Mediċina għal ruħna (il-Qrar) u Mediċina għall-eternita (l-Ewkaristija)
‘Ma nqerx għand bniedem bħali’
Dan l-aħħar persuna qaltli li wliedha, avolja jmorru l-Quddies kull nhar ta’ Ħadd, imma ma jqerrux, għax mhux lesti jqerru ‘għand bniedem bħali?’
Allura ngħid jiena fuq ajruplan dawn it-talin jirkbu? L-ajruplan hu misjuq minn pilota li huwa bniedem bħalhom.
Dawn it-talin jmorru restoranti fejn l-ikel huwa mħejji minn bnedmin bħalhom ?
Dawn it-talin jsuqu karrozza maħduma minn bnedmin bħalhom, u jsuqu f’toroq fejn is-sewwieqa l-oħra huma bnedmin bħalhom ?
La jkun lest il-pont tal-Imsida, dawn it-talin se jissograw jsuqu l-karrozza tagħhom fuq il-pont maħdum minn bnedmin bħalhom ?
Għax bnedmin bħalna, aktar jistgħu jifhmu d-djugħfija tagħna
L-aħwa, Ġesu’ ried li jafda sagrament daqstant importanti bħal dak tal-qrar (magħruf illum bħala is-Sagrament tar-Rikonċiljazjoni) f’idejn bnedmin bħalna li jifhmu sew id-djugħfija tagħna, għax huma wkoll dgħajfin bħalna, u regoralment jersqu huma stess lejn is-Sagrament tar-Rikonċiljazjoni.
Tafu intom li per eżempju aħna l-patrijiet imħeġġa li nersqu lejn dan is-sagrament kull ħmistax?
Imma mhux normali li tersaq lejn dan is-Sagrament?
Test regolari tad-demm
Hawn min ma jagħtix kas ta’ saħħtu (u jagħmel ħażin), imma hemm oħrajn li joqgħodu ħafna attenti.
Issa immaġinaw intom lil xi ħadd li kull ħmistax jagħmel eżami tad-demm. Jekk dan jkollu xi ħaġa, dak it-test tad-demm jikxef mal-ewwel il-marda li dan ikollu u l-kura tkun tista’ tingħata qabel ma jkun tard wisq.
Is-sabiħa hi li l-isptar dejjem tara kjuwijiet twal biex aħna nżuru t-tobba u dawn bl-istudji kollha tagħhom mhux neċessarjament dejjem se jfejquna, u ġieli l-fejqan jieħu x-xhur.
Oħrajn imorru għand Professuri privatament u dawn ukoll huma bnedmin bħalhom, bid-differenza iżda li dawn jitolbuk għal għaxar minuti konsultazjoni, dak int bħala ħaddiem trid almenu jumejn xogħol biex taqla bl-għaraq ta’ ġbinek fix-xemx taqli l-ankri ta’ Malta.
Takkwista mil-ġdid l-innoċenza ta’ tarbija li għadha kif tgħammndet
Il-mument li aħna nersqu lejn is-saċerdot u s-saċerdot itina l-assoluzjoni ta’ dnubietna, immedjatament aħna nerġgħu nakkwistaw l-innoċenza ta’ tarbija li għada kif tgħamndet.
Insomma tmur għand it-tabib ma tiflaħx timxi u toħroġ atleta olimpiku ta’ għoxrin sena !!!!
Mhux tajjeb hux ?
Kuxjenza tad-dnub
Il-qrar naqas għax tlifna l-kuxjenza tad-dnub.
Il-qrar naqas għax ma nemmnux aktar fil-qawwa tas-Sagrament.
Il-qrar naqas għax ma nemmnux f’Alla.
Grazzja li ma nerġgħux
Meta mmorru nqerru u NKUNU TASSEW NIEDMA (jiġifieri nħossu ili li kieku kellna nerġgħu mmorru lura għal mument li fih wettaqna dak id-dnub partikolari, aħna ma konniex se nwettquh mil-ġdid) mhux biss:
- jinħafrulna d-dnubiet KOLLHA (jekk ikollna tassew indiema);
- imma ningħataw il-grazzja speċjali, marbuta ma dan is-Sagrament biex ma nerġgħux nindmu.
Insomma terġa tiġi ta’ għoxrin u ma tistax tixtjieħ aktar.
Żjara statali tal-President tal-Amerka lejn l-Inghilterra
Il-bieraħ bdiet iż-żjara uffiċjali tal-President tal-Istati Uniti Donald J. Trump u l-mara (li bħalissa miżżewweġ lilha), is-Sinjura Melania Trump lil Inghilterra.
Kien il-President Trump innifsu li talab li din tkun żjara statali, u tistgħu timmaġinaw għalhekk l-Ingliżi kemm ċerimonji, karozzelli antiki, uniformijiet u reġimenti ta’ gwardi u żwiemel mill-isbaħ kellhom, biex tassew kollox ikun kif jitlob il-protokol minn żjara statali ta’ dan il-livel.
U jekk tmur int l-Inghilterra ?
Ara kieku int jew jiena kellna nitolbu li nagħmlu żjara uffiċjali lejn l-Inghilterra, l-ebda karrozzella ma tiġi għalina, u x’aktarx jirrisponduna għat-talba li nagħmlu billi jibgħatuna nsaqqu l-ħass ta’ xi roundabout ġewwa Londra, jekk biex tagħqad ma jgħidulekx li m’hemmx bżonn li tmur issaqqi dan il-ħass, għax tkun qabdet sadannitant bdiet nieżla x-xita.
Is-Sinjur Alla jitlob li jiġi ġewwa fina
U Alla l-Imbierek, jew kif kien iħobb isejjaħlu San Ġorġ Preca, is-Sinjur Alla kull mument jixtieq li jagħmel żjara uffiċjali ġewwa fina billi nilqgħuH f’qalbna u nirċevieH fl-Ewkaristija.
X’differenza
Mela l-aħwa, araw daqxejn id-differenza, fuq naħa għandna President li b’records sbieħ (f’għajnejn id-dinja) u anqas sbieħ li jiġi milqgħuh b’tant unuri u pompi, u fuq in-naħa l-oħra għandna lis-Sinjur Alla, il-Perfezjoni bla ebda teba’ ta’ ħtija, mgħoni biss bl-imħabba, li qiegħed jitlob li jiġi ġewwa fik.
Rifjut jew ma nirċevux l-Ewkaristija bid-dinjita’ li jisraqlu Alla
U int u jiena nirrifjutaw din it-talba li Huwa qiegħed jagħmlilna, jew jekk immorru għal Quddieaa, naslu forsi fil-ħin jekk mhux tard ukoll, u sa ma jsir il-ħin biex nirċievu lil Ġesu’ fl-Ewkaristija noqgħodu forsi moħħna fil-mobile.
X’aktarx ukoll lanqas biss tkun ħsilt snienek, mhux neċessarjament tkun għamilt is-siegħa sawma li hija mitluba mil-Knisja qabel int titqarben, u forsi wkoll lanqas tkun indimnt minn dnubietek.
Xorti kbira li għandna
Qiegħed nikteb dan mhux biex ‘wiċċna jiħmar bil-mistħija’, imma biex tassew nirriflettu dwar ix-XORTI KBIRA LI GĦANDNA LI NIRĊIEVU LIL ALLA ĠEWWA FINA.
San Karlo Acutis tant ħeġġeġ lil dawk li kien jasal għandhom ‘virtwalment’ biex ikollhom devozjoni xierqa lejn l-Ewkaristija.
Trump jippretendi karozzelli ta’ żmien il-brodu, u Alla jippretendi biss qalb vojta biex HU jkun jista’ jimliha.
Trump jara x’hemm fil-kont bankarju biex jipprova jiżvojtħaħulek, u Alla jitolbok l-Iban number tal-kont bankarju tiegħek biex jimliehulek.
X’kuntrast hux?