It-23 Ħadd matul is-Sena Ċ. Kitba ta’ Fr Michael A. Galea

Kien hemm mara li bdiet, irnexxielha tkompli u li waslet. Għal min qed ngħid? Qed ngħid għal Madre Tereża, illum qaddisa. Dak li se ngħid għal Madre Tereża jgħodd għalija u għalik…għal kull nisrani u għal kull nisranija. Żewġ xhieda jsostnu dan li qed ngħid. L-ewwel nett dak li qal ħuha… “Meta oħti qaltilna bid-deċiżjoni tagħha li tidħol soru, ommi bkiet ħafna, damet ġurnata magħluqa f’kamritha, ma riedet tara lil ħadd u ma tkellem lil ħadd. Imma meta ħarġet minn kamritha, sabet lil oħti u qaltilha: kollox sewwa, la tixtieq issir soru, għandek il-barka tiegħi, pero’ attenta biex tkun dejjem ta’ Ġesu’: idejk poġġihom f’idejh u tabbandunah qatt fil-mixja tiegħek warajh.”

It-tieni xhieda hija dik tal-kardinal Angelo Comastri…Jgħid hekk Angelo Comastri: “L-ewwel darba li ltqajt ma’ Madre Tereża, hija ħaditli jdejja, rassithomli f’tagħha, bħal donnha riedet tgħaddili dak li kellha f’qalbha u qaltli: ibni, mingħajr Alla aħna nsiru fqar wisq biex nistgħu ngħinu lill-fqar! Żommha f’moħħok…Jiena mara fqira li nitlob. Kull meta nitlob Alla jpoġġili f’qalbi ħafna mħabba u b’din l-imħabba jirnexxili nħobb lill-fqar! Qatt ma nsejtu dad-diskors li qaltli.”

X’nikkonkludu minn dan li għedt s’issa dwar Madre Tereża? Nikkonkludu li fis-sempliċita’ tagħha, din is-soru mhux biss bdiet, imma rnexxielha tkompli u tasal, tliet kelmiet li għadni kif bdejt bihom. Pero ħa nagħtikom xi eżempji konkreti: il-kotra tat-tfal Maltin u Għawdxin jibdew tajjeb (jgħammduhom il-ġenituri tagħhom), ikomplu bit-tagħlim tad-duttrina, bis-sehem tagħhom fil-quddiesa, bil-qrar ta’ sikwit…imma xi wħud minnhom jabbandunaw dal-ġid kollu…jekk ma jinsewx ukoll għal kollox l-eżiġenzi tal-kmandamenti t’Alla! Eżempju ieħor: ħafna jibdew tajjeb il-ħajja miżżewġa tagħhom u mbagħad jgħaddi ftit taż-żmien u għal xi wħud minnhom jibda l-inkwiet (għajjat, suspetti, adulterji u separazzjonijiet) Eżempju ieħor: saċerdot jibda tajjeb il-ħidma pastorali tiegħu imma forsi minħabba xi tentazzjonijiet li jiltaqa’ magħhom kuljum, jista’ joħroġ barra mit-triq.

Għaliex diversi nsara ma jkomplux mexjin fit-triq tagħhom wara Ġesu’? Tgħid għax jaqtgħu qalbhom? Jista’ jkun għax il-vanġelu ta’ Ġesu’ mhuwiex zokkor…ħafna drabi huwa mediċina morra, madmad, toqol, salib…Isma’ lil Ġesu’ jgħidlek: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu u jimxi warajja.” Hu stess ma ġiex fid-dinja biex jgħaddieha tajjeb għad li ġieli għajruh “sakranazz”. Fil-vanġelu tal-lum Ġesu’ jgħidilna: “Min jiġi għandi ma jistax ikun dixxiplu tiegħi jekk ma jkunx jobgħod lil missieru u lil ommu, lil martu u lil uliedu, lil ħutu subien u bniet u saħansitra lil ħajtu stess.”

Hemm bżonn nifhmuha tajjeb dil-kelma “tobgħod”. Bħala nsara aħna ma nistgħu nobogħdu lil ħadd, aħseb u ara lill-ġenituri tagħna, lill- partners tagħna, lil ħutna u lil ħajjitna. Għaliex mela Ġesu’ juża l-kelma “tobgħod”? Irridu nżommu quddiem għajnejna li l-lingwa li kien juża Ġesu’ kienet lingwa fqira imma bi ftit kliem trid tfisser ħafna. Għalhekk ħa nittraduċu dan li qalilna Ġesu’ għal-lingwa tagħna. Ġesu’ jrid jgħidilna xi ħaġa hekk: “Min jiġi għandi ma jistax ikun dixxiplu tiegħi jekk ma jħobbnix iktar milli jħobb lil missieru u lil ommu, u lil dawk qrib tiegħu (partners tiegħu) lil uliedu, saħansitra lil ħajtu stess. Għalhekk iebes il-vanġelu ta’ Ġesu’.”

F’wieħed mill-kotba tiegħu, il-kapuċċin Kevin O’ Sullivan jgħidilna hekk: “Ma nistgħux inkunu favur Ġesu’ fil-ġurnata tal-Ħadd imbagħad fis-sitt ijiem l-oħra tal-ġimgħa nkunu kontrieh jew nagħmlu dak li ma jixirqilniex bħala nsara. Dan ifisser li għandna bżonn inkunu segwaċi tiegħu bħala full timers.”

Xi ħadd ieħor qal: “Ħajjitna hija triq lejn is-sema, triq li ma tistax tkun twila ħafna, forsi triq ta’ 50 sena, triq ta’ 70 sena jew tal-iżjed 80 jekk inkunu f’saħħitna u l-biċċa kbira taħbit u niket.”

Nikkonkludi b’żewġ eżempji mill-vanġelu tal-lum. L-ewwel eżempju: importanti li min ikun se jibni torri jara għandux flus biżżejjed biex itella’ dan it-torri għax jekk ma jkollux biżżejjed kulħadd jibda jwaqqgħu għaċ-ċajt. It-tieni eżempju: sultan li jiddeċiedi jaqbad gwerra ma’ sultan ieħor tajjeb jekk għandux suldati biżżejjed biex jirbaħ din il-gwerra għax jekk le malajr ikollu jċedi. 

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading