Omelija tal-Papa Ljun XIV dwar il-Martri u Xhieda tal-Fidi tas-Seklu XXI

KOMMEMORAZZJONI TAL-MARTRI U XHIEDA TAL-FIDI TAS-SEKLU XXI
OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
Bażilika ta’ San Paolo fuori le mura
L-XXIV Ħadd ta’ Matul is-Sena, 14 ta’ Settembru 2025

Ħuti,

“Ngħid għalija, ma jkun qatt li niftaħar jekk mhux bis-salib ta’ Sidna Ġesù Kristu, li bih id-dinja hi msallba għalija u jien għad-dinja” (Gal 6:14). Kliem l-Appostlu Pawlu, li madwar il-qabar tiegħu ninsabu miġbura, idaħħalna għall-kommemorazzjoni tal-martri u tax-xhieda tal-fidi tas-seklu 21, fil-festa tal-Eżaltazzjoni tas-Salib Imqaddes.

F’riġlejn is-Salib ta’ Kristu, salvazzjoni tagħna, imfisser bħala t-“tama tal-Insara” u l-“glorja tal-martri” (ara Għasar tal-Liturġija Biżantina għall-Festa tal-Eżaltazzjoni tas-Salib), insellem lir-Rappreżentanti tal-Knejjes Ortodossi, tal-Knejjes Qodma Orjentali, tal-Komunjonijiet Insara u tal-Organizzazzjonijiet ekumeniċi, li rroddilhom ħajr li laqgħu l-istedina tiegħi għal din iċ-ċelebrazzjoni. Lilkom ilkoll hawn preżenti nwasslilkom it-tgħanniqa tiegħi tal-paċi!

Aħna konvinti li l-martyria sal-mewt hi l-“għaqda ma’ Kristu li aktar vera minnha ma jistax ikun hemm, ma’ Kristu li xerred demmu u b’dan is-sagrifiċċju qarreb lejn xulxin dawk li darba kienu mbegħdin (ara Efes 2:13)” (Ittra enċiklika Ut unum sint, 84). Illum ukoll nistgħu nistqarru flimkien ma’ Ġwanni Pawlu II li, hemm fejn il-mibegħda dehret qed tinfed f’kull aspett tal-ħajja, dawn il-qaddejja qalbiena tal-Vanġelu u martri tal-fidi wrew b’mod ċar li “l-imħabba hi aqwa mill-mewt” (Kommemorazzjoni tax-Xhieda tal-fidi fis-seklu 20, 7 ta’ Mejju 2000).

Niftakru f’dawn ħutna bil-ħarsa tagħna fuq il-Kurċifiss. Bis-salib tiegħu Ġesù wriena l-wiċċ veru ta’ Alla, il-mogħdrija bla tarf tiegħu għall-umanità; hu ħa fuqu l-mibegħda u l-vjolenza tad-dinja, biex jaqsam fix-xorti ta’ dawk kollha li huma umiljati u mgħaffġa: “Hu rafa’ fuqu l-mard tagħna, tgħabba bin-niket tagħna” (Iż 53:4).

Tant minn ħutna, illum ukoll, minħabba fix-xhieda tal-fidi tagħhom f’sitwazzjonijiet diffiċli u kuntesti ostili, jerfgħu l-istess salib tal-Mulej: bħalu huma ppersegwitati, ikkundannati, maqtula. Dwarhom Ġesù jgħid: “Henjin dawk li huma ppersegwitati minħabba s-sewwa, għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet. Henjin intom, meta jgħajrukom u jippersegwitawkom u jaqilgħu kull xorta ta’ ħażen u gideb kontra tagħkom minħabba fija” (Mt 5:10-11). Dawn huma nisa u rġiel, reliġjużi, lajċi u saċerdoti, li jħallsu b’ħajjithom għall-fedeltà lejn il-Vanġelu, l-impenn għall-ġustizzja, it-taqbida għal-libertà reliġjuża hemm fejn għadha vvjolata, is-solidarjetà mal-aktar foqra. Skont il-kriterji tad-dinja huma ġew “mirbuħa”. Fir-realtà, kif jgħidilna l-Ktieb tal-Għerf: “Għalkemm f’għajnejn il-bnedmin dehru maħqura, għandhom tama sħiħa fil-ħajja bla tmiem” (3:4).

Ħuti, matul is-Sena Ġubilari, qed niċċelebraw it-tama ta’ dawn ix-xhieda qalbiena tal-fidi. Hija tama mimlija bl-immortalità, għax il-martirju tagħhom ikompli jxerred il-Vanġelu f’dinja mmarkata mill-mibegħda, mill-vjolenza u mill-gwerra; hija tama mimlija bl-immortalità, għax, imqar jekk ġew maqtula fil-ġisem, ħadd ma jista’ jitfi l-leħen tagħhom jew jeqred l-imħabba li huma taw; hija tama mimlija bl-immortalità, għax ix-xhieda tagħhom tibqa’ bħala profezija tar-rebħa tat-tajjeb fuq il-ħażin.

Iva, din tagħhom hi tama mingħajr armi. Huma taw xhieda tal-fidi mingħajr qatt użaw l-armi tal-forza u tal-vjolenza, imma billi ħaddnu l-qawwa dgħajfa u umli tal-Vanġelu, skont il-kliem tal-Appostlu Pawlu: “Għalhekk niftaħar minn qalbi l-aktar bid-debbulizzi tiegħi biex il-qawwa ta’ Kristu tgħammar fija. […] għax meta nkun dgħajjef, inkun qawwi” (2 Kor 12:9-10).

Tiġi f’moħħi l-qawwa evanġelika ta’ Swor Dorothy Stang, impenjata għal dawk li ma għandhomx art tagħhom fl-Amażonja: lil min resaq biex joqtolha u talabha arma, hi wrietu l-Bibbja u weġbitu: “Din hi l-unika arma li għandi”. Jiġi f’moħħi Dun Ragheed Ganni, saċerdot Kaldew minn Mosul fl-Iraq, li żamm lura milli jiġġieled biex hekk seta’ jagħti xhieda ta’ kif iġib ruħu Nisrani veru. Jiġi f’moħħi Fratel Francis Tofi, Anglikan u membru tal-Melanesian Brotherhood, li ta ħajtu għall-paċi fil-Gżejjer Solomon. L-eżempji huma ħafna, għax b’xorti ħażina, minkejja t-tmiem tad-dittaturi kbar tas-seklu 20, sal-lum għadha ma ntemmitx il-persekuzzjoni tal-Insara, anzi, f’xi partijiet tad-dinja aktar żdiedet.

Dawn il-qaddejja qalbiena tal-Vanġelu u martri tal-fidi “jsawru bħal affresk kbir tal-umanità Nisranija […]. Affresk tal-Vanġelu tal-Beatitudnijiet, li huma għexu sat-tixrid tad-demm” (San Ġwanni Pawlu II, Kommemorazzjoni tax-Xhieda tal-fidi fis-seklu 20, 7 ta’ Mejju 2000).

Għeżież ħuti, ma nistgħux, anzi, ma rridux ninsew. Irridu niftakru. Dan nagħmluh biċ-ċertezza li, bħal fl-ewwel sekli, anki fit-tielet millennju “d-demm tal-martri hu żerriegħa ta’ Nsara ġodda” (Tertulljanu). Irridu nżommu ħajja din il-memorja flimkien ma’ ħutna tal-Knejjes u Komunjonijiet Insara l-oħra. Nixtieq allura ntenni l-impenn tal-Knisja Kattolika li tħares il-memorja tax-xhieda tal-fidi tat-tradizzjonijiet Insara kollha. Il-Kummissjoni għall-Martri Ġodda, fi ħdan id-Dikasteru għall-Kawżi tal-Qaddisin, twettaq din il-ħidma, f’kollaborazzjoni mad-Dikasteru għall-Promozzjoni tal-Għaqda tal-Insara.

Kif irrikonoxxejna matul is-Sinodu riċenti, l-ekumeniżmu tad-demm jgħaqqad lill-“Insara ta’ appartenenzi differenti li flimkien jagħtu ħajjithom għall-fidi f’Ġesù Kristu. Ix-xhieda tal-martirju tagħhom tgħajjat iktar minn kull kelma: l-għaqda tiġi mis-Salib tal-Mulej” (XVI Assemblea Sinodali, Dokument finali, n. 23). Jalla d-demm ta’ tant xhieda jqarreb dak il-jum hieni li fih għad nixorbu mill-istess kalċi tas-salvazzjoni!

Għeżież, tifel Pakistani, Abish Masih, maqtul f’attentat kontra l-Knisja Kattolika, kien kiteb hekk fuq il-pitazz tiegħu: “Nagħmlu d-dinja post aħjar”. Il-ħolma ta’ dan it-tfajjel tixprunana biex b’kuraġġ nagħtu xhieda tal-fidi tagħna, biex inkunu flimkien ħmira ta’ umanità paċifika u fraterna.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading