Kemm tiswa’ omm? Kitba ta’ Edward Tagliaferro

Ħabiba tiegħi kellha esperjenza qarsa meta kellha interview għal xi mpieg.  Meta saqsewha x’kien ix-xogħol tagħha qaltilhom “Omm”.  Huma weġbuha: “Jiddispjaċina imma ‘omm’ mhiex imniżżla bħala mpieg.   Forsi ‘mara tad-dar’  tkun aktar aċċettabbli.”

Tgħidx kemm irrabjajt għax jien ukoll kont omm full-time.   Għalhekk, meta xtaqt napplika għall-kors qasir imniedi mill-kunsill lokali, kont lesta bi tweġiba kif suppost.  Kif l-iskrivan saqsieni x’kont nagħmel bala xogħol, jien weġibtu:  “Jiena research assistant fl-iżvilupp tat-tfal u relazzjonijiet umani.” L-iskrivan baqa’ b’ħalqu miftuħ iħares lejja.  Wara ftit, qalli:  “Imma kif tiżvolġi dan ix-xogħol?”  Jiena għidtlu: “It-tiftix tiegħi jeħodni kemm barra (xiri u qadi) u kemm fil-laboratorju (l-aktar fil-kċina, imma wkoll fil-kmamar l-oħra kollha tad-dar).  Bħalissa qed nipprepara għall-“Masters” u ġa għandi erba’ credits (uliedi – tnejn subien u tnejn bniet).”

“Dan l-impieg hu wieħed mill-aktar li jiħtieġ attenzjoni fost il- Humanities (hawn xi omm li ma taqbilx?) u naħdem 14-il siegħa kuljum (ġieli anki 24 siegħa).  Dan l-impieg joffri ħafna sfidi kuljum imma l-ħlas mistħoqq hu biżżejjed is-sodisfazzjoni li joffri, aktar milli l-paga.”

Mill-ewwel  ħassejt tbissima sabiħa ta’ rispett minn għand l-iskrivan fil-waqt li ffirmali l-applikazzjoni u faqqa’ fuqha t-timbru tal-kunsill.

Malli ħriġt minn hemm ħassejtni qisni rbaħt il-lotterija.  Stajt ġejt imniżżla fil-kotba uffiċjali bħala persuna importanti u indispensabbli għall-Umanita’ – OMM.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading