Il-Miraklu Ewkaristiku fil-Honduras

Il-Mirakli Ewkaristiċi (85)
minn Manwel Cutajar

L-ewwel Isqof tad-Djoċesi ta’ Gracias fil-Honduras, Walter Guillén Soto, għaraf Miraklu Ewkaristiku ġdid li seħħ f’parroċċa rurali fir-raħal żgħir ta’ San Juan de Intibucá, fil-Gracias, il-Honduras..
Gracias, fil-Punent tal-Honduras. Il-fondazzjoni tagħha tmur lura għas-sena1536,u l-isem oriġinali tagħha hu “Gracias a Dios” (Grazzi lil Alla).

Tnejn u għoxrin mil biss fin-nofsinhar ta’ Gracias hemm il-raħal ta’ San Juan de Intibucá. Hawnhekk, fil-kappella tal-Komunità El Espinal seħħ il-Miraklu Ewkaristiku ddikjarat mill-Isqof Soto bħala: tebgħa Misterjuża tad-Demm fuq il-korporal.

Il-Ġrajja tal-Miraklu Ewkaristiku

Wara nofsinhar fis-sajf tad-9 ta’ Ġunju 2022, meta l-Knisja Kattolika kienet qed tiċċelebra l-festa liturġika ta’ Ġesù Kristu,José Elmer Benítez Machado,Ministru Straordinarju tal-Ewkaristija,wasal qabel kulħadd fil-kappella biex jiċċelebra l-Liturġija tal-Kelma, u jqassam lill-fidili Nsara l-Ewkaristija li kienet fit-Tabernaklu, u li qabel kienet ġiet ikkonsagrata mis-saċerdoti tad-djoċesi.
Madwar 60 familja jgħixu f’El Espinal.mifruxa madwar ir-reġjun muntanjuż, iddedikati prinċipalment għall-agrikoltura u t-trobbija tal-baqar,ħnieżer,u tjur.Bilkemm 15-il familja jattendu l-Liturġija tal-Kelma kull nhar ta’ Ħamis immexxija mil-lajċi, peress li m’għandhomx qassis ibbażat fir-raħal.

Għall-ħabta tal-5 pm ħin lokali, bdiet il-Liturġija tal-Kelma.Meta wasal il-ħin li jqassam l-Ewkaristija, Benítez fetaħ it-tabernaklu u nnota li fuq il-Korporal,mitwi u mqiegħed fuq il-ċiborju tal-injam u fuq kuxxin abjad tas-satin,kien hemm tbajja’ kbar li donnhom kienu tad-demm uman.

“Kont mistagħġeb,” qal Benitez lil “EWTN Noticias,” il-programm tal-aħbarijiet tal-EWTN bil-lingwa Spanjola.
“L-ewwel ħsieb tiegħi kien li dawk kienu tbajja’ tad-”Demm ta’ Kristu mill-Ostji kkonsagrati tal-Ewkaristija”.

Madankollu, fl-eċċitament tal-mument, u biex itemm il-ministeru tiegħu,Benitez kompla biċ-ċelebrazzjoni u qassam l-Ewkaristija lill-fidili Nsara miġbura. Qabel temm,fil-ħin li għamel l-avviżi tal-parroċċa, staqsa lil dawk preżenti jekk rawx xi ilma inixxi fil-knisja jew jafux b’xi ħadd li kien daħal qabel.

Reginaldo Aguilar,wieħed mill-fidili Nsara preżenti u koordinatur tal-parroċċa u xhud taħt ġurament fil-proċess ta’ Investigazzjonijiet Kanoniċi li saru wara qal hekk:

“Ħafna minna weġibna li ma rajna l-ebda ilma qed inixxi, u meta Benitez, il-Ministru tal-Ewkaristija, spjegalna x’ġara, tlabnieh, biex jurina l-Korporal,u filfatt hekk għamel u hekk stajna naraw tabilħaqq it-tbajja’ tad-demm fuqu.”

L-Investigazzjonijiet xjentifiċi u Kanoniċi

L-għada,Patri Marvin Sotelo u Patri Oscar Rodríguez, Missjunarji tal-Qalb ta’ Ġesù — li kienu ġew fil-belt ta’ San Juan de Intibucá xahrejn biss qabel — marru fil-komunità ta’ El Espinal biex jikkorroboraw dak li qalilhom l-koordinatur tal-parroċċa Aguilar .
Sotelo poġġa il-Korporal f’borża tal-plastik b’siġill ermetiku, żammu fir-Rectorju tiegħu,u jumejn wara għadieh lill-Isqof Guillén.
Guillén kien kemxejn xettiku u ddeċieda li jżommha fil-kappella personali tiegħu waqt li jiddeċiedi x’se jagħmel.

Ftit żmien wara,l-Isqof ordna li jibdew biex isiru xi testijiet xjentifiċi fiċ-Ċentru Mediku ta’ Santa Rosa de Copán, madwar 30 mil minn Gracias,biex jevalwaw l-ossidazzjoni u d-dilwizzjoni tad-demm.

Meta ġie deċiż li l-materjal meħtieġ biex issir analiżi ma kienx disponibbli, il-korporal intbagħat fiċ-Ċentru Tossikoloġiku DISA Test f’Tegucigalpa, fejn il-Professur Héctor Díaz del Valle, li hu espert fil-kimika u l-farmaċija, mexxa l-investigazzjoni xjentifika.

Fl-aħħar ta’ Ottubru 2022,l-analiżi bdiet bl-intervent ukoll ta’ espert forensiku estern u espert fit-tossikoloġija analitika.

Fil-bidu, kien eskluż li t-tbajja’ kienu tar-reżina tal-injam jew tad-demm tal-annimali.Proċeduri sussegwenti żvelaw li d-demm kien uman u kien tat-tip AB b’fattur Rh pożittiv, l-istess bħal dak tal-Miraklu Ewkaristiku ta’ Lanciano, l-Italja, kif ukoll ta’ dak li nstab fuq is-Sartu ta’ Turin,fl-Italja wkoll.
It-testijiet tal-esperti eskludew ukoll li l-mudell tat-tbajja tad-demm seta’ sar b’mod artifiċjali.Id-drapp “kellu kuntatt mal-arja, mal-umdità;Twettqu testijiet preżuntivi fuq id-drapp u ma nxefx sew” u sal-lum “ma jurix deterjorament jew fungus.”

Wara li wettaq l-investigazzjonijiet u poġġa d-dikjarazzjonijiet tax-xhieda taħt ġurament notarili,l-Isqof ta’ Gracias ikkonferma li kienet okkorrenza sorprendenti.

Dwar ir-raġuni possibbli tal-Miraklu Ewkaristiku, l-Isqof Guillén stqarr hekk:“Naħseb li dan is-sinjal straordinarju, viżibbli,tanġibbli,perċettibbli,verifikabbli ta’ din il-manifestazzjoni tad-Demm tal-Mulej f’komunità oskura f’nofs l-aktar ruralità estrema tal-ambjent agrikolu tagħna, jgħid ħafna f’dan iż-żmien.Int trid taħseb li Alla jfittex estremi biex isejħilna għall-bilanċ tas-sens tajjeb u l-verità. Jidhirli li dan hu sinjal estrem ta’ Alla li jerġa’ jimmanifesta ruħu, kif għamel fl-Iskrittura Mqaddsa,fl-istorja tas-Salvazzjoni,ma’ dawk l-umli li Marija Santissima tfaħħar għall-umiltà tagħhom. Alla jħobb il-marġinali,il-moħbi,is-sempliċi.F’raħal sempliċi oskur, mingħajr ebda rilevanza soċjali, ‘il bogħod miż-żona urbana, il-Mulej jagħżel li juri Lilu Nnifsu.”

Fl-opinjoni tiegħu, dak li ġara huwa “miraklu ta’ sinodalità,” peress li l-Mulej ma ddeċidiex li juri Lilu Nnifsu lill-isqof, qassis, jew reliġjuż imma lil lajk.

“Huwa żmien il-lajċi,” kompla jgħid l-isqof.“Hija l-fidi tal-lajċi li żammet ħajja l-vitalità tal-Knisja f’dawn l-irkejjen tad-dinja.Għalija u għall-kleru tad-djoċesi kienet sejħa għall-konverżjoni biex nagħrfu s-sejħa ta’ Alla f’leħen il-lajċi”.

Sa issa,kemm l-Isqof Guillén kif ukoll is-saċerdoti tad-djoċesi tal-parroċċa għamlu sforz kbir biex ikunu prudenti.Huma xerrdu informazzjoni lill-fidili dwar x’inhu Miraklu Ewkaristiku, iżda għadhom ma stiednux lill-fidili biex iqimu l-korporal imtebba’ bid-demm, li għadu ma ġiex espost għall-fidili Nsara.

Għalkemm l-Isqof għaraf li huwa Miraklu Ewkaristiku, fuq talba tan-Nunzju Appostoliku fil-Honduras, l-Arċisqof Gábor Pintér, inġabru l-evidenza xjentifika u l-ġuramenti notarili tax-xhieda u ntbagħtu l-Vatikan għal aktar investigazzjoni.

Għal Patri Sotelo, Alla wera ruħu f’komunità fqira għax hekk trabba l-Mulej:“Il-Mulej għandu preferenza għall-vulnerabbli,” saħaq.

Patri Rodríguez saħaq li “prova li Ġesù hu magħna hija l-manifestazzjoni taʼ dal-Miraklu, li hu d-Demm taʼ Kristu li jixtieq jaħsilna u jħaffef it-tagħbija tagħna.”

Fl-istorja tal-Knisja, ġew irreġistrati aktar minn 130 Miraklu Ewkaristiku. Minn dawn, mill-inqas ħamsa minnhom, kif rajna f’din is-sensiela ta’ artikli, kienu seħħew f’pajjiżi tal-Amerika Latina.
Jekk il-Miraklu Ewkaristiku ta’ Gracias, jiġi approvat uffiċjalment mill-Knisja dan ikun is-Sitt Miraklu Ewkaristiku fl-Amerika Latina .

Dikjarazzjoni mill-Vatikan sal-lum:

“Il-Miraklu Ewkaristiku f’Gracias,il-Honduras fis-sajf ta’ Ġunju 2022, li jinvolvi korporal imtebba’, bħalissa qed jiġi investigat mill-Vatikan, b’evidenza inklużi testijiet xjentifiċi u testimonjanza ta’ xhieda mibgħuta Ruma fuq talba tan-Nunzju Appostoliku l-Arċisqof Gábor Pintér, L-Isqof Walter Guillén Soto ta’ Gracias irrikonoxxa uffiċjalment l-okkorrenza bħala Miraklu Ewkaristiku f’Lulju 2023,iżda l-proċess ta’ approvazzjoni formali tal-Vatikan għadu għaddej biex jiġi determinat jekk huwiex Miraklu Ewkaristiku awtentiku”.

Nota Addizzjonali:

Filwaqt li kien hemm rapporti ta’ diversi ġrajjiet Mirakolużi, ħames Mirakli Ewkaristiċi speċifiċi fl-Amerika Latina li rċevew attenzjoni u studju xjentifiku huma: il-Ġrajjiet tal-1992, l-1994, u l-1996 f’Buenos Aires, l-Arġentina, fejn l-Ostji kkonsagrati ttrasformaw f’tessut uman; il-Ġrajja tal-2006 f’Tixtla, il-Messiku, fejn minn Ostja Kkonsagrata ħareġ id-Demm; u l-Ġrajja tal-2022 f’Guadalajara, il-Messiku, fejn Ostja f’Ostensorju dehret tħabbat bħal qalb umana.
Dawn l-Ġrajjiet spiss jiġu ppreżentati bħala evidenza xjentifika li tappoġġja d-Duttrina tal-Preżenza reali fl-Ewkaristija Divina.

Hawn huma d-dettalji dwar l-Ħames Ġrajjiet:

● Buenos Aires,l-Arġentina (1992, 1994, 1996):
Tliet Ostji kkonsagrati nstabu mormija u minflok ma nħallu, ittrasformaw f’tessut uman. Testijiet xjentifiċi wrew li dawn huma tessut tal-qalb uman, konsistenti ma’ persuna li kienet sofriet trawma, u tat-tip tad-demm AB. Il-Kardinal Jorge Bergoglio (il-mikbi Papa Franġisku) kien l-Isqof Awżiljarju ta’ Buenos Aires matul il-Miraklu Ewkaristiku tal-1996.
● Tixtla, il-Messiku (2006):
Waqt il-quddiesa, Ostja KKonsagrat li kienet f’idejn soru reliġjuża bdiet toħroġ sustanza ħamranija.L-isqof ħatar kummissjoni teoloġika, u riċerka xjentifika mit-tim ta’ Dr. Ricardo Castañón Gómez ikkonkludiet li d-Demm li kien joħroġ kien uman.
● Guadalajara, il-Messiku (2022):
Ostja f’Ostensorju dehret tħabbat bħal qalb umana. Il-fenomenu nqabad fuq film u tqies bħala Miraklu Ewkaristiku mill-qassis lokali, Dun Carlos, għalkemm stqarrija uffiċjali tal-Arċidjoċesi kienet għadha pendenti dak iż-żmien.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading