Ġwanni Pawlu II waqt ċerimonja ta’ beatifikazzjoni.

BEATIFIKAZZJONI SOLENNI TA’ FEDERICO ALBERT, CLEMENTE MARCHISIO, ISIDORO DE LOOR U RAFAELA YBARRA DE VILLALONGA
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Pjazza San Pietru
Il-Ħadd, 30 ta’ Settembru 1984

1. “Alleluia, alleluia. / In-nagħaġ tiegħi jisimgħu leħni / u jiena nagħrafhom u huma jimxu warajja” (Kant qabel il-VanġeluĠw 10, 27).

Illum nixtiequ nkantaw “alleluia” partikolari lir-Ragħaj it-Tajjeb. Huwa ta ħajtu għan-nagħaġ tiegħu. Permezz ta’ din il-mewt, dan is-sagrifiċċju tal-ħajja, twettaq dak l-għarfien feddej li dwaru jitkellem il-Vanġelu: “Jiena naf in-nagħaġ tiegħi u n-nagħaġ tiegħi jafu lili, kif il-Missier jaf lili u jien naf il-Missier” (Ġw 10, 14-15).

Il-leħen tar-Ragħaj it-Tajjeb jidwi tul is-sekli u l-ġenerazzonijiet. F’nofs dawn il-ġenerazzjonijiet jilħaq lill-bnedmin individwalment. Huma jisimgħu leħen ir-Redentur, li jikkomunikalhom il-Vanġelu u jħabbar il-misteru tas-salib u tal-qawmien mill-imwiet, Isegwu mbagħad lill-Imgħallem, isegwu lil Kristu. Jafuh u jagħmlu mod li jsiru magħrufa minnu sal-profond tal-esseri tagħhom. Jiġu, fl-istess ħin, imħaddna mill-għarfien li bih Kristu huwa magħruf mill-Missier  u hu stess jaf lil Missier. Mill-għarfien titnissel l-imħabba, Il-Missier, l-Iben u l-Ispirtu Santu jippenetraw l-erwieħ miġbuda ill-qawwa feddejja tar-redenzjoni u tal-grazzja.

Dawn isegwu lir-Ragħaj it-Tajjeb fit-toroq tal-ħajja terrena, fidili lejn il-vokazzjoni tagħhom. Il-Mulej jiġborhom minn fost il-popli u jġibhom mir-reġġjuni kollha (cf. Ez 34, 13). Jagħmel iva li minn truf art twelidhom terrena jgħaddu għal dar il-Missier, f’art twelid il-komunjoni eterna tal-qaddisin.

2. Illum irridu nkantaw “alleluia” partikolari lir-Ragħaj it-Tajjeb. Tixtieq tkantalu il-Knisja li qiegħda tifraħ bl-elevazzjoni għall-altari  permezz tal-beatifikazzjoni ta’ żewġ Taljani, Belġjan u Spanjola.

Imma huma qabel kollox il-beati l-ġodda li jkantaw dik l-“alleluia” partikolari. Huwa huma li jiggwidaw it-talb tagħna, meta nkantaw: 

“Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi . . . / f’mergħat kollha ħdura jqegħedni, / ħdejn ilmijiet trankwilli jeħodni. / hu jrejjaqni” (Sal 23, 1-3).

Iva. Hu r-ragħaj tiegħi: “imexxini fit-triq tas-sewwa” (Sal 23, 3).

Huwa r-ragħaj tiegħi: “ma jonqosni xejn” (Sal 23, 1).

Huwa r-ragħaj tiegħi: ma nibżax mill-ħsara (Sal 23, 4).

“Miegħi, iva, jimxu t-tieba u l-ħniena / il-jiem kollha ta’ ħajti / u ngħammar f’dar il-Mulej” (Sal 23, 6).

Hekk hu, is-Sedja ta San Pietru f’Ruma u, flimkien magħha,  il-Knejjes individwalment u l-komunitajiet, fil-beatifikazzjoni ta’ wliedhom maskili u femminili, jaduraw l-opra tar-Ragħaj it-Tajjeb.

3. Jaduraw lil Kristu, Ragħaj it-Tajjeb fix-xhieda li l-beatu Dun Federico Albert offra bħala ministru ta’ Alla, totalment iddedikat għall-ġid tal-erwieħ afdati lilu u għall-bżonnijiet tal-foqra. Huwa, billi mmatura l-vokazzjoni għal saċerdot f’età adulta, ma kellux il-possibiltà li jiffrekwenta s-seminaru, bdanakollu huwa ħejja lilu nnifsu biex isir saċerdot b’modli llum ikun propost bħala mudell validu għas-saċerdoti, li jistgħu jammiraw fih  l-ħajja spiritwali approfondità, mitmugħa minn komunjoni kostanti ma’ Kristu, u l-impenn ġeneruż biex jakkwista formazzjoni kulturali solida li ppermettitlu li jipproponi lilu nnifsu bħala gwida sikura f’nofs il-poplu ta’ Alla.

L-ispirtu tiegħu ta’ fidi, l-ubbidjenza nkondizzjonata tiegħu lejn il-Papa u lejn l-isqfijiet, il-karità saċerdotali tiegħu għamlu minnu element ekwilibratur, fost il-membri tal-presbiterju u ragħaj żelanti partikolarment attent għaż-żgħażagħ u għall-foqra, Waqt li nħarsu lejn il-beatu l-ġdid nindunaw b’evidenza singulari kif huwa possibbli nwieġbu għall-esiġenzi konkreti  tal-bniedem, propju għaliex inkunu qaddejja fidili ta’ Kristu u tal-Knisja.

4. Ukoll fil-Beatu Dun Clemente Marchisio tiddi x-xbiha ta’ Kristu r-Ragħaj it-Tajjeb: anzjuż li jkun dejjem “eżempju tal-fidili fil-kliem, fl-imġieba, fil-karità, fil-fidi” (1 Tm 4, 12), huwa studja biex javanza fil-ġrazzja li biha kull saċerdot huwa mżejjen fi Kristu, billi jsir b’dan strument kuljum iktar validu u ħaj ta’ Ġesù saċerdot etern.

Raġel tat-talb, kif għandu jkun kull saċerdot, kien konxju li kellu jsejjaħ Lil Alla, Mulej tal-univers u ta’ ħajtu, imma kien ukoll konxju li l-vers adorazzjoni, denja tal-qdusija nfinita ta’ Alla, titwettaq fuq kollox permezz tas-sagrifiċċju tal-ġisem u tad-demm ta’ Kristu. Għalhekk kellu dejjem żelu kbir fiċ-ċelebrazzjoni b’mod devot tal-misteru ewkaristiku, fli jagħmel adorazzjoni b’mod regulari u fil-kura tad-dekor taċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi. Huwa infatti kien persważ li l-Knisja tibni ruħha b’mod speċjali madwar l-Ewkaristija, billi waqt li jieħdu sehem fiha l-membri tal-komunità nisranija jidentifikaw ruħhom b’mod mistiku ma’ Kristu u jsiru ħaġa waħda bejniethom.

5. Fil-Beatu Isidoro De Loor huwa mogħti lilna li nikkontemplaw l-iktar il-wiċċ ta’ Kristu batut, li fih tirrivela ruħha l-imħabba nfinita ta’ Alla. Il-beatu l-ġdid kien jaf jaħtaf il-valur suprem u assolut tar-rieda ta’ Alla, u mpenja ruħu biex iwettaqa fl-eżistenza propja bl-imħabba u l-fiduċja, fuq l-eżempju ta’ Ġesù Kristu. Li dejjem iċċaqlaq, ukoll meta kellu jieħu s-salib, biex jagħmel dak li kien jogħġob lill-Missier.  Tali kienet il-ħlewwa u l-prontezza li biha l-Beatu De Loor intelaq f’kollox għar-rieda tal-Mulej, biex isegwi lil Kristu msallab u rxuxtat, li setà jissejjaħ “fratell tar-rieda ta’ Alla”. Milqut minn waħda mill-mardiet l-iktar mifruxa tas-seklu tagħna, il-kanċer, Fra Isidoro ħejja ruħu għall-mewt bl-istess ħlewwa, li biha għex, billi ħa din il-prova drammatika bħala okkażjoni biex ikun jixbaħ għal kollox lill-Feddej, oġġett tal-meditazzjonijiet kontinwi u mtawla tiegħu.

Il-Beatu novel jistieden lil kull wieħed u waħda minna f’riġlejn Kristu mejjet għall-imħabba, billi jħeġġiġna biex ngħaqqdu l-isforzi u t-tbatijiet tagħna ma’ dawk ta’ Kristu, biex hekk insibu s-sens feddej u kostruttiv tax-xogħol, tan-niket, u tal-isforzi, u  nirċievu risposti validi għall-interrogattivi tal-eżistenza (cf. Ioannis Pauli PP. II, Salvifici Doloris, 31). Il-Beatu l-ġdid Isidoro De Loor huwa bla dubju għall-epoka tagħna mixtieqa minn indipendenza kultant ambigwa, eżempju providenzjali u affaxxinanti ta’ konformità krexxenti mar-rieda tal-Missier fis-segwitu ta’ Kristu Ġesù. Xi kontemporanji tiegħu, xhieda tal-ħajja ta’ Fra Isidoro di san Giuseppe kienu jsejħulu “il-fra tar-rieda ta’ Alla”. Jalla l-Beatu jgħinna lkoll biex navanzaw fil-fehim u fit  twettiq ta’ kukjum tal-pjan tal-Mulej dwar l-eżisuenza tagħna. Mhemm ebda triq oħra lejn il-feliċità vera!

6. Insibu rifless ieħor tal-perfezzjoni nfinita ta’ Kristu fil-Beata Rafaela Ybarra li fittxet li tikber dejjem lejn Kristu, biex tibni lilha nfisha fil-karità (cf. Ef 4, 15-16).

Huwa ammirevoli l-impenn tagħha inkondizzjonat għal Alla u għall-oħrajn fid-diversi ċirkustanzi ta’ ħajjitha: ta’ żagħżugħa, ta’ miżżewġa u ta’ fundatriċi ta’ istitut reliġjuż.

Mis-salib u mit-talb għarfet tislet il-qawwa għal offerta tagħha nfisha fuq l-altar tal-imħabba nisranija. Kemm persuni bbenefikaw mill-ħila tagħha ta’ donazzjoni  lil Kristu! Kemm, minħabba l-ħlewwa tagħha ma’ min kien fil-bżonn, ma kinux jafu jsejħulha jekk mhux “il-madre” (il-mamà)!

Hija mill-pożizzjoni komda tagħha, għarfet tħares b’sensibiltà umana u nisranija lejn is-soċjetà ta’ żmienha. Minn hawn twieldu diversi nizjattivi ta’ karattru soċjali u apostoliku, li ndirizzaw l-azzjoni tagħha lejn sptarijiet, dar tal-maternità, rifuġju għal nisa u żgħażagħ bla xogħpl jew f’periklu morali. Propju għad-difiża u l-promozzjoni umana u nisranija taż-żgħażagħ ħolqot l-Istitut talQaddisin Anġli Kustodji. Eżempju eċċellenti għas-soċjetà tagħna tallum u għal dawk li jixtiequ jgħixu għal Alla, billi jikkontribwixxu wkoll għall-bini tas-saltna ta’ Kristu!

Lill-insara tal-poplu bask nixtieq ngħid bl-idjoma tagħhom: Segwu l-eżempji tal Beata l-ġdida.

7. Hawn huwa l-profil tal-beati l-ġodda.

F’kull wieħed minnhom “Hemm il-konsolazzjoni li tiġi mill-karità”. F’kull wieħed minnhom “hemm ċerta komunanza ta’ spirtu” (Fil 2, 1). F’kull wieħed minnhom hemm twettiq ġdid tal-ferħ tal-Knisja.

Infatti mhux biss segwew lir-Ragħaj it-Tajjeb, billi ħallew li jkunu ggwidati minnu; il-konsolazzjoni li tiġi mill-karità” timmanifesta ruħha fl-imħabba. Mela kull wieħed minnhom ta, flimkien ma’ Kristu, ħajtu għan-nagħaġ, u fittex li “jmexxi” lill-oħrajn, bil-kelma, bl-opri bl-eżempju, bis-servizz, lejn is-salvazzjoni.

Kull wieħed ħares lejn  Kristu li jassumi “l-kondizzjoni ta’ qaddej, waqt li jsir jixbaħ lill-bnedmin”, u li “jumilja lilu nnifsu billi jsir ubbidjenti sal-mewt” (Fil 2, 7-8).

Kemm b’mod profond ippenetra ruħkomgħeżież ħuti li llum qegħdin nipproklamaw Beati tal-Knisja – Kristu  “ubbidjenti sal-mewt”! Kemm huwa sar il-ħajja ta’ ruħkom! Dan Kristu li Alla “għolla” u li lilu “tah l-isem li huwa fuq kull isem ieħor” (Fil 2, 9).

Illum permezz tas-servizz tal-Knisja, Alla ta lil kull wieħed minnkom isem ġdid f’Ġesù Kristu “Mgħolli”.  Illum qegħdin tirċievu parti ġdida fl-“eżaltazzjoni” magħmula lil Kristu mill-Missier.

Aċċettawha! Aċċettaw mill-Knisja dan l-isem! F’kull wieħed minnkom “hemm il-konsolazzjoni li toħroġ mill-karità”.

F’kull wieħed minnkom “hemm xi kumpanija ta’ spirtu” F’kull wieħed minnkom hemm ukoll “xi konsolazzjoni fi Kristu” (Fil 2, 1), għalina, għall-poplu kollu ta’ Alla, għall-umanità!

Alleluia! Niżżuk ħajr, Ragħaj etern, li f’dawn ħutna rrendejt sħiħ il-ferħ tal-Knisja (cf. Fil 2, 2).

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading