IL-PERSEVERANZA U L-QAWWA TAT-TALB
Mhux soltu tiegħi ma nibnix l-omelija tal-Ħadd fuq is-silta tal-vanġelu li nkun għadni kemm qrajt, imma llum se nagħmel eċċezzjoni: se nitkellem fuq il-perseveranza u fuq il-qawwa tat-talb, suġġett li joħroġ tajjeb ħafna mill-ewwel qari li smajna, silta mill-ktieb tal-Eżodu. Fil-qosor ħafna: il-poplu ta’ Għamalek qam u tqabad mal-Poplu Lhudi li kien miexi fid-deżert fi triqtu lejn l-Art Imwiegħda. Sakemm Mosè, Aron u Ħur kienu jitolbu fuq il-muntanja, il-Poplu Lhudi kien jirbaħ imma meta kienu jieqfu mit-talb, l-aktar meta Mose’ kien jieqaf għax ma jkunx jiflaħ iżomm idejh ‘l fuq, il-Poplu t’Alla kien joħroġ tellief. Dan li għedt s’issa kien introduzzjoni żgħira għas-suġġett li fuqu se nitkellem illum…kif diġa’ għedt: il-perseveranza u l-qawwa tat-talb (fi kliem ieħor qatt m’għandek taqta’ qalbek minn Alla: kompli itlob, nerġa’ ngħidlek kompli itlob għax kif se ngħid iktar ‘il quddiem, Alla għandu widnejh miftuħa beraħ u jdejh miftuħa wkoll: f’ħinu u f’waqtu Huwa se jagħtik dak kollu li hu ta’ ġid spiritwali u materjali għalik.)
Ħsibt li nibda bl-istorja ta’ Santa Monika. Monika twieldet l-Afrika fis-sena 331. Il-ġenituri tagħha tawha edukazzjoni nisranija u żewġuha lil wieħed pagan jismu Patricius. Patricius kien qalbu tajba, imma jitlagħlu malajr u mhux l-ewwel darba li bidilha ma’ nisa oħrajn. Monika kellha tlitt itfal, wieħed minnhom kien jismu Wistin li ferraħha ħafna kemm bis-suċċessi tiegħu bħala student kif ukoll bħala għalliem, iżda fl-istess ħin nikkitha ħafna bil-ħajja ħażina li kien qed jgħix. Monika bagħtitu għand wieħed isqof bit-tama li dan l-isqof jikkonvinċieh biex jaqbad it-triq it-tajba. Pero’ kien kollu għal xejn. Biss lil Monika qalilha: “Tinkwetax. Ma jistax ikun li t-tifel tiegħek jintilef, qegħda titlob tant għalih u xxerred id-dmugħ tiegħek għall-ħajja spiritwali tiegħu.” U hekk ġara. Ir-raġel tagħha Patricius ikkonverta għall-kristjaneżmu u iktar tard, it-tnejn li huma (kemm Monika kif ukoll Patricius) kellhom il-ferħ spiritwali jaraw lil Wistin ibiddel ħajtu u jitgħammed ta’ 33 sena. Sar saċerdot, sar isqof u ngħata kollu kemm hu għall-qadi tal-Mulej.
Bdejt b’din il-bijagrofija qasira ħafna ta’ Santa Monika għax kif diġa’ għedt dak li kisbet spiritwalment għal żewġha u għal binha Wistin, kisbitu bil-perseveranza u bil–qawwa tat-talb, is-suġġett li kif għedtilkom se nitkellem fuqu llum.
Xi ħadd qal: “It-talb mhuwiex kollox (għax matul il-ġurnata jkollna ħafna x’nagħmlu) imma kollox għandu jibda mit-talb!” Araw il-qaddisa Madre Tereża u s-sorijiet tagħha kemm ikollhom x’jagħmlu, imma tgħid din is-soru: “Jekk aħna s-sorijiet ma nitolbux ma jkollna ħila nagħmlu xejn.” Infatti meta s-segwaċi tagħha lmentaw magħha li kien qed ikollhom ħafna x’jagħmlu, minn quddiesa u siegħa adorazzjoni quddiem Ġesu’ Ewkaristija, din is-soru talbithom li minflok adorazzjoni waħda jaraw kif jagħmlu tnejn! Għax qaltilhom: “Mingħajr talb, aħna nsiru fqar wisq biex ngħinu lill-fqar.” Papa Ġwanni Pawlu l-ewwel, dak il-papa li mexxa l-Knisja ta’ Ġesu’ għal xahar wieħed biss, kien iħobb jgħid li ġurnata mingħajr talb hija ġurnata moħlija. Iżjed…L-arċisqof Amerikan John Fulton (bdew il-kawża tal-beatifikazzjoni tiegħu) fil-programm tal-ġurnata kien jagħmel minn kollox biex idaħħal siegħa adorazzjoni quddiem Ġesu’ Ewkaristija. Vertament irid ikollok il-livell ta’ qdusija ta’ dawn il-personaġġi biex titlob bħalma kienu jitolbu huma, pero’ bħala nisrani jew bħala nisranija jrid ikollna almenu mument jew mumenti fil-ġurnata li fihom niddjalogaw m’Alla. Fis-skiet ta’ qalbna Hu jkellimna u aħna nisimgħuh. Aħna nkellmuh u Hu jismagħna.
Xi ħadd ġieli jgħidlek: “Tlabt u qlajt ħafna grazzi”. Oħrajn jgħidulek: “Kemm ilni nitlob! Għadni ma qlajtx dak li nixtieq! Alla nhux jismagħni! Qtajt qalbi mit-talb!” Dawn il-karbiet huma komuni ħafna. Ejjew inżommu f’moħħna li Alla jħobbna u nkomplu nafdaw fih. Ma ninsewx li l-kalendarju t’Alla mhux l-istess kalendarju tiegħi, allura għall-ġid spiritwali tiegħi forsi għandi bżonn nistenna bis-sabar u nkompli nitlob. Forsi qed itawwal miegħi biex jippurifikani u jqaddisni. Jista’ jkun ukoll li dak li qed nitlob mhux se jkun ta’ġid għalija. Alla jismagħni, imma ma jagħtinix dak li qed nitolbu. X’aktarx, bla ma ninduna, jirregalali ħwejjeġ isbaħ u ikbar. Fl-aħħarnett hemm żewġ tipi ta’ mirakli. Hemm mirakli meta Alla jagħmel dak li nixtieq jien. (hawnhekk inkun qlajt grazzja) u hemm mirakli meta jien nipprova nagħmel dak li Alla jixtieq minni (hawnhekk inkun qlajt grazzja wkoll)