Kitba ta’ Joe Galea
L-istorja għandha l-element u l-ironiji misterjużi tagħha, u xi kultant il-ġustizzja tingħata tard. Ir-ritorn lejn Franza taċ-ċurkett ta’ Santa Jeanne d’Arc, relikwja rari tagħha, kważi sitt sekli wara s-sentenza inġusta tagħha f’Rouen, hu tfakkira elokwenti għal dan. Iċ-ċurkett, meħud bħala priża tal-gwerra wara l-kundanna ta’ Jeanne d’Arc fil-Gwerra tal-Mitt Sena, baqa’ fl-Ingilterra tul is-sekli. Ir-ritorn taċ-ċurkett fi Franza fl-2016 hu ġrajja interessanti u jġib quddiemna l-ħajja tal-qaddisa qalbiena, li sabet alleat mhux mistenni fir-Reġina Eliżabetta II.
Puy du Fou, park ta’ storja u kultura
Fir-reġjun ta’ Vandée, max-xatt fil-punent ta’ Franza, hemm park imsejjaħ Puy du Fou, fejn l-istorja u l-wirt kulturali huma rakkuntati fuq palkijiet kbar. Kien l-Erbgħa ta’ filgħaxija, fi Frar tal-2016, meta Nicolas de Villiers, il-president tal-istituzzjoni, rċieva telefonata minn ħabib tiegħu, studjuż tal-istorja, li qallu: “Iċ-ċurkett ta’ Jeanne d’Arc se jkun għall-bejgħ f’Londra nhar il-Ġimgħa.” Nicolas de Villiers lanqas biss kien jaf li Jeanne kellha ċurkett! Kien baqa’ biss 48 siegħa għall-irkant, u Villiers beda jiġbor il-fondi meħtieġa, iċempel lil ħbieb u benefatturi. Ħafna wegħdu li se jagħtu ammonti żgħar, ta’ 5 jew 10 ewro, filwaqt li oħrajn offrew somom sbieħ hekk li l-wegħdiet laħqu 400,000 ewro.
Waqt l-irkant, Nicholas de Villiers idderieġa lill-avukat tiegħu f’Londra permezz tal-vidjo. Kienu għexieren ta’ offerti li rtiraw hekk kif is-somma bdiet tiela, u dawk ta’ Puy du Fou daħħlu l-offerta tagħhom, fl-aħħar mument. Kien baqa’ avversarju wieħed, li qabżuh b’kontra-offerti mgħaġġla. Kif niżel il-martell, ir-relikwja kienet ta’ Puy du Fou. Bit-taxxi li żdiedu, it-total kien sal-inqas ewro ta’ dak li kien ġie mwiegħed.
Iċ-ċurkett ta’ Santa Jeanne d’Arc
Madankollu, ir-rebħa fl-irkant ma ggarantietx ir-rilaxx tar-relikwja. Il-Kunsill Nazzjonali tal-Arti Ingliż iqis oġġetti bħal dawn bħala teżor nazzjonali, li ma setax iħalli t-territorju Ingliż. Jeanne d’Arc kienet kundannata mill-awtorità Ingliża u għalhekk kulma kellha kien meqjus bħala trofew tal-gwerra. Għal ħafna fl-Ingilterra, li r-relikwa titħalla tirritorna lejn Franza kienet xi ħaġa li lanqas biss taħsibha.
Nicholas de Villiers ħaffef lejn Londra bl-ajru ma’ fotografu u qal lill-avukat tiegħu li ried jara ċ-ċurkett. Ingħata l-permess biex jieħdu mid-dar tal-irkant għand il-fotografu ħalli jiġi fotografat flimkien ma’ Villiers. Kien mgħasses minn tliet gwardji nkarigati bil-ħarsien taċ-ċurkett u mwissija biex ma jħalluhx jitlaq bih. Hawn ġiet idea kuraġġjuża. Il-president u l-fotografu kienu f’karozza u l-gwardji f’karozza oħra u b’xi mod irnexxielhom jitilfuhom fit-toroq ta’ Londra. Marru lura lejn l-ajruport u minn hemm lejn Franza biċ-ċurkett.
Fil-jiem ta’ wara, il-pressjoni biex iċ-ċurkett jingħata lura żdiedet sew. Il-Kunsill Nazzjonali tal-Arti Ingliż indaga fejn hu ċ-ċurkett. Uffiċjali ta’ Scotland Yard marru f’Puy du Fou u talbu lil Villiers biex jagħtihulhom. Qalilhom li tilfu u li ma kienx jaf fejn hu. Kien mument imbarazzanti, fejn Villiers talab għalxejnl-appoġġ tal-gvern Franċiż.
Kif daħlet ir-Reġina Eliżabetta II
Villiers irrikorra għand l-avukat magħruf Éric Dupond Moretti, li kien qeda fil-Parlament Franċiż bħala ministru tal-ġustizzja mill-2020 sal-2024. Il-parir tiegħu kien sempliċi, li jdaħħal lir-Reġina Eliżabetta II. Fit-talba ħerqana tiegħu lir-reġina magħrufa għan-natura benevolenti tagħha, Villiers fakkar li l-bużnanna tagħha, ir-Reġina Vittorja, darba kienet qalet li r-relikwi ta’ Jeanne d’Arc jirritornaw lejn Franza. Ġimgħat wara, waslet ittra minn Buckingham Palace, li issa tinsab fi Puy du Fou li tgħid: “Ir-Reġina ma tistax tintervjeni fi kwistjonijiet politiċi”. Madankollu, bejn il-linji l-messaġġ kien ċar, li ma kinitx kontra. Anzi kienet għarrfet lill-awtoritajiet li, personalment, taraha naturali li ċ-ċurkett jerġa’ lura Franza. Għal dan, il-Kunsill tal-Arti Ingliż iddikjara li kollox huwa solvut, il-karti ġew iffirmati u ċ-ċurkett jista’ jinżamm fi Franza. F’ċertu sens, Jeanne d’Arc irċeviet ġustizzja sekli wara l-kundanna tagħha.
Għall-Kattoliċi, ir-relikwa taċ-ċurkett hija rabta li tinħass mat-Tfajla ta’ Orléans, li tat ħajjitha f’fedeltà lejn Alla u lejn pajjiżha. Għar-reġjun ta’ Vendée, fejn Puy du Fou għandha l-għeruq tagħha, is-simboliżmu tagħha jmur saħansitra aktar fil-fond. Dan ir-reġjun ħallas prezz terribbli matul ir-Rivoluzzjoni Franċiża, meta kważi 200,000 minn bdiewa sa nobbli ġew massakrati għal-lealtà tagħhom lejn il-Knisja u lejn ir-re. F’din l-art ta’ sagrifiċċju, ir-relikwja prezzjuża taċ-ċurkett tibqa’ simbolu ta’ fidi li tibqa’ ħajja quddiem l-oppressjoni u l-inġustizzja matul is-sekli.
Iċ-ċurkett ta’ Santa Jeanne d’Arc jinsab fis-sigurtà u esebit f’sala Rinaxximentali li hija parti mill-park ta’ Puy du Fou, li nieda kampanja biex tinbena kappella ddedikata lil Santa Jeanne d’Arc, fejn ir-relikwa se tkun miżmuma b’għożża b’mod permanenti. Hemm kaxxa tal-ġbir għal donazzjonijiet sabiex fil-Puy du Fou jinbena santwarju fejn il-pellegrini jistgħu jitolbu ħdejn dan is-simbolu ta’ xhieda ta’ fidi. Dalwaqt, jekk Alla jrid, se tinbena kappella xierqa għal din il-qaddisa..
Il-Knisja Kattolika tonora lil Santa Jeanne d’Arc bħala martri verġni u patruna nazzjonali. Il-kuraġġ, il-qawwa u l-purità tagħha huma ta’ ispirazzjoni f’din l-era sekulari.

