Omelija tal-Papa Ljun XIV fil-Ġublew tal-Ispiritwalità Marjana

ĠUBLEW TAL-ISPIRITWALITÀ MARJANA
QUDDIESA
OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
Pjazza San Pietru
It-XXVIII Ħadd ta’ Matul is-Sena, 12 ta’ Ottubru 2025

Għeżież ħuti,

L-Appostlu Pawlu jdur illum fuq kull wieħed u waħda minna, bħalma għamel ma’ Timotju, u jgħidilna: “Ftakar f’Ġesù Kristu, li qam mill-imwiet, li hu min-nisel ta’ David” (2 Tim 2:8). L-ispiritwalità Marjana, li ssaħħaħ il-fidi tagħna, għandha lil Ġesù bħala ċentru tagħha. Bħall-jum tal-Ħadd, li jiftaħ kull ġimgħa ġdida, fix-xefaq tal-Qawmien tiegħu mill-imwiet. “Ftakar f’Ġesù Kristu”: dan biss li jiswa, dan li jagħmel id-differenza bejn l-ispiritwalitajiet umani u t-triq ta’ Alla. Fl-“irbit tal-ktajjen bħallikieku għamilt xi delitt” (v. 9), Pawlu jirrakkomandalna biex ma nitilfux iċ-ċentru minn quddiem għajnejna, biex ma niżvojtawx l-isem ta’ Ġesù mill-istorja tiegħu, mis-salib tiegħu. Dak li aħna qisnieh żejjed u sallabnieh, Alla jqajmu mill-mewt għax hu “ma jistax iqarraq bih innifsu” (v. 13). Ġesù huwa l-fedeltà ta’ Alla, il-fedeltà ta’ Alla lejh innifsu. Allura hemm bżonn li l-Ħadd jagħmilna Nsara, jiġifieri jimla bil-memorja ħajja ta’ Ġesù dak li aħna nħossu u naħsbu, u jibdel il-mod ta’ kif aħna ngħixu flimkien, il-mod ta’ kif ngħammru fuq l-art. Kull spiritwalità Nisranija tiżviluppa minn dan in-nar u tikkontribwixxi biex tagħmlu aktar ħaj.

Il-Qari mit-Tieni Ktieb tas-Slaten (5:14-17) fakkarna fil-fejqan ta’ Nagħman tas-Sirja. Ġesù nnifsu kkummenta fuq din is-silta fis-sinagoga ta’ Nazaret (ara Lq 4:27) u l-effett tal-interpretazzjoni tiegħu fuq in-nies ta’ pajjiżu kien li ħawwadhom. Meta qal li Alla kien salva lil dak il-barrani marid bil-lebbra pjuttost milli lil dawk li kien hemm f’Iżrael, qajjem reazzjoni ġenerali: “Fis-sinagoga kulħadd imtela bil-korla; qamu, u ħarġuh ’il barra mill-belt, ħaduh fuq xifer ta’ rdum tal-għolja li fuqha kienet mibnija l-belt tagħhom, u riedu jixħtuh minn hemm fuq għal isfel” (Lq 4:28-29). L-Evanġelista ma jsemmix il-preżenza ta’ Marija, li setgħet kienet hemm u ħasset dak li kien ħabbrilha x-xwejjaħ Xmuni, meta hi kienet ħadet lil Ġesù tarbija fit-Tempju: “Ara, dan se jġib il-waqgħa u l-qawmien ta’ ħafna f’Iżrael; se jkun sinjal li jmeruh, – u inti wkoll, sejf jinfidlek ruħek! – biex jinkixfu l-ħsibijiet moħbija fil-qlub ta’ ħafna” (Lq 2:34-35).

Iva, għeżież tiegħi, “il-kelma ta’ Alla hi ħajja u qawwija, taqta’ aktar minn xabla b’żewġt ixfar; hija tinfed sa tifred minn xulxin ir-ruħ u l-ispirtu u l-ġogi u l-mudullun; u tgħarbel il-ħsibijiet u l-fehmiet tal-qalb” (Lhud 4:12). Hekk, il-Papa Franġisku min-naħa tiegħu lemaħ fil-ġrajja ta’ Nagħman tas-Sirja kelma penetranti u attwali għall-ħajja tal-Knisja. Meta kellem lill-Kurja Rumana, qal: “Dan ir-raġel kellu jgħix ukoll ma’ traġedja terribbli: kien imġiddem. L-armatura tiegħu, dik l-istess waħda li kienet iġġiblu l-fama, fir-realtà kienet qed tgħatti umanità dgħajfa, midruba, marida. Din il-kontradizzjoni spiss nerġgħu nsibuha fil-ħajjiet tagħna: xi drabi d-doni kbar huma l-armatura biex ngħattu dgħufijiet kbar. […] Kieku Nagħman kompla biss iġemma’ midalji għal fuq sidru, fl-aħħar il-ġdiem kien jieklu ħaj: minn barra kien jidher ħaj, iva, imma magħluq u iżolat fil-mard tiegħu”.[1]

Minn dan il-periklu jeħlisna Ġesù, hu li ma jġorrx armaturi, imma jitwieled u jmut għeri; hu li joffri d-don tiegħu bla ma jġiegħel lil-lebbrużi mfejqa jirrikonoxxuh: Samaritan biss, fil-Vanġelu, donnu jintebaħ li ġie salvat (ara Lq 17:11-19). Forsi, inqas ma jkollna titli biex niftaħru, iżjed ikun ċar għalina li l-imħabba hi b’xejn. Alla hu don pur, grazzja waħidha, imma kemm ilħna u konvinzjonijiet jistgħu jifirduna llum ukoll minn din il-verità għerja u qawwija!

Ħuti, l-ispiritwalità Marjana qiegħda għall-qadi tal-Vanġelu: tikxef is-sempliċità tiegħu. L-imħabba għal Marija ta’ Nazaret tagħmilna magħha dixxipli ta’ Ġesù, tedukana biex nerġgħu lura għandu, biex nimmeditaw u norbtu flimkien il-fatti tal-ħajja li fihom l-Irxoxt għadu jżurna u jsejħilna. L-ispiritwalità Marjana tgħaddasna fl-istorja li fuqha s-sema nfetaħ, tgħinna naraw imxerrda lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom, is-setgħana mniżżla minn fuq it-tron tagħhom, u l-għonja mibgħuta ’l barra b’xejn. Timpenjana biex nimlew bil-ġid lil min hu bil-ġuħ, ngħollu liċ-ċkejknin, u niftakru fil-ħniena ta’ Alla u nafdaw fil-qawwa ta’ driegħu (ara Lq 1:51-54). Fil-fatt, is-Saltna tiegħu tiġi bis-sehem tagħna, l-istess kif minn Marija talab l-“iva” tagħha, imlissna darba u mbagħad imġedda jum wara jum.

Fil-fatt, il-lebbrużi li fil-Vanġelu ma jiġux lura biex jirringrazzjaw, ifakkruna li l-grazzja ta’ Alla tista’ anki tilħaqna u ma ssibx tweġiba, tista’ tfejjaqna bla ma ninvolvu ruħna. Mela niftħu għajnejna għal tlugħ lejn it-tempju li ma jqegħedniex fit-triq wara Ġesù. Jeżistu bixriet ta’ kult li ma jorbtuniex mal-oħrajn u jilluppjawlna qalbna. U hekk ma nkunux ngħixu laqgħat veri ma’ dawk li Alla jqiegħed fil-mixja tagħna; ma nkunux nieħdu sehem, kif għamlet Marija, fil-bidla tad-dinja u fil-ferħ tal-Magnificat. Ejjew niftħu għajnejna minn kull strumentalizzazzjoni tal-fidi, li tirriskja li tibdel lil min hu differenti minna – spiss il-foqra – f’għadu, f’“lebbrużi” li rridu nevitawhom u nbegħduhom minna.

Il-mixja ta’ Marija hi wara Ġesù, u dik ta’ Ġesù hi lejn kull bniedem, speċjalment lejn min hu fqir, midrub, midneb. Għalhekk l-ispiritwalità Marjana awtentika tagħmel attwali fil-Knisja l-ħlewwa u t-tjieba ta’ Alla, il-maternità tiegħu. “Għax”, kif naqraw fl-Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, “kull darba li nħarsu lejn Marija, inkunu qed nemmnu mill-ġdid fil-qawwa rivoluzzjonarja tal-ħlewwa u tal-imħabba. Fiha naraw kif l-umiltà u l-ħlewwa mhumiex virtujiet ta’ min hu dgħajjef imma ta’ min hu qawwi, li m’għandux bżonn jittratta ħażin lill-oħrajn biex hu jħossu importanti. Inħarsu lejha u nintebħu li dik li faħħret lil Alla għax ‘niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom’ u ‘l-għonja bagħathom ’il barra b’xejn’ (Lq 1:53,53) hi l-istess waħda li tara li jkun hemm dik il-ħeġġa familjari fit-tiftix tagħna tal-ġustizzja” (n. 288).

Għeżież, f’din id-dinja għatxana għall-ġustizzja u l-paċi, ejjew inżommu ħajja l-ispiritwalità Nisranija, id-devozzjoni popolari għal dawk il-fatti u għal dawk l-imkejjen li, imbierka minn Alla, bidlu għal dejjem il-wiċċ tal-art. Nagħmluhom mutur ta’ tiġdid u ta’ bidla, kif jitlob minna l-Ġublew, żmien ta’ konverżjoni u ta’ restituzzjoni, ta’ ħsieb ġdid u ta’ ħelsien. Tidħol għalina l-Imqaddsa Marija, tama tagħna, u mill-ġdid u għal dejjem tmexxina hi lejn Ġesù, il-Mulej mislub. Fih hemm salvazzjoni għal kulħadd.

Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard


[1] Diskors lill-membri tal-Kulleġġ tal-Kardinali u tal-Kurja Rumana għall-preżentazzjoni tal-awguri tal-Milied, 23 ta’ Diċembru 2021.

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading