Is-26 Ħadd matul is-Sena Ċ. Kitba ta’ Fr Michael A. Galea

LAZZRU U L-GĦANI TAL-PARABBOLA GĦADHOM ĦAJJIN!

(Fil-quddies tal-weekend li ġej, fid-djoċesi t’Għawdex irridu naqraw ittra pastorali tal-isqof tagħna, imma xorta se ntella’ din l-omelija qasira, forsi għal saċerdoti Maltin jew biex tintuża fil-laqgħat tal-għaqdiet kattoliċi.)

Fil-parabbola li għadni kemm irrakkuntalna Ġesu’, Lazzru (raġel fqir, marid, m’għandux għaxja ta’ lejla) miet u mar fi ħdan Abraham. Ftit wara, miet l-għani wkoll. Għalxejn kien jiddandan b’ ilbies mill-ifjen, kemm kien jiekol tajjeb, kemm kien jixxala u jiddeverti! Is-siegħa tiegħu waslet ukoll għax mir-realta’ tal-mewt  ma jaħrab ħadd. Pero’ kull meta naqra dal-vanġelu jiġini li ngħid li Lazzru għadu ħaj u li l-għani għadu ħaj ukoll. Ħa nfisser ruħi…

Lazzru għadu ħaj f’miljuni ta’ nies qegħdin imutu b’mard li jista’ jitfejjaq b’mediċini sempliċi, pero’ għax foqra, dawn il-mediċini sempliċi ma jistgħux jixtruhom. Lazzru għadu ħaj f’tant tfal użati, sfruttati, abbużati. Lazzru għadu ħaj f’tant miljuni ta’ fqar madwar id-dinja li m’għandhomx x’jilbsu, m’għandhomx x’jieklu…Ħallina niftħu t-television u ġewwa Gaża naraw lil dan Lazzru f’ħafna nies u tfal m’għandhomx biex jitrejqu, anzi jiġġieldu kemm jifilħu biex f’daqsxejn ta’ landa  jpoġġulhom xi ħaġa x’jieklu. Ġiet f’idejja poeżija qasira miktuba minn żagħżugħ Brażiljan, meta qrajtha waħħxitni. Fil-qosor tgħid hekk: “Il-bieraħ rajt annimal igerfex fiż-żibel tal-bitħa jfittex xi ħaġa x’jiekol. Meta sab xi ħaġa tgħodd għalih, ma qagħadx jeżaminaha, ma xammhiex, iżda belagħha miġwieħ. Dan l-annimal ma kienx kelb, ma kienx qattus, ma kienx ġurdien…Alla tiegħi, dan l-annimal kien bniedem bħali.” Poeżija li twaħħxek taqraha!

Fl-istess ħin, irrid ngħid li l-għani tal-parabbola għadu ħaj ukoll. L-għani għadu ħaj f’dawk li biex iħaxxnu bwiethom lesti jisfruttaw it-tfal, iż-żgħażagħ u l-foqra tad-dinja. L-għani għadu ħaj f’dawk li għax qegħdin tajjeb huma ma jimpurtahom xejn minn dawk li qegħdin ibatu, inqas ixxurtjati minnhom. L-għani għadu ħaj f’dawk li biex iħaxxnu bwiethom lesti jisfruttaw lit-tfal, liż-żgħażagħ u lill-foqra tad-dinja. L-għani għadu ħaj f’dawk li jaħlu, li jberbqu, li jarmu, meta ħafna oħrajn huma neqsin mill-meħtieġ għall-ħajja. Madre Tereża tirrakkonta esperjenza li kellha f’waħda mill-bwiet tal-Ewropa. Tgħid hekk Madre Tereża: “Rajt mara żagħżugħa timbotta ‘pram’ u jien qsamt it-triq biex nittawwal lit-tarbija. Pero’ ħadt sorpriża kbira meta fil-‘pram’ ma rajtx tarbija…Kien hemm kelb żgħir. F’ħafna postijiet, it-tfal huma traskurati filwaqt li l-annimali huma mfisda u  ikkurati  tajjeb. Jiena wkoll inħobb il-klieb, iżda ma niflaħx nara kelb jieħu post tifel.”

Mela darba kont qed nitkellem ma’ xi ħadd li qalli: “Alla tagħna mhuwiex Alla ġust, ma jimxix bil-fair, għandu l-preferenzi, lil wieħed jgħollieh u lill-ieħor ibaxxieh, lil wieħed iħallieh jisker u lill-ieħor iħallieh nieqes minn qatra ilma.” Din id-differenza bejn il-kbir u ż-żgħir, bejn l-għani u l-fqir, bejn dak li għandu u dak li m’għandux, ma ħalaqhiex Alla imma ħlaqniha aħna għaliex użajna l-liberta’ tagħna ħażin, konna egoisti, ir-rebgħa għamlet bina. Għax kif jgħidilna Ġesu’ stess fil-vanġelu ta’ San Mattew: “Missierkom li hu fis-smewwiet… itella’ x-xemx tiegħu sew fuq il-ħżiena u sew fuq it-tajbin u jniżżel ix-xita sew fuq min hu tajjeb u sew fuq min hu ħażin.” (5, 45) 

Skont il-parabbola, id-differenza bejn Lazzru u l-għani ma spiċċatx mal-mewt imma ssarrfet f’differenza kbira wara l-mewt: Lazzru mar igawdi fi ħdan Abraham u l-għani spiċċa u sab ruħu fi tbatijiet ħorox f’art il-mejtin. Sfortunatament, aħna s-saċerdoti m’għadniex nipprietkaw fuq in-novissmi. In-novissmi huma erbgħa, tajjeb inżommuhom quddiem għajnejna. Ħa niftakruhom: in-novissmi huwa dawn: mewt, ġudizzju, ġenna u nfern.

Nikkonkludi. San Vincens de Paul kien saċerdot li jħobb ħafna l-foqra. Fost l-oħrajn kien jgħid hekk: “Dawk kollha li jħobbu l-fqar m’għandhomx jibżgħu mill-mewt. Għaliex? Għax dak li nagħmlu mal-fqar inkunu qegħdin nagħmluh ma’ Ġesu’ stess. X’hemm isbaħ minn investiment bħal dan? Ġesu’ għad jgħid lil dawk li jħobbu l-fqar: “Ejjew imberkin minn Missieri, ħudu b’wirt tagħkom is-saltna li tħejjiet għalikom, għax jien kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont bil-għatx u sqejtuni, kont għeri u libbistuni, kont marid jew fil-ħabs u ġejtu żżuruni.”

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading