Katekeżi tal-Papa Ljun XIV dwar l-Irxoxt, għajn ħajja tat-tama umana

LJUN XIV
UDJENZA ĠENERALI
Pjazza San Pietru
L-Erbgħa 15 ta’ Ottubru 2025

Ċiklu ta’ Katekeżi – Ġublew 2025. Ġesù Kristu t-tama tagħna. IV. L-Għid ta’ Kristu u l-isfidi tad-dinja attwali.1. L-Irxoxt, għajn ħajja tat-tama umana

Għeżież ħuti,

Fil-katekeżi tas-Sena Ġubilari, sa issa, imxejna mal-ħajja ta’ Ġesù fil-Vanġeli, mit-twelid sal-mewt u l-qawmien. Hekk, il-pellegrinaġġ tagħna tat-tama sab il-bażi soda tiegħu, it-triq żgura tiegħu. Issa, fl-aħħar parti tal-mixja, ejjew inħallu l-misteru ta’ Kristu, li laħaq il-qofol tiegħu fil-Qawmien, ixerred id-dawl tas-salvazzjoni tiegħu fuq ir-realtà umana u storika tal-lum, bil-mistoqsijiet u l-isfidi tagħha.

Il-ħajja tagħna hi mmarkata minn għadd bla tarf ta’ ġrajjiet, mimlija sfumaturi u esperjenzi differenti. Xi drabi nħossuna ferħana, xi drabi oħra mnikkta, xi drabi wkoll sodisfatti, xi drabi stressjati, gratifikati jew demotivati. Ngħixu mħabbtin, nikkonċentraw biex nilħqu riżultati, naslu biex nilħqu miri wkoll għoljin, prestiġjużi. Bil-maqlub, nibqgħu fl-għama, prekarji, nistennew suċċessi u rikonoxximenti li jdumu ma jaslu jew ma jaslu qatt. F’kelma waħda, qed ngħixu sitwazzjoni paradossali: irridu nkunu ferħanin, imma diffiċli ħafna jirnexxilna nkunu hekk b’mod kontinwu u bla dellijiet. Qed ikollna nħabbtu wiċċna mal-limitazzjonijiet tagħna u, fl-istess waqt, mal-ispinta insopprimibbli li nippruvaw negħlbuhom. Fil-fond ta’ qalbna nħossu li dejjem tonqosna xi ħaġa.

Fil-verità, ma ġejniex maħluqin għan-nuqqas, imma għall-milja, biex nifirħu bil-ħajja u bil-ħajja bil-kotra, skont l-espressjoni ta’ Ġesù fil-Vanġelu ta’ Ġwanni (ara 10:10).

Din ix-xewqa profonda tal-qalb tagħna tista’ ssib it-tweġiba aħħarija tagħha mhux fir-rwoli li jkollna, mhux fil-poter, mhux f’kemm ikollna ġid, imma fiċ-ċertezza li hemm xi ħadd li jsir garanti ta’ dan l-impuls kostituttiv tal-umanità tagħna; fl-għarfien li din l-istennija mhix se tiġi deluża jew imxejna. Din iċ-ċertezza għandha x’taqsam mat-tama. Din ma tfissirx li naħsbu b’mod ottimistiku: spiss l-ottimiżmu jiddeludina, għax jara x-xewqat tagħna jmutu fuqhom infushom, waqt li t-tama twiegħed u żżomm il-wegħda.

Ħuti, Kristu Rxoxt hu l-garanzija soda li nidħlu fil-port! Huwa l-għajn li taqta’ l-klubija tal-għatx tagħna, l-għatx bla tarf għall-milja li l-Ispirtu s-Santu jsawwab fil-qalb tagħna. Fil-fatt, il-Qawmien ta’ Kristu mhuwiex sempliċiment ħaġa li seħħet fl-istorja tal-bniedem, imma l-ġrajja li bidlitha mill-qiegħ.

Ejjew naħsbu f’għajn ta’ ilma. Liema huma l-karatteristiċi tagħha? Taqta’ l-għatx u tiffriska l-ħlejjaq, issaqqi l-art, il-pjanti, tagħmel għammiel u ħaj dak li mingħajrha kieku kien jibqa’ niexef. Tagħti serħan lill-vjaġġatur għajjien billi toffrilu l-ferħ ta’ oasi friska. Għajn tidher bħala don b’xejn għan-natura, għall-ħlejjaq, għall-bnedmin. Bla ilma ma nistgħux ngħixu.

L-Irxoxt huwa l-għajn ħajja li ma tinxifx u ma tinbidilx. Tibqa’ dejjem safja u lesta għal kull min jagħtih l-għatx. U aktar ma niggustaw il-misteru ta’ Alla, aktar niġu miġbudin minnu, mingħajr ma naqtgħu l-għatx għalkollox. Santu Wistin, fl-għaxar Ktieb tal-Istqarrijiet, jaqbad proprju fuq din ix-xewqa bla tarf tal-qalb tagħna u jesprimiha fiċ-ċelebri Innu lill-ġmiel: “Xerridt il-fwieħa tiegħek, u jien ġbidt nifs ’il ġewwa, kollni mxennaq għalik; doqtok, u issa jiena mġewwaħ u għatxan għalik; missejtni, u jien tħeġġiġt għas-sliem tiegħek” (X, 27, 38).

Ġesù, bil-Qawmien tiegħu, żgurana għajn permanenti ta’ ħajja: huwa l-Ħaj (ara Apok 1:18), il-maħbub tal-ħajja, ir-rebbieħ fuq kull mewt. Għalhekk hu jista’ joffrilna s-serħan fil-mixja tagħna fuq din l-art u jiżguralna l-mistrieħ perfett fl-eternità. Ġesù li miet u rxoxta biss jista’ jwieġeb għall-mistoqsijiet l-aktar profondi tal-qalb tagħna: hemm tassew punt fejn aħna ħa naslu? Ħajjitna għandha sens? U t-tbatija ta’ tant innoċenti, kif tista’ tiġi mifdija?

Kristu Rxoxt ma jwaddabx tweġiba “mill-għoli”, imma jsir sieħeb tagħna f’dan il-vjaġġ spiss mimli taħbit, tbatija, misterjuż. Hu biss jista’ jimla l-flixkun battal tagħna, meta l-għatx isir insopportabbli.

U huwa wkoll il-post fejn tasal il-mixja tagħna. Mingħajr l-imħabba tiegħu, il-vjaġġ tal-ħajja jsir tlajjar bla destinazzjoni, żball traġiku mingħajr destinazzjoni. Aħna ħlejjaq dgħajfa. L-iżball hu parti mill-umanità tagħna, hu l-ġerħa tad-dnub li jwassalna għall-waqgħa, għaċ-ċaħda, għad-disperazzjoni. Li nirxoxtaw anki jfisser nerġgħu nqumu fuq riġlejna. L-Irxoxt jiggarantixxi li nidħlu fil-port, iwassalna d-dar, fejn aħna mistennija, maħbuba, salvati. Li l-vjaġġ nagħmluh bih magħna jfisser li nħossuna mwieżna minkejja kollox, l-għatx tagħna maqtugħ u mserrħa qalb il-provi u t-taħbit li, bħal ġebel tqil, jhedded li jimblokka jew jiżvija l-istorja tagħna.

Għeżież, mill-Qawmien ta’ Kristu tgelgel it-tama li ddewwaqna minn qabel, minkejja t-taħbit tal-ħajja, sliem profond u hieni: dik il-paċi li hu biss jista’ jagħtina fl-aħħar, u bla tmiem.

Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading