ITTRA PASTORALI
FIL-BIDU TAS-SENA PASTORALI
2025-2026
“U WAQT LI KIEN
FUQ IL-MEJDA MAGĦHOM”
(LQ 24:30A)
MILL-E.T. MONS. ANTON TEUMA
ISQOF TA’ GĦAWDEX
Għeżież,
Sar diffiċli li niltaqgħu bħala familja biex nieklu flimkien. Il-ħinijiet tax-xogħol ta’ wħud mill-membri tal-familja ma jkunux jaqblu ma’ ta’ oħrajn, jew mal-ħinijiet tal-iskola jew tal-attivitajiet l-oħra tal-ulied. U meta l-familja jirnexxilha tiltaqa’ flimkien fl-istess ħin, kemm fid-dar jew f’xi ristorant, din tkun okkażjoni speċjali.
Kull meta niltaqgħu, arana nirrakkontaw il-ġrajjiet u l-esperjenzi li nkunu għaddejna jew għaddejjin minnhom. Nitkellmu dwar dak li jogħġobna u jdejjaqna, dwar dak li miexi sew u dak li mhux. Nitkellmu dwar dak li jferraħna u li jinkwetana. Naraw kif ser naffrontaw diffikultà ta’ saħħa, napprezzaw il-progress fl-istudju jew fix-xogħol, nieħdu pjaċir bil-qligħ tal-flus, u jiddispjaċina meta nitilfu xi okkażjoni, u l-bqija…
Meta Ġesù kien jidħol għand il-familji u jiekol magħhom, kien jismagħhom u jitkellem magħhom dwar il-ħajja ta’ kuljum. U bi mħabba kbira kien jgħin lill-familji jaqraw il-ġrajjiet mhux biss bl-għajnejn tal-bnedmin jew kif jimmaġinaw huma lil Alla imma bil-mod ta’ kif Alla iħares lejhom tassew.
Hekk għamel meta, wara li sejjaħ lil Levi, mar qagħad fuq il-mejda ma’ ħafna nies midinba. Qalilhom li Alla, l-hena tiegħu li jkun magħhom, għax “it-tabib ma jeħtiġuhx dawk li huma f’saħħithom, imma l-morda” (Mk 2:17). Meta jmur jiekol għand Xmun il-lebbruż, u tiġi l-mara midinba li tbusu u tidliklu riġlejh bil-fwieħa tiswa ħafna, Ġesù jgħid lil Xmun li l-imħabba ma tikkalkulax, u li jħobb ħafna min inħafirlu ħafna (Mk 14:3-9).
Ninsabu resqin lejn it-tmiem tas-sena tal-Ġublew tat-Tama. Matul is-Sena Pastorali li għaddiet saret il-Viżta Pastorali li jien għamilt flimkien mad-delegati fil-parroċċi kollha tad-Djoċesi – “daħal biex joqgħod magħhom” (Lq 24:29b); issa jmiss li noqogħdu flimkien fuq il-mejda – “u waqt li kien fuq il-mejda magħhom” (Lq 24:30a), biex inkomplu nitkellmu dwar il-familji tagħna u dwar il-familja tal-parroċċa li tiġbor fiha l-familji tagħna.
Il-Viżta Pastorali laqqgħetni ma’ ħafna ħidma u dedikazzjoni ta’ ħafna nies fil-parroċċi. Iltqajt mal-kappillani li flimkien mas-saċerdoti verament jagħtu kontinwament saħħithom kollha għall-komunitajiet tagħhom. Sirt naf aktar lil dawk il-lajċi li jgħinu b’kull mod. Ħadt sehem fil-quddiesa u fit-talb li permezz tiegħu l-komunità tiltaqa’ ma’ Ġesù, u Ġesù nnifsu jiltaqa’ mal-komunità. Tkellimt ma’ dawk li jieħdu ħsieb jorganizzaw il-festa titulari. Għalkemm iż-żmien kien qasir, il-ġimgħa li għaddejt f’kull parroċċa għenitni nara t-tajjeb u s-sabiħ u fl-istess waqt il-limiti u dak kollu li jista’ jitjieb.
Wara li tkellimt mal-Kappillani, mal-Kunsill Presbiterali u mal-Kunsill Pastorali, inħoss li issa jmiss li dak li jien u delegati oħra tad-Djoċesi osservajna fil-parroċċi tagħkom jiġi mgħarraf lilkom ilkoll, kull parroċċa għaliha. B’dan il-mod, ilkoll kemm aħna nsiru nafu aktar ir-realtà tad-Djoċesi u tal-parroċċi tagħna. U nkunu nistgħu nħallu lil Ġesù jgħarrafna liema huma d-doni u t-talenti tar-realtà tal-Knisja li jeħtieġ li nkomplu mmexxu ’l quddiem, u liema huma d-dgħufijiet u l-limiti li jeħtieġ li nirranġaw. Hekk inkomplu nħarsu ’l quddiem bit-tama li din is-sena tal-Ġublew trid tħalli fina.
Hekk kienu għamlu Ġesù u t-72 dixxiplu meta reġgħu ltaqgħu flimkien wara li kien bagħathom tnejn tnejn fl-ibliet u fl-irħula. It-72 irrakkuntaw lil Ġesù dwar kif marret il-ħidma tagħhom, dwar kif ġew milqugħa jew miċħuda, dwar x’mar tajjeb u x’mar ħażin. U Ġesù dawwal bil-kelma tiegħu l-esperjenzi li għaddew minnhom (ara Lq 10:1-20). Hekk ukoll għamlu l-Appostli meta waqfu jirriflettu u jitkellmu dwar dak li kien qiegħed jiġri fl-ewwel komunitajiet, jiġifieri li ħafna pagani kienu qed isiru Nsara anki jekk ma kellhomx it-tradizzjonijiet tal-Lhud. Pawlu, Barnaba, Pietru, Ġakbu, flimkien ma’ nies oħra, iltaqgħu biex jiddiskutu b’liema mod l-aħjar li jimxu ’l quddiem (ara Atti 15:1-32).
Għalhekk, matul is-Sena Pastorali li ser tibda f’Ottubru li ġej, ser nerġa’ nżur il-parroċċi kollha, flimkien ma’ persuni oħra, biex niltaqgħu madwar mejda u nitkellmu mal-komunitajiet parrokkjali kollha dwar dak li ħareġ mill-Viżta Pastorali tas-sena li għaddiet. Hekk inkunu nistgħu nirriflettu u niddiskutu flimkien mhux biss dwar is-sitwazzjoni attwali tal-parroċċa, imma wkoll dwar liema jistgħu jkunu l-ħidmiet l-aktar urġenti u importanti li jeħtieġ li jsiru fil-parroċċi u fid-Djoċesi għażiża tagħna.
Biex iseħħ dan, jeħtieġ li jiġu ppjanati xi laqgħat mad-diversi gruppi tal-parroċċa. L-ewwel appuntament ikun mal-kappillan u mas-saċerdoti li jaħdmu fil-komunità parrokkjali, imbagħad niltaqa’ ma’ dawk kollha li jgħinu lill-kappillan u lis-saċerdoti fil-ħidma pastorali, u wara niltaqa’ ma’ kull min ikun interessat li jkun jaf is-sitwazzjoni tal-parroċċa kif dehret mill-Viżta Pastorali tas-sena li għaddiet. Fl-aħħar nett, nerġa’ niltaqa’ mas-saċerdoti, flimkien mal-Kunsill Parrokkjali, biex niddixxernu l-passi li jmiss.
B’dan il-mod irroddu ħajr lil Alla tad-doni u tas-sabiħ li hu għoġbu jsawwab f’kull parroċċa tad-Djoċesi tagħna, u nitolbuh jgħinna nagħrfu b’ħafna umiltà u verità d-diffikultajiet u l-problemi li għaddejjin minnhom. Hekk, dejjem immexxija mid-dawl tal-Ispirtu Santu u fi spirtu ta’ komunjoni fraterna, inkunu nistgħu niddixxernu l-ħidma pastorali tad-Djoċesi u tal-parroċċi tagħna, għall-ġejjieni.
Nagħtikom il-barka tiegħi.
Mogħtija mill-Kurja tal-Isqof, il-Belt Victoria, illum 14 ta’ Settembru 2025, Festa tal-Eżaltazzjoni tas-Salib Imqaddes.
Mons. Edward Zammit
Kanċillier
Anton Teuma
Isqof ta’ Għawdex