‘Mhux kulħadd hekk jagħmel’. Żgur li din l-espressjoni smajniha kemm-il darba. Tisloħ il-klijenti tiegħek fil-business, tiskarta fuq ix-xogħol jew tmidd idejk għal dak li mhux tiegħek, ‘mhux kulħadd hekk jagħmel’. Tidgħi, jew titkellem ħażin, terfgħa salib għajrek, ‘mhux kulħadd hekk jagħmel’. Tqarraq u tiġdeb biex togħla l’ fuq fil-karriera, ‘mhux kulħadd hekk jagħmel’.
Il-Mulej jgħidilna, ‘Ma ninsa qatt xejn minn għemilhom!’ Jekk hemm xi ħaġa li Alla ma jissaportihiex hija min iqarraq bil-fqir u l-batut. Min iqarraq b’ħaddieħor ħafna drabi jiskuża lilu nnifsu billi jgħid, ‘mhux kulħadd hekk jagħmel’. Jekk din l-iskuża tidher li tiskużana fil-kuxjenza tagħna żgur li ma tiskużaniex quddiem Alla. Ġesù fl-evanġelju jgħidlna, ‘Jekk mela ma wrejtux ruħkom fidili fil-qligħ il-ħażin, min se jafdalkom il-ġid veru?’ Jekk aħna ma nurux ruħna nies ta’ kuxjenza retta fejn jidħol il-ġid materjali li ġurnata waħda għad irridu nħalluh kollu warajna, kif jista’ l-Mulej jafdalna l-Ġid il-veru li jibqa għal dejjem?
Ġesù llum jgħidilna parabbola li fiha raġel għani ikollu amministratur (manager) li kien iħawwad fit-tmexxija, u dan ġie mixli minn xi qaddejja li kien qiegħed iberbaq ġid sidu. Importanti ngħidu li Ġesù ma jfaħħarx lil dan l-amministratur għax kien diżonest, iżda jfaħħru għaliex ħaddem moħħu u fil-ftit żmien li kien fadallu ra kif għamel biex jintogħġob ma’ nies għonja oħra biex x’ħin jispiċċa mix-xogħol li kellu, forsi jsib lil xi ħadd li jħaddmu.
‘Is-sid faħħru lil dak l-amministratur ħażin talli ħadem b’rasu’, jgħid li hu amministratur ħażin iżda jammetti li ħaddem rasu u jkompli, ‘Għax ulied din id-dinja jimxu bil-għaqal aktar minn ulied id-dawl ma’ min hu tal-qatgħa tagħhom’. Kemm jaħdem u jistinka l-bniedem, kemm jewden fejn jidħlu affarijiet materjali biex jimxi dejjem aktar il quddies, iżda kemm jintelaq u jaħdem b’nofs qalb fejn jidħlu l-affarijiet ta’ Alla! Taf x’mediċina joffrilna Ġesù għal din il-marda tal-ispirtu li tagħmlilna ħafna ħsara? ‘Agħmlu għalikom infuskom ħbieb ta’ qligħ il-ħżunija, ħalli meta jonqoskom, jilqgħukom fl-għerejjex ta’ dejjem.’ Ġesù qed jgħidlna biex f’din id-dinja nagħmlu ħbieb mal-foqra billi ngħinuhom mill-ġid materjali li għandna (qligħ il-ħżunija), biex meta l-ġid tal-art jispiċċa għax ma nistgħux neħduh magħna, ikunu l-fqar li nkunu għinna mbagħad li jilqgħuna fil-ġenna. Ma ninsewx li hemmhekk tal-aħħar jiġu l-ewwel u tal-ewwel l-aħħar.
U fl-aħħar Ġesù jispiċċa billi jgħidilna, ‘Ebda qaddej ma jista’ jaqdi żewġ sidien,… Ma tistgħux taqdu lil Alla u lill-flus.’ Jien fil-ħajja tiegħi naqdi lill-flus jew nużagħhom għall-ġid tiegħi u tal-oħrajn?
Mulej Ġesù int biss tista’ tiftħilna għajnejna għall-verità, int biss tista’ turina t-triq għall-ferħ veru. Għinna Mulej ħalli nfittxu li ngħixu din il-Kelma li semmajtna, biex hekk ninqdew tajjeb bil-ġid li jgħaddi u norbtu qalbna biss ma’ dak li jibqa għal dejjem. Ammen.