VIŻTA PASTORALI FIL-CALABRIA
KONĊELEBRAZZJONI EWKARISTIKA GĦAR-RELIĠJUŻI IRĠIEL U NISA
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Santwarju ta’ San Francesco di Paola (Cosenza)
Il-Ġimgħa, 5 ta’ Ottubru 1984
1. “Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art, għax inti dawn il-ħwejjeġ ħbejthom lil min għandu l-għerf u d-dehen u wrejthom liċ-ċkejknin” (Mt 11, 25). Huwa spontanju li nerġà nmur b’moħħi fuq dan il-kliem ta’ Kristu, waqt li qiegħed niċċelebra l-Ewkaristija fis-santwarju li l-ħniena tal-fidili bniet ad unur ta’ bniedem bħal Francesco di Paola, li għex bogħod mill-kotba imma qrib Alla: huwa kien tassew wieħed minn dawn iċ-“ċkejknin” li Alla jintroduċi għall-għarfien tal-“ħwejjeġ moħbija” tiegħu. Francesco di Paola ma kienx ċertament xi għaref, u bdanakollu kien jaf b’perfezzjoni ix-xjenza tal-qaddisin u għaraf jippenetra fil-qlub iktar u aħjar minn dawk it-tejoloġi għorrief, li mhux rarament kienu jirrikorru għandu biex ikollhom tweġibiet kjarifikatriċi fid-dubji u fil-perplessitajiet tagħhom. Hu “ċkejken”, anzi “minimu” kif kien iħobb jikkwalifika lilu nnifsu u lil uliedu, immerita li jkun għalliem tal-“kbar” tal-art, u dan grazzi għad-dawl li Alla kien isawwab f’ruħu, għatxana għalih.
Waqt li niżżi ħajr lis-superjur ġenerali taċ-Ċkejknin u lill-president ras-superjuri maġġuri tal-Calabria għall-kliem indirizzat lili fil-bidu tal-quddiesa, insellem lil din il-komunità monastika u lilkom ilkoll għeżież reliġjużi, reliġijużi u erwieħ ikkonsagrati hawn preżenti. Huwa sinifikattiv li l-laqgħa tagħna qiegħda sseħħ f’dan is-santwarju, li fih kollox ikellimna dwar bniedem li għaraf jirregala lilu nnifsu bla riservi lil Alla, billi sab f’tali konsagrazzjoni nkondizzjonata tiegħu s-sors dejjem ibaqbaq ta’ karità ineżawribbli lejn ħutu. Fix-xhieda ta’ Francesco di Paola, figura li tiġbor fiha l-aħjar fatturi tal-popolazzjoni ġeneruża Kalabriża, jipproponu ruħhom mill-ġdid b’evidenza ċara il-komponenti essenzjali ta’ kull ħajja kkonsagrata għas-servizz ta’ Alla u tal-Knisja. Għal dan jiena kuntent li qiegħed niltaqà magħkom f’dan il-post, għeżież, biex ngħidilkom kemm napprezza l-missjoni tagħkom u l-apostolat multiplu tagħkom.
Il-Calabria kienet dejjem għanja bil-fondazzjonijiet monastiċi u reliġjużi u tat lill-Knisja figuri ta’ qaddisin, bħal San Saba, San Nilo, San Bruno u l-istess San Francesco. F’dan ir-reġġjun l-ewwel monakiżmu ġie mil-Lvant qarib, u hawn wettaq sintesi feliċi ta’ spirirwalità u ta’ kultura monastiko-reliġjuża.
Din mhix iżda storja tal-passat. Il-freskezza tal-ħajja reliġjuża hija ħajja llum bikom, preżenti u operanti fit-tessut ekkleżjali u soċjali. Intom, erwieħ ikkonsagrati lil Alla f’dan l-illum tal-istorja, issostnu lilkom infuskom bl-ispirtu u bil-kariżma tal-oriġni, biex tagħtu bix-xhieda tagħkom ta’ konsistenza evanġelika tweġiba konvinċenti lit-tamiet qawwija tal-ġenerazzjoni preżenti.
2. Qatt staqsejtu lilkom infuskom x’jistennew minnkom il-Knisja tal-Calabria u l-poplu twajjeb ta’ dan ir-reġġjun? Fid-dawl tal-ħajja u tat-tagħlim tal-qaddisin kbar tagħkom, b’mod speċjali tal-patrun ta’ din il-Knisja, naħseb li llum hija fundamentali għall-kredibiltà tagħkom x-xhieda ta’ impenn imġedded fit-talb u fl-għaqda ma’ Alla. L-axxeti u l-fundaturi l-kbar jgħallmu li hemm bżonn li nagħtu lil Alla l-ewwel post fil-ħajja u fl-apostolat, u dan propju biex niltaqgħu mal-bżonn tad-dinja, li qiegħda tfittex bla nifs valuri li jeħilsuha mill-inkwiet u l-inċertezza ta’ kuljum. Intom tissostitwixxu punt ta’ referenza fundamentali għall-bosta aħwa mitlufin fit-toroq tad-dinja, jekk tkunu tafu tkunu xhieda ferrieħa tal-Vanġelu fil-milja tiegħu kollha.
L-għatx ta’ Alla huwa mifrux ma’ kullimkien: imiss lill-membri tal-istituti reliġjużi li jiddirieġu din l-esiġenza, billi jerġgħu jħeġġu fix-xhieda tagħhom ta’ kuljum il-ferħ tal-għixien ma’ Alla u ta’ Alla, li ma jaljenax l-ispirtu u ma jwarrabx il-libertà, imma jarrikkixxi r-ruħ u jirrendiha libera biex tgħinhom jiggustaw il-preżenza tiegħu. Mhijiex jewwilla din l-esperjenza li intom tagħmlu meta b’disponibiltà sħiħa tafu tqiegħdu lilkum infuskom wara Kristu, kast, fqir u ubbidjenti lejn Missieru? Ma ssibux jewwilla f’dan is-sigriet tal-vera paċi tar-ruħ? Aqsmu dan l-istil ma’ ħutkom, billi tenfasizzaw b’mod imħeġġeġ il-ferħ li tkunu flimkien “bħal qalb waħda u ruħ waħda” fil-qsim ġeneruż ta’ kull ġid tagħkom (cf. At 4, 32). La tibżgħux tħossukom mhux mifhuma: Kristu huwa magħkom biex isawwab fikom tama u qawwa, sabiex twassluh b’entużjażmu lil ħutkom. Id-dinja taf tiddistingwi sewwa x-xhieda evanġelika tagħkom minn kwalunkwè oħra: mhux ta’ b’xejn li tikkuntrastakom bl-idejoloġija u l-valuri tranżitorji tagħha.
Illum l-għixien ma’ Alla bi spirtu aċċentwat ta’ talb huwa passaġġ obbligat tal-ħajja reliġjuża: Il-Knisja tinħtieġ erwieħ ikkonsagrati li jgħixu fl-interjorità tar-rapport ma’ Alla u li jistqarru quddiem id-dinja l-primat ta’ Alla, sabiex id-dinja tifhem li mhuwiex il-ġid materjali, is-suċċess u l-pjaċiri li jagħtu s-serenità lill-bniedem, imma l-grad ta’ għaqda ma’ Kristu, tama tassew tal-bniedem.
3. Il-konsagrazzjoni lil Alla li tippermettilkom li “ssegwu b’libertà ikbar lil Kristu u li timitawh iktar mill-qrib” (Perfectae Caritatis, 1), ma twarrabkomx mill-problemi ta’ ħutkom: il-karatteristika tal-ħajja reliġjuża ta’ din l-art – fejn bosta pajjiżi u rħula jafu l-oriġni tagħhom lill-preżenza ta’ monasteru jew ċenobju, billi jirtu wkoll l-isem fit-toponomastika – jistedinkom biex tgħaqqdu l-ispirtu ta’ għaqda ma’ Alla bis-solidarjetà lejn ħutkom, li jistennew ħafna mill-impenn ta’ apostolat tagħkom ta’ kuljum. L-inkonvenjenzi ekonomiċi miruta mill-imgħoddi u li għadhom ‘il bogħod minn soluzzjoni ġusta u l-ħażin tas-soċjetà tallum, li minnhom ibatu b’mod speċjali ż-żgħażagħ, jippreżentaw ruħhom kuljum quddiem għajnejkom. Ma tistgħux tinjorawhom, billi tirtiraw fil-komunità tagħkom. Tridu intom ukoll tieħdu ħsiebha mill-perspettiva li tikkonċerna lilkom, ovvjament skont il-kariżma tal-istituti rispettivi. Mill-bqija mhemmx vera ħajja reliġjuża, radikata fl-għaqda ntima ma’ Kristu, li ma tittraduċix ruħha fil-bżonn li ssegwih u taqdih fil-membri tiegħu (cf. Perfectae Caritatis, 8).
Ix-xhieda tagħkom ma tistax tinfired mill-għarfien tas-sitwazzjonijiet tal-poplu li jdawwarkom, li jafda fl-għajnuna spiritwali u konkreta tagħkom, li jistenna ġest ta’ mħabba fraterna tagħkom, li jara f’kull wieħed minnkom lil ħuh li jistà jifhmu u f’isem Kristu jsalvah.
4. Bdanakollu, mhux dejjem, min javviċinakom dan jagħmlu biex jitlob: spiss il-Mulej ilaqqakom ma’ ħukom għal sejħa, riflessjoni, inċitament għal xhieda iktar awtentika evanġelika. Kunu afu ilqgħu bħala providenzjali dawn l-istedini biex terġgħu taqbdu mill-ġdid il-ħajja reliġjuża b’iktar kuraġġ u spirtu evanġeliku.
Li ssibu ruħkom foqra fost il-foqra huwa don tal-Mulej: f’kuntatt mas-sitwazzjonijiet konkreti l-kelma tal-Mulej issir iktar inċiżiva u tistieden biex naqraw il-parabbola tar-raġel li sab ruħu f’idejn il-ħallelin (Lq 10, 25-37) b’iktar parteċipazzjoni. Il-qaddisin fundaturi tagħkom taw ħajja lill-komunitajiet apostoliċi li, waqt li għaqqdu axxesi u karità, orjentaw il-missjoni tagħhom lejn dawk il-kategoriji ta’ persuni li s-soċjetà spiss temarġina, imma li l-Knisja tqishom teżori għas-saltna. Kif nistgħu ma niftakrux f’dan il-post l-influss kontinwu ta’ fidili li kienu jitilgħu mill-ibliet u mill-irħula viċini biex jiltaqgħu mal-eremita Francesco? Hu, bniedem ta’ Alla u ħaddiem instankabbli, kien iħalli fihom dik il-kuntentizza u paċi” – jgħidulna l-kittieba – li jiswew ferm iktar mill-ġid materjali u mill-istess saħħa. Dawn l-inħawi kienu dak iż-żmien xhieda tal-għeġubijiet deskritti minn Iżaija fis-silta li għadna kemm smajna: “Jinfetħu għajnejn il-għomja, jinfetħu widnejn it-torox. Imbagħad iz-zopp jaqbeż bħal għażżiela u lsien l-imbikkma jinħall bil-ferħ. Iva, igelgel l-ilma fid-deżert, u l-widien fix-xagħri . . . (Iż 35, 5-6).
5. Il-patrimonju spiritwali tal-ħajja reliġjuża ta’ dan ir-reġġjun spiss jgħaddas għeruqu fil-kamp soċjali mhux biex jissostitwixxi l-istrutturi pubbliċi, imma biex jgħinhom fid-dmir diffiċli ta’ għajnuna u ta’ fidwa tal-aħwa l-iktar fil-bżonn. La twarrbux din il-konnotazzjoni, illum li l-Knisja tikkonferma l-preżenza tagħha fil-qasam tal-edukazzjoni u x-xogħol. Min għandu bżonn, iħares dejjem għax-xhieda tagħkom u intom m’għandkomx tittradixxu l-fiduċja ta’ min m’għandux leħen soċjali. Kunu afu tkunu dejjem attenti għall-karba tagħhom ta’ għajnuna u agħtu prova tal-imħabba lil Kristu billi tagħtu ruħkom għal ħutkom. Mhuwiex il-kliem li jonqos f’dan is-settur tas-soċjetà, huma l-ġesti. Intom imsejħa, f’isem Kristu, biex tużaw dawn il-ġesti bl-intervent diżinteressat, bis-solidarjetà, bil-każijiet estremi, b’ kull impenn li tinvolvu it-tajbin fil-għajnuna lil dawk li għandhom bżonn.
Meta tagħmlu dan, intom taraw jinfetħu quddiemkom l-ispazji tal-karità u tirrinforzaw d-dinjità li ma tistax titrazzan ta’ kull wieħed, waqt li mill-ġdid tiskopri fil-fatturi ta’ min hu mxebba mill-iżventura l-wiċċ sofferenti ta’ Kristu. B’mod speċjali, intom li tgħixu l-istorja tas-sejħa tagħkom, li hija mimlija mħabba u ħniena tal-Mulej. Il-Vanġelu jiftaħ kuljum quddiemkom u jsejħilkom għall-apostolat: kull bniedem għandu paġna ħajja, li trid tkun mifhuma u milqugħa fl-esperjenza propja tal-fidi. La tgħejjewx toħorġu jdejkom lil min hu fil-bżonn: il-ġest tagħkom ta’ solidarjetà jistà jkun ix-xaqq dawl li permezz tiegħu ħukhom jasal biex jilmaħ il-Providenza tal-Missier li jieħu ħsieb kulħadd u lil kulħadd jagħti skop f’din id-dinja. “Ix-xhieda siekta tagħkom tal-faqar u ta’ distakk, ta’ purezza u ta’ trasparenza, ta’ abbandun fl-ubbidjenza . . . tistà ssir, minbarra provokazzjoni għad-dinja u għall-Knisja nfisha, ukoll predikazzjoni elokwenti, kapaċi timpressjona wkoll lin-non-kristjani ta’ rieda tajba, sensibbli għal ċerti valuri” (Evangelii Nuntiandi, 69,2).
6. Din l-inkarnazzjoni tal-ħajja reliġjuża tagħkom fit-tessut ekkleżjali u soċjali tal-Calabria hija l-messaġġ li llum nagħtikom f’dan il-post imqaddes mill-axxeta u bniedem ta’ Alla San Francesco di Paola. Agħrfu iksbu mill-għaqda ma’ Alla, kuljum preżenti fil-festa ewkaristika, il-qawwa tax-xhieda evanġelika lil kulħadd: lis-sempliċi, lill-fqar, liċ-ċkejknin, lill-emarġinati, lill-batuti , lill-għorrief, lill-bnedmin tal-art, tad-dinja tax-xogħol, lil min lest għad-djalogu u wkoll lil min għal issa għadu jeskludi lilu nnifsu. Kristu jmur qabilkom u jagħtikom il-qawwa, għaliex hu huwa l-iskop u l-miżura ta’ ħajjitkom fid-djalogu ta’ kuljum li bih tiksbu dik il-karità soprannaturali, li dwarha kellimna San Pawl f’dik is-silta sublimi tal-ewwel Ittra lill-Korintin (1 Cor 13, 5-7) li smajna ftit waqtiet ilu: jiġifieri karità “li ma tfittixx dak li hu tagħha, xejn ma tinkorla, ma żżommx f’qalbha għad-deni,, ma tifraħx bl-inġustizzja, imma tifraħ bil-verità. Kollox tagħder, kollox temmen, kollox tittama, kollox tissaporti”.
Dak biss li huwa maqtugħ kompletament minnu nnifsu jistà jilqà sal-qiegħ l-esiġenzi radikali ta’ karità li, skont il-kliem tal-appostlu, timmira għall-“kollox”: “. . . kollox temmen, kollox tittama, kollox tissaporti”. Imma min, aħjar mir-reliġjuż, jistà jwettaq fih innifsu distakk simili? Fl-impenn tiegħu nnifsu fit-triq tal-pariri evanġeliċi mhuwiex imqanqal mir-rieda li jopera fih innifsu dak it-tnezziegħ minn kull ħaġa li tistà tagħmel iktar spazju kompletament għal kollox ta’ Alla? Agħrfu apprezzaw fil-valur sħiħ tagħhom, għeżież, il-voti tal-kastità, tal-faqar u tal-ubbidjenza, li se ġġeddu minn hawn u ftir ieħor. Dawn ma jfixklux linqas jillimitaw il-personalità tagħkom, imma pjuttost jeħilsuha għall-possibiltà ta’ don iktar kostanti u iktar ġeneruż fis-servizz ta’ kuljum ta’ Alla u tal-aħwa.
Fuq il-passi tal-qaddisin kbar tagħkom, u partikolarment ta’ dak li l-ispirtu tiegħu jittajjar f’din il-Knisja, kunu kasti, foqra u ubbidjenti ferrieħa. Sperimentaw, kif huma sperimentaw, il-verità tal-kelma ta’ Kristu: “Il-madmad tiegħi ħelu u t-toqol tiegħi ħafif” (Mt 11, 30) U tkunu tistgħu, intom ukoll bħalhom, tipparteċipaw din l-esperjenza tagħkom lil tant aħwa “għajjiena u magħfusa” li jiġu għandkom biex ikollhom kelma li kapaċi tagħtihom mill-ġdid tama.
Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb