L-Eżaltazzjoni tas-Salib Imqaddes. Kitba ta’ Fr Michael A. Galea

Ta’ kull sena, fis-6 ta’ Frar, il-Knisja tiċċelebra t-tifkira ta’ San Pawl Miki u sħabu martri. Fil-brevjar, aħna s-saċerdoti u anki xi lajċi naqraw ir-rakkont ta’ kif ġew maqtula dawn il-patrijiet u sħabhom lajċi.

Xhud li kien preżenti jgħid hekk: “Meta sallbuhom, huma għaġġbu lil kulħadd bil-qawwa li wrew. Sew Patri Passius kif ukoll Patri Rodriguez bdew iħeġġu lill-imsallbin sħabhom biex jibqgħu sħaħ sa l-aħħar… Patri Pawl Miki, meta ra ruħu mtella’ fil-għoli aktar mill-oħrajn, qisu f’post ta’ ġieh kbir, beda biex qal lil ta’ madwaru li hu Ġappuniż u Ġeżwita u li kien se jmut għaliex xandar l-Evanġelju; radd ħajr lil Alla għal din il-grazzja hekk kbira…” Kompla jgħid: “Żommu f’moħħkom li ma hemmx triq oħra għas-salvazzjoni ħlief dik tal-insara. Din it-triq tgħallimni li għandi naħfer lill-għedewwa tiegħi… għalhekk jiena naħfer minn qalbi lil dawk kollha li għamluli ħsara, lis-sultan u lil dawk li permezz tagħhom se nieħu l-mewt. Nitlob biss li jieħdu l-magħmudija….” Kompla jgħid dan ix-xhud: “L-imsallbin oħra bdew ikantaw u jirreċitaw xi talb li kienu tgħallmu fil-klassijiet tal-katekiżmu. Imbagħad erba’ suldati siltu x-xwabel mill-għant tagħhom kif jużaw il-Ġappuniżi…resqu fuq dawk l-imsallbin u b’daqqa jew tnejn lil kull wieħed minnhom, malajr temmewlhom ħajjithom.”

Bdejt b’dan ir-rakkont kemm xejn twil għax illum qegħdin niċċelebraw l-eżaltazzjoni tas-salib jew inkella t-trijonf tal-għuda tas-salib. Meta minn Fariżew akkanit u persekutur tal-insara, Sawlu ħa d-dawl fit-triq ta’ Damasku, tgħammed u beda jxandar lil Ġesu’ huwa qal xi ħaġa hekk: “Inħossni dgħajjef, imbeżża’ u mriegħed għax għandkom tkunu tafu li fi żmien Ġesu’, il-kelma ‘salib’ kienet kelma ambigwa.” Għal-Lhud, din il-kelma kienet tfisser forka, għajb, saħta: fil-fatt kellhom drawwa li l-katavru ta’ bniedem mislub kienu jidfnuh dak inhar stess li jmut għax kienu jgħidu: l-imdendel mal-għuda huwa s-saħta t’Alla. Mill-banda l-oħra, għall-pagani, l-għuda tas-salib kienet xi ħaġa tad-daħq u taż-żufjett.

Pero’ ħa nagħtu daqqa t’għajn lejn il-qari tal-lum. Nibdew bl-ewwel lezzjoni meħuda mill-ktieb tan-Numri. L-awtur sagru jgħidilna li dawk kollha li ħarġu mill-Eġittu u kienu qegħdin iterrqu lejn l-Art Imwiegħda ma ħadux it-triq il-qasira imma mxew minn triq ħafna iktar twila, naturalment taħt id-direzzjoni ta’ Mose’. Ħadu madwar erbgħin sena biex imxewha. Forsi tistaqsuni: “Għaliex ma qabdux it-triq il-qasira?” Ħa nsemmi xi raġunijiet…Fost l-oħrajn, Alla ried iġarrabhom u jumiljahom: xtaq jara jekk kinux lesti li joqogħdu għalih u jiddependu fuqu. Iktar: Alla kellu f’moħħu li dawn il-Lhud ikunu preparati biex jieħdu minn għandu l-għaxar kmandamenti tiegħu. Xi ħaġa oħra importanti: Alla ma xtaqx li dawn il-Lhud jiltaqgħu ma’ xi periklu ta’ gwerra ma’ xi poplu ieħor u jiddeċiedu li jergħu lura lejn l-Eġittu minn fejn kienu ġew. Xi mkien qrajt li dil-mixja ta’ erbgħin sena fid-deżert kienet x’aktarx mixja spiritwali iktar milli mixja fiżika u mixja tas-saqajn. Alla xtaq jedukahom u jqaddishom.

Imma dawn il-Lhud xebgħu mexjin lejn l-Art Imwiegħda, tilfu s-sabar b’dan it-tul kollu u bdew igemgmu kontra Alla u kontra Mose’. Bdew jgħidu: “Għaliex tellajtuna mill-Eġittu biex immutu fid-deżert? La ħobż u lanqas ilma ma hawn u dan l-ikel ħafif xbajna minnu!” Jien naħseb li aħna wkoll, ħafna drabi ma naċċettawx il-pjan li Alla għandu għalina. Xi ħadd darba qal: “Hemm żewġ tipi ta’ mirakli: il-miraklu ta’ meta Alla jagħmel magħna dak li nixtiequ aħna u l-miraklu ta’ meta aħna nirrassenjaw ruħna u nħaddnu s-salib li l-Mulej ikun jixtieqna nġorru.”

Minħabba dan it-tgergir tal-Lhud, Alla bagħat ħafna sriep jaħarqu fost il-poplu li bdew jigdmu u joqtlu lil min kien jingidem. Imma għall-interċezzjoni ta’ Mose’, Alla ħenn għal dawk migduma u qal lil Mose’: “Agħmel serp jaħraq u qiegħdu fuq arblu; kull min ikun migdum u jħares lejh ifiq.” Nota qasira fuq dan li qed ngħid. Fil-kamp mediku għadna sal-lum naraw is-sinjal ta’ dan l-arblu b’serp imdawwar miegħu.

Niġi għall-vanġelu. Naħseb ikun biżżejjed dan li se ngħid: “Kif Mose’ refa’ s-serp fid-deżert, hekk jinħtieġ li jkun merfugħ Bin il-Bniedem, biex kull min jemmen fih ikollu l-ħajja ta’ dejjem.”

Nispiċċa b’talba ta’ awtur Taljan. Salib imqaddes ta’ Ġesu’ Kristu, ħenn għalija. Salib Imqaddes ta’ Ġesu’ Kristu, int it-tama tiegħi. Salib Imqaddes ta’ Ġesu’ Kristu, biegħed minni l-perikli kollha. Salib Imqaddes ta’ Ġesu’ Kristu, sawwab fuqi kull ġid.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading