mhux meta nippossedu – li tinfetaħ quddiemna triq tal-libertà għax nieqfu nippretendu li aħna biżżejjed għalina nfusna.
Fil-fraternità, fil-ħajja sempliċi, fl-arti ta’ min kapaċi jitlob bla mistħija u joffri bla kalkolu, hemm moħbi ferħ li d-dinja ma tafx bih. Ferħ li jroddna lura għall-verità tal-bidu ta’ dak li aħna: aħna ħlejjaq magħmula biex nagħtu u nilqgħu l-imħabba.
Għeżież ħuti, fl-għatx għal Kristu nistgħu nagħrfu l-għatx kollu tagħna. U nitgħallmu li ma hemm xejn iżjed uman, xejn iżjed divin, milli nagħrfu ngħidu: għandi bżonn. Ma nibżgħux nitolbu, fuq kollox meta jidhrilna li ma jixirqilniex. Ma nistħux niftħu jdejna fit-talb. Huwa proprju hemm, f’dak il-ġest umli, li tinħeba s-salvazzjoni.
Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard