Ġwanni Pawlu II fl-ajruport f’Vancouver. 18-09-1984

VJAĠĠ APPOSTOLIKU FIL-KANADA
QUDDIESA DDEDIKATA LILL-QALB TA’ KRISTU
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Ajruport ta’ Abbotsford  (Vancouver)
It-Tlieta, 18 ta’ Settembru 1984

Bierek ruħ tiegħi lill-Mulej! B’qalbi kollha nbierek l-isem qaddis,tiegħu” (Salm. 103 (102), 1).

1. B’dan il-kliem tal-liturġija tallum, għeżież ħuti, nixtieq nindirizza lili nnifsi, flimkien magħkom ilkoll, lil Alla tal-Imħabba. U nixtieq nagħmel hekk permezz tal-misteru tal-Qalb ta’ Kristu.

Għażilt dan il-kliem għaliex jitkellem dwar qlubna umani – dak  li s-salm jirreferi bħala “kollni kemm jien”. Huwa preċiżament dan li jkollna f’moħħna meta nitkellmu dwar il- “qalb”: kollna kemm aħna, dak kollu li hemm f’kull wieħed u waħda minna. Dak kollu li jiffurmana minn ġewwa, fil-fond tal-esseri tagħna. Dak kollu li jifforma l-umanità kollha tagħna, il-persuna kollha tagħna fid-dimensjoni spiritwali u fiżika tagħha. Dak kollu li jesprimi lilu nnifsu bħala persuna unika u rrepetibbli fl-“intern innifsu” tagħha u fl-istess ħin fit- “traxxendenza” tagħha.

Il-kliem tas-Salm – “Bierek, ruħ tiegħi, lill-Mulej! Kollni kemm jien ibierek ismu” – jgħid  li “qalbna”umana tindirizza lil Alla fil-majjestà tad-divinità u tal-qdusija immaġinabbli tiegħu kollha u, fl-istess ħin, fil- “ftuħ” tal-għaġeb tiegħu lill-bniedem: fil-“kondixxensjoni” tiegħu.

B’dan il-mod “qalb” tiltaqà ma’ “Qalb”; “qalb” tkellem lill-“Qalb”.

2. F’dan l-ispirtu nkxtieq ukoll insellem lil dawk kollha li qegħdin jieħdu sehem f’din l-assemblea Ewkaristika – f’din il-Quddiesa Votiva tal-Qalb Imqaddsa – kif ukoll lil dawk kollha li ġew biex jesprimu r-rieda tajba tagħhom u s-solidarjetà rispettabbli tagħhom ma’ din il-komunità ta’ talb.

Inħossni b’mod profond kuntent li ż-żjara tiegħi fil-Kanada ħaditni fil-belt ta; Vancouver u f’dan il-post ta’ ġabra tal-poplu ta’ Alla. Il-belt hija tassew meraviljuża imqiegħda bejn il-muntanji u l-oċean, billi hija l-ikbar belt tal-Provinċja tagħkom, li hija kollha kemm hi art ta’ sbuħija bla qies: Splendor sine occasu!

L-importanza tal-Provinċja tagħkom hija bla dubju riflessa fil-foresti, il-minerali, il-frott u s-sajd tagħha, u fis-sbuħija li tattira tant turisti. Madankollu l-ikbar importanza hija intom, il-poplu ta’ dan ir-reġġjun. Huwa hawn li intom tgħixu u taħdmu, titħabtu biex tibnu abitat uman xieraq u soċjetà ġusta, Huwa hawn li intom titħabtu biex issolvu l-problemi soċjali li saru tant parti mill-ingranaġġ tal-ħajja f’dawn l-inħawi. Huwa hawn li intom tkomplu it-tiftix tagħkom ta’ Alla u għat-tifsir sħiħ tal-ħajja umana, fost it-taqtigħa bejn it-tajjeb u l-ħażin. U lilkom ilkoll illum jiena noffri l-espressjoni tiegħi tar-rispett profond u tal-imħabba fraterna.

B’mod partikolari nixtieq insellem lill-fidili Kattoliċi tal-Arċidijoċesi ta’ Vancouver, taħt it-tmexxija tal-Arċisqof Carney. Jiena similment grat profondament lejn dawk kollha li għamlu li setgħu bil-kbir biex jiġu minn dijoċesijiet oħra ta’ British Columbia, Victoria, Kamploops, Nelson, Prince George, l-Eparchy of New Westminster taħt it-tmexxija tal-Isqof Chimy u tal-Paċifiku tal-Majjistral. U probabilment mill-Istati Uniti wkoll. Fl-għaqda tal-Ewkaristija jiena nesprimi affett profonde lill-isqfijiet ħuti kollha u lill-kleru kollu, lir-reliġjużi u lil-lajċi kollha tal-Knisja Kattolika.

Fil-karità ta’ Kristu jiena nħaddan lill-Kristjani sħabi kollha li qegħdin jonorawni bil-preżenza tagħhom illum. Niftakar b’apprezzament sinċier u rispett l-isforzi żelanti li saru s-sena l-oħra f’din il-belt mill-Kunsill Mondjali tal-Knejjes biex ixandru lil Ġesù Kristu lid-dinja.

Bi stima fraterna jiena noffri wkoll tislijiet sħan lill-membri tar-reliġjonijiet non-kristjani u liċ-ċittadini kollha ta’ din l-art li ma huma affiljati ma’ ebda reliġjon. Quddiemkom ilkoll jiena niddikjara l-interess profond u l-ansjetà tal-Knisja Kattolika għad-dinjità umana inkomparabbli ta’ kull raġel, mara, u wild f’din id-dinja.

Jiena grat profondament għall-ospitalità estiża lili u għall-istedina biex niċċelebra din l-Ewkaristija, U huwa f’dan il-kuntest ta’ qima pubblika li jiena ġejt għandkom biex inxandar lil Ġesù Kristu, l-Iben etern ta’ Alla: biex inxandar lil Alla inviżibbli li hu jirrivela; u biex inxandar l-imħabba divina li huwa jikkomunika lid-dinja fil-misteru tal-Qalb Imqaddsa tiegħu.

3. Meta ngħidu “Qalb ta’ Ġesù Kristu”, aħna nindirizzaw lilna nfusna f’fidi lill-misteru Kristoloġiku kollu: il-misteru ta’ Alla-Bniedem.

Dan il-misteru huwa espress b’mod għani u profond bit-testi tal-liturġija tallum. Dan huwa l-kliem tal-Appostlu Pawlu fl-Ittra tiegħu lill-Kolossin::

“Ġesù Kristu huwa x-xbiha ta’ Alla li ma jidhirx / il-kbir fost il-ħlejjaq kollha, / għax fih kien maħluq kollox / fis-sema u fl-art: / dak kollu li jidher u dak kollu li ma jidhirx, / Troni u ħakmiet, prinċipati u setgħat” (Kol. 1, 15-16).

Dawn l-aħħar kelmiet jirriferu preċiżament għall-affarijiet “inviżibbli”: il-krejaturi li għandhom purament natural spiritwali.

“Kollox bih u għalih kien maħluq. / Hu li hu qabel kollox, / u kollox fih qiegħed iżomm.” (Ibid. 1, 16-17).

4. Dawn is-sentenzi meraviljużi mill-Ittra ta’ San Pawl jiġu flimkien ma’ dak li huwa mxandar lilna llum fil-Prologu tal-Vanġelu ta’ San Ġwann:

“Fil-bidu kien il-Verb: / il-Verb kien ma’ Alla / u l-Verb kien Alla. / Hu kien fil-bidu ma’ Alla. / Kollox bih sar, / u xejn ma sar mingħajru. / Kien fid-dinja u d-dinja saret bih” (Io. 1, 1-3. 10).

Kemm fit-test ta’ San Ġwann u fit-test ta’ Pawlu hemm miġbura d-duttrina rivelata tal-Iben – Il-Verb ta’ Alla – li huwa tal-istess sustanza divina bħall-Missier. Din hija l-fidi li nipprofessaw meta ngħidu l-Kredu – dik il-professjoni tal-fidi li ġejja miż-żewġ Konċilji l-iktar antiki tal-Knisja universali, F’Niċea u Kostantinopli:

Nemmnu f’Alla wieħed, / il-Missier, li jistà kollox, / li ħalaq is-sema u l-art, / dak li jidher u dak li ma jidhirx. / Nemmnu f’Mulej wieħed, Ġesù Kristu, / l-uniku Iben ta’ Alla, / imnissel mill-Missier qabel kull żmien, / Alla minn Alla, Dawl minn Dawl, / Alla veru minn Alla veru, / imnissel mhux magħmul, / Natura waħda mal Missier. / U bih sar kollox”.

L-iben huwa natura waħda mal-Missier. Huwa Alla minn Alla.

Fl-istess ħin, kulma huwa maħluq għandu l-bidu divin fih, bħall-Verb Divin. Fih l-ħwejjeġ kollha saru u fih għandhom l-eżistenza tagħhom.

5. Din hija l-fidi tagħna. Dan huwa t-tagħlim tal-Knisja dwar id-Divinità tal-Iben. Dan l-Iben etern, Alla tassew, il-Verb ta’ Alla, sar bniedem. Dan huwa l-kliem tal-Vanġelu: “Il-Verb sar bniedem, u għammar fostna” (Ibid. 1, 14).

Fil-Kredu aħna niddikjaraw: “Għalina l-bnedmin u għas-salvazzjoni tagħna niżel mis-sema: bil-qawwa tal-Ispirtu Santu ħa l-ġisem minn Marija Verġni, u sar bniedem “.

Hawn aħna nmissu b’mod iktar dirett ir-realtà tal-Qalb ta’ Ġesù. Għaliex il-qalb hija organu uman, li jappartieni lill-ġisem, li jappartieni lill-istruttura kollha, lill-forma spiritwali u fiżika tal-bniedem: “U l-Verb sar bniedem”.

F’din il-forma l-qalb għandha postha bħala organu. Fl-istess ħin għandha tifsira bħala ċ-ċentru simboliku  tal-bniedem intern, u l-bniedem intern huwa, min-natura, spiritwali.

Il-Qalb ta’ Ġesù kienet ikkonċeputa taħt il-qalb tal-Omm Verġni, u ħajjitha fuq din l-art waqfet fil-waqt li Ġesù miet fuq is-Salib. Dan huwa mixhud mis-suldat Ruman li nifed il-ġemb ta’ Ġesù b’lanza.

Matul il-ħajja kollha ta’ Ġesù fuq din l-art, din il-Qalb kienet iċ-ċentru li fih kienet murija, b’mod uman, l-imħabba ta’ Alla: l-imħabba ta’ Alla l-Iben, u,  mill-Iben, l-imħabba ta’ Alla l-Missier.

Xinhu dak li jikkostitwixxi l-ikbar frott ta’ din l-imħabba fil-ħolqien?

Naqraw dan fil-Vanġelu: “Ġie f’daru, u niesu ma laqgħuhx.  Imma lil dawk li laqgħuh tahom is-setgħa li jsiru wlied Alla . . .” (Ġw. 1, 11-12).

Hawn għandna d-don l-iktar manifiku, l-iktar profond tal-Qalb ta’ Ġesù li nsibu fil-ħolqien: bniedem imwieled minn Alla, bniedem addottat bħala iben fl-Iben Etern, umanità mogħtija l-poter li ssir ulied Alla.

6. U allura l-qalb umana tagħna “mibdula” b’dan il-mod tistà tgħib u hekk tagħmel lill-Qalb Divina dak li nisimgħu fil-Liturġija tallum:

” Bierek ruħ tiegħi, il-Mulej, / u la tinsiex il-ġid kollu li għamel miegħek. / Hu li jaħfer dnubietek kollha, / ifejjaq il-mard tiegħek kollu, / jifdi lil qalbek mill-qabar, / iħaddnek bit-tieba u l-ħniena. / Ħanin u twajjeb il-Mulej, / idum ma jagħdab u kollu mogħdrija” (Salm. 103 (102), 2-4. 8).

Dan huwa l-kliem tas-Salm li fih it-Testment il-Qadim jitkellem dwar il-misteru tal-imħabba ta’ Alla. Kemm iktar jgħidulna l-Vanġeli dwar  il-Qalb divina tal-Iben – u indirettament dwar il-Qalb tal-Missier:

Qalb ta’ Ġesù, għamara ta’ ġustizzja u mħabba!

Qalb ta’ Ġesù, paċenzjuża u l-iktar ħanina!

Qalb ta’ Ġes%, funtana ta’ ħajja u qdusija!

Fl-aħħarnett nistgħu nirrepetu flimkien ma’ Iżaija li dawk li jittamaw fil-Qalb divina “jieħdu saħħithom, itellgħu l-ġwienaħ bħall-ajkli, u jiġru bla ma jegħjew ” (. 40, 31).

7. Le cœur de Jésus Christ, c’est un appel de Dieu, fort et constant, adressé à l’humanité, à chaque cœur humain. Ecoutons encore les paroles de Paul dans la liturgie d’aujourd’hui:

“Il est aussi la tête du corps, / c’est-à-dire de l’Eglise. / Il est le commencement, / le premier-né d’entre les morts, / puisqu’il devait avoir en tout la primauté. / Car Dieu a voulu que, dans le Christ, / toute chose ait son accomplissement total. / Il a voulu tout réconcilier par lui et pour lui, / sur la terre et dans les cieux, / en faisant la paix par le sang de sa Croix” (Col. 1, 18-20).

Voici la perspective ultime que nous ouvre le Cœur de Jésus Christ par la foi. Il est le commencement et la fin de tout ce qui a été créé en Dieu même. Il est la plénitude.

Toute la création visible et invisible avance vers cette Plénitude en lui. En lui est la Plénitude où toute l’humanité est appelée, réconciliée avec Dieu par le sang de Jésus Christ versé sur la Croix.

Mulej Ġesu’ Kristu, / Iben etern tal-Missier Etern, / imwieled minn Marija Verġni, / Nitolbuk tkompli tirrivelalna l-misteru ta’ Alla: sabiex aħna nkunu nistgħu nagħrfu fik “ix-xbiha ta’ l-Alla inviżibbli”; sabiex inkunu nistgħu insibuh fik, fil-Persuna divina tiegħek, fis-sħana tal-umanità tiegħek, fl-imħabba ta’ Qalbek.

Qalb ta’ Ġesù li fiha tgħammar il-milja tad-Divinità!

Qalb ta’ Ġesù, li ilkoll kemm aħna rċivejna l-milja tiegħu’.

Qalb ta’ Ġesù, Sultan u ċentru tal-qlub kollha, għal dejjem ta’ dejjem.. Amen!

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading