It-28 Ħadd matul is-Sena Ċ. Kitba ta’ Fr Michael A. Galea

NAFU NGĦIDU GRAZZI LIL ALLA U LIL XULXIN?

Professur tal-filosofija Amerikan, imħabbat u dejjem mgħaġġel minħabba l-ħafna xogħol li kellu, irċieva telefonata li biha nfurmawh li missieru kien qed imut. Dal-professur ħalla kollox u qabad l-ewwel ajruplan biex imur jara lil missieru għall-aħħar darba. Kif wasal id-dar, għannaq lil missieru u qallu: “Pa, inħobbok u grazzi ta’ dak kollu li għamilt miegħi!” B’leħen dgħajjef, missieru agonizzant wieġbu u qallu: “Ibni, għaliex domt daqshekk ma għedtli?” Bdejt b’dan id-djalogu qasir bejn professur tal-filosofija u missieru qed imut għax illum se nitkellem fuq is-sens ta’ radd il-ħajr jew inkella fuq “il-grazzi” li għandna ngħidu lil Alla u lil xulxin. Fl-aħħar mill-aħħar, kull ewkaristija li niċċelebraw hija att ta’ ħajr lil Alla.  

Jien inkellmek u int tismagħni, int tkellimni u jien nisimgħek. Jien niftaħ qalbi miegħek u int tifhimni, int tiftaħ qalbek miegħi u jiena nifhmek. Biċċa għodda importanti ħafna f’dan il-proċess ta’ komunikazzjoni bejni u bejnek hija l-kelma jew kliem li llissnu lil xulxin. Il-mezzi ta’ komunikazzjoni li għandna llum – gazzetti, televiżjoni, radju, mobiles, internet, satelliti – huma xi ħaġa tal-għaġeb. Imma daqshekk ieħor, anzi iktar tal-għaġeb, hija l-kelma li taqdina kontinwament. F’waħda mill-poeżiji tiegħu, Dun Karm Psaila (il-poeta nazzjonali tagħna) jindirizza lill-kelma u jgħidilha: “Kelma! Kelma! Xi tkun? Minn fejn ġejt? Meta tnissilt…? Ġejt kif ġejt, int l-isbaħ, l-akbar fost kemm hawn għeġubijiet…”

Tajjeb noqogħdu attenti xi kliem ngħidu lil xulxin. Hemm kliem li jqajjem ġlieda u hemm kliem li jġib il-paċi. Hemm kliem li jixgħel il-mibgħeda u hemm kliem li jnissel l-imħabba…Fost il-kliem jew espressjonijiet li xi ħadd sejħilhom “mużika għall-widna u għall-ispirtu” għandi din il-lista: ‘prosit’, ‘għamilt biċċa xogħol tajba’, ‘inħobbok’, ‘ħallini ngħinek’, ‘nifraħlek’, ‘agħmel kuraġġ għax int kapaċi bħal ħaddieħor’, ‘skużani’, ‘naħfirlek qisu qatt ma kien xejn’, ‘grazzi’…

Ħa nieqaf fuq il-kelma “grazzi”, anzi fuq is-sentiment ta’ gratitudni, għax x’tiswa l-kelma “grazzi” jekk ma toħroġx minn qalb sinċiera? Għedt li se nieqaf fuq il-kelma “grazzi” għax il-qari tal-lum, kemm l-ewwel lezzjoni, imma iżjed u iżjed il-vanġelu, jitkellmu fuq dan is-sens ta’ gratitudni.

Nibdew b’dak li rajna fl-ewwel lezzjoni meħuda mit-Tieni Ktieb tas-Slaten. Xi smajna? Smajna li fuq parir ta’ Eliżew, il-bniedem ta’ Alla, Nagħman ta’ Aram, marid bil-lebbra, għodos seba’ darbiet fix-xmara Ġordan u fieq mill-marda li kellu. Mhux biss fieq, imma ġismu reġa’ sarlu qisu l-ġisem ta’ tfajjel żagħżugħ. Forsi hawnhekk nistgħu nagħmlu daqsxejn ta’ riflessjoni. Kien profeta iben il-Poplu Lhudi li fejjaq lil Nagħman u Nagħman kien pagan. Alla tagħna huwa Alla ta’ kulħadd: ma jiddiskriminax bejn dak u l-ieħor, ma jagħmilx distinzjoni bejn poplu u ieħor. Dan beda jidher l-aktar meta fil-ħajja pubblika tiegħu, Ġesu’ jagħmel ġid ma’ kulħadd.

Meta nduna li kien fieq mil-lebbra, dan Nagħman ħass il-bżonn li jerġa’ jmur għand il-Profeta Eliżew u jirringrazzjah. Ried jagħtih rigal ukoll, imma l-Profeta ma żammux. Pero’ ma nistgħux ma narawx is-sens ta’ gratitudni li kellu dan Nagħman għal dak li għamel miegħu Alla tal-Poplu Lhudi! Spiċċa biex qallu: “Minn issa ‘l quddiem, il-qaddej tiegħek mhuwiex se jagħmel iżjed sagrifiċċji tal-ħruq lill-allat oħra jekk mhux lill-Mulej.” Niġi issa għall-vanġelu…

Fi żmien Ġesu’, il-marda tal-lebbra kienet komuni ħafna u marda li tittieħed ukoll. Allura, skont il-liġi ta’ Mose’, dawn il-morda kellhom joqogħdu fi gruppi, iċemplu qanpiena u jgħajtu kemm jifilħu: “Aħna mniġġsa! Aħna imniġġsa!”  Dan biex il-marda ma titteħidx. Ġesu’ inzerta għaddej minn dawn l-inħawi u għaxart irġiel, disgħa ta’ razza Lhudija u wieħed Samaritan, ħatfu l-okkażjoni u mill-bogħod bdew isejħu lil Ġesu’ u jgħidulu: “Ġesu’, Mgħallem, ikollok ħniena minna!” Ninnotaw f’dan l-episodju li għat-talba tagħhom, Ġesu’ ma fejjaqhomx mill-ewwel imma qalilhom sempliċiment: “Morru rwieħkom lill-qassisin. Skont il-liġi ta’ Mose’, hekk kellhom jagħmlu dawk li jfiequ mil-lebbra. Tgħid għaliex ma fejjaqhomx mill-ewwel? Kittieb Taljan jgħid għax Ġesu’ ried jipprova l-fidi tagħhom. U għaddew mill-prova li għamlilhom Ġesu’, għax huma u sejrin indafu mill-mard tagħhom. Issa ħa nitkellem fuq il-“grazzi” tal-barrani…Ikompli jirrakkuntalna San Luqa li kif sab ruħu mfejjaq, is-samaritan reġa’ lura jfaħħar lil Alla u radd ħajr lil Ġesu’. X’ġara f’dal-bniedem li  għal-Lhud kien eretiku u pagan? Dal-bniedem imfejjaq fehem il-qalba tal-ġrajja li seħħet fih, fehem it-tjubija li dehret f’Ġesu’ ta’ Nazaret. Ta’ barrani li kien ma ppretenda xejn, fehem li dak li ġralu kien miraklu, allura ħassu obbligat jgħid “grazzi”. Kompla jikber fil-fidi tiegħu. “X’sar minnhom id-disgħa l-oħra?” staqsieh Ġesu’? Ġesu’ xtaqhom jiġu jirringrazzjawh bħal dan is-samaritan

Nispiċċa. Nidraw ngħidu “grazzi” lil Alla ta’ kull ma tana, ta’ dal li qed jagħtina jew li se jagħtina. B’ironija, Chesterton, kittieb ingliż, jgħid hekk: “Ta’ kull sena, it-tfal jirringrazzjaw lil Father Christmas tar-rigali li poġġielhom fil-kalzetta mdendla ħdejn il-fireplace u jinsew jirringrazzjaw lil Dak (capital D) li kuljum jagħtihom par saqajn xi jpoġġu fil-kalzetti u li bihom jimxu!”

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading