IL-PAPA LJUN XIV
ANGELUS
Pjazza San Pietru
Il-Ħadd, 14 ta’ Settembru, 2025
Għeżież ħuti, il-Ħadd it-tajjeb!
Illum il-Knisja tiċċelebra l-Festa tal-Eżaltazzjoni tas-Salib, li biha tfakkar meta Sant’Elena sabet l-għuda tas-Salib, f’Ġerusalemm, u meta l-Imperatur Erakliju radd lura r-relikwija prezzjuża lill-Belt Imqaddsa.
Imma xi tfisser għalina llum iċ-ċelebrazzjoni ta’ dil-festa? Jgħinna nifhmu dan l-Evanġelju li ttina l-Liturġija (cfr Ġw 3,13-17). Ix-xena sseħħ bil-lejl: Nikodemu, wieħed mill-kapijiet tal-Lhud, persuna retta u ta’ moħħ miftuħ (cfr Ġw 7, 50-51), jiġi biex jiltaqa’ ma’ Ġesù. Għandu bżonn id-dawl, gwida: ifittex lil Alla u jitlob l-għajnuna tal-Imgħallem ta’ Nażaret, għax fih jara l-profeta, bniedem li jagħmel sinjali straordinarji.
Il-Mulej jilqgħu, jisimgħu, u fl-aħħar jurih li Bin il-Bniedem kellu jkun merfugħ, “biex kull min jemmen fih ikollu l-ħajja ta’ dejjem” (Ġw15), u jżid: “Alla hekk ħabb id-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni biex kull min jemmen fih ma jintilifx, imma jkollu l-ħajja ta’ dejjem” (cfr v. 16). Nikodemu, li forsi dak il-ħin ma fehemx għal kollox is-sens ta’ dal-kliem, seta jifhmu żgur meta, wara t-tislib, kellu jgħin fid-difna tal-ġisem tas-Salvatur (cfr. Ġw 9,39). fehem li biex jifdi lill-bnedmin, Alla sar bniedem u miet fuq is-salib.
Lil Nikodemu Ġesù jkellmu dwar dan u jfakkar l-episodju tat-Testment l-Antik (cfr Num 21,4-9), meta fid-deżert, l-Iżraelin bdew jingidmu mis-sriep velenużi, u kienu jsalvaw kull meta jħarsu lejn is-serp tal-bronż, li, b’ubbidjenza għall-amar tal-Mulej, Mosè kien għamel u arbulah.
Alla salvana billi wera ruħu lilna, offra ruħu bħal kumpann, mgħallem, tabib, ħabib, sa ma’ sar Ħobż maqsum għalina fl-Ewkaristija. U biex isseħħ din l-opra nqeda b’wieħed mill-aktar strumenti krudili tal-mewt li qatt ivvinta l-bniedem: is-salib.
Din hi r-raġuni għala llum niċċelebraw “l-eżaltazzjoni” tiegħu: għall-imħabba bla tarf li biha Alla, hu u jħaddnu għas-salvazzjoni tagħna, ittrasformah minn għodda tal-mewt fi strument ta’ ħajja, u għallimna li xejn ma jista’ jifridna minnu (cfr Rum 8,35-39) u li l-karità (l-imħabba) tiegħu hi akbar mill-istess dnub tagħna (cfr Franġisku Katekeżi 30 ta’ Marzu, 2016).
Għalhekk, bl-interċezzjoni ta’ Marija, l-Omm preżenti fuq il-Kalvarju qrib Binha, nitolbu li fina wkoll titħawwel u twarrad imħabbtu li ssalva, u biex aħna wkoll nagħrfu ningħataw lil xulxin kif Hu ta kollox għal kulħadd.
Wara l-Angelus
Għeżież ħuti!
Għada jaħbat is-60 anniversarju mit-twaqqif tas-Sinodu tal-Isqfijiet, istituzzjoni profetika ta’ San Pawlu VI, biex l-Isqfijiet ikunu jistgħu isaħħu aktar u jintrabtu f’komunjoni akbar mas-Suċċessur ta’ Pietru. Nawgura li dan l-anniversarju jqanqal impenn imġedded għall-għaqda, għas-sinodalità u għall-missjoni tal-Knisja.
B’għożża nsellem lilkom ilkoll, fidili minn Ruma u pellegrini mill-Italja u minn bosta pajjiżi, partikolarment dawk minn Villa Alemana u Valparaiso, fiċ-Ċili, mill-Arċidjoċesi ta’ Mwanza fit-Tanżanja, u minn Humpolec, fir-Repubblika Ċeka; lill-Peruvjani tal-Assoċjazzjoni reliġjuża Jesús Nazareno Cautivo. Insellem imbagħad lill-fidili minn Chiaiamari, Anitrella, Uboldo, Faeto, Lesmo, Trani, Faenza, Pistoia, San Martino in Sergnano, Guardia ta’ Acireale, San Martino delle Scale minn Palermo u Alghero.
Insellem ukoll lill-baned mużikali minn Bornio u minn Sonico, fil-Val Camonica, lill-koperattiva “La Nuova Famiglia” minn Monza, lill-Kumitat Reġjonali Pro Loco tar-reġjun tal-Lazio, l-Unjoni tal-Appostolat Kattoliku, liż-żgħażagħ ta’ Don Bosco Youth-Net, u lill-komunità tal-Comunione e Liberazione minn Ruma; kif ukoll l-Assoċjazzjoni Arti u Mestieri minn Sant’Agata di Militello, lil dawk li ġew bil-muturi minn Ravenna u liċ-ċiklisti li ġew minn Rovigo.
Għeżież, donnkom tafu li llum nagħlaq sebgħin sena! Niżżi ħajr lill-Mulej u lill-ġenituri tiegħi; u rrodd ħajr lil kull min ftakar fija fit-talb. Grazzi ħafna lil kulħadd! Grazzi! Il-Ħadd it-tajjeb!
Miġjub għall-Malti minn Joe Huber