Katekeżi tal-Papa Ljun XIV dwar il-Qawmien ta’ Kristu, tweġiba għan-niket tal-essri uman

LJUN XIV
UDJENZA ĠENERALI
Pjazza San Pietru
L-Erbgħa 22 ta’ Ottubru 2025

Ċiklu ta’ Katekeżi – Ġublew 2025. Ġesù Kristu t-tama tagħna. IV. Il-Qawmien ta’ Kristu u l-isfidi tad-dinja tal-lum.2. Il-Qawmien ta’ Kristu, tweġiba għan-niket tal-essri uman

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba! U merħba lil kulħadd!

Il-qawmien ta’ Ġesù Kristu huwa ġrajja li ma nieqfu qatt nikkontemplaw u nimmeditaw, u iktar ma ninżlu fil-fond tagħha, iżjed nibqgħu mistagħġba, iżjed inħossuna miġbuda, bħal minn dawl li ħadd ma jiflaħ għalih u fl-istess waqt affaxxinanti. Kienet splużjoni ta’ ħajja u ta’ ferħ li bidlet is-sens tar-realtà kollha, minn negattiv għal pożittiv; u safrattant ma seħħitx b’mod impressjonanti, u wisq inqas vjolenti, imma umli u moħbi.

Illum se nirriflettu fuq kif il-qawmien ta’ Kristu jista’ jfejjaq waħda mill-mardiet ta’ żmienna: in-niket. Invażiv u mifrux, in-niket isieħeb il-ġranet ta’ tant persuni. Dan hu sentiment ta’ prekarjetà, xi drabi ta’ disperazzjoni profonda li tinvadi l-ispazju interjuri u li donnha qed tipprevali fuq kull ħeġġa għall-ħajja.

In-niket jisraq kull sens u ħeġġa lill-ħajja, li ssir bħal vjaġġ mingħajr direzzjoni u tifsira. Din il-bixra ta’ ħajja hekk attwali tfakkarna fir-rakkont ċelebri tal-Vanġelu ta’ Luqa (24:13-29) fuq iż-żewġ dixxipli ta’ Għemmaws. Delużi u qalbhom maqtugħa, huma jħallu Ġerusalemm, jixħtu wara daharhom it-tamiet li poġġew f’Ġesù, li ġie mislub u midfun. Fil-battuti tal-bidu, dan l-episodju jurina paradigma tan-niket uman: it-temma tal-mira li fuqha wieħed ikun investa tant enerġiji, il-qerda ta’ dak li kien jidher l-essenzjal fil-ħajja. It-tama għebet, id-deżolazzjoni ħadet pussess tal-qalb. Kollox ġara fi żmien qasir, bejn il-Ġimgħa u s-Sibt, f’suċċessjoni drammatika ta’ ġrajjiet.

Il-paradoss hu tassew emblematiku: dan il-vjaġġ kiebi ta’ telfa u ta’ ritorn għall-ordinarju jseħħ dakinhar stess tar-rebħa tad-dawl, tal-Għid li seħħ b’mod sħiħ. Iż-żewġt irġiel jagħtu spallejhom lill-Golgota, lix-xenarju terribbli tas-salib li kien għadu impress f’għajnejhom u f’qalbhom. Kollox jidher mitluf. Hemm bżonn jerġgħu għall-ħajja ta’ qabel, bil-profil baxx, bit-tama li ma jagħrafhom ħadd.

F’ċertu punt, jingħaqad maż-żewġ dixxipli vjaġġatur, forsi wieħed mill-ħafna pellegrini li kienu Ġerusalemm għall-Għid. Huwa Kristu Rxoxt, imma huma ma jagħrfuhx. Id-diqa ċċajpar il-ħarsa tagħhom, tikkanċella l-wegħda li l-Imgħallem kien għamel kemm-il darba: li kellu jmut u li fit-tielet jum kellu jqum. Dak il-barrani jersaq qrib u jidher interessat fil-ħwejjeġ li qed jgħidu. It-test jgħid li dawk it-tnejn “waqfu, b’ħarsa ta’ niket fuq wiċċhom” (Lq 24:17). L-aġġettiv Grieg li jintuża hawn ifisser niket sħiħ: fuq wiċċhom tidher il-paraliżi tar-ruħ.

Ġesù jismagħhom, iħallihom jiżvogaw id-delużjoni tagħhom. Imbagħad, bi frankezza kbira, iċanfarhom li huma “boloh u tqal biex temmnu kulma qalu l-profeti!” (v. 25), u permezz tal-Iskrittura jurihom li Kristu kellu jbati, imut u jqum. Fil-qlub taż-żewġ dixxipli terġa’ titkebbes is-sħana tat-tama, u allura, meta jidlam u jaslu fid-destinazzjoni tagħhom, jistiednu lis-sieħeb misterjuż biex jibqa’ magħhom.

Ġesù jaċċetta u joqgħod magħhom fuq il-mejda. Imbagħad jaqbad il-ħobż, jaqsmu u joffrihulhom. F’dak il-mument iż-żewġ dixxipli jagħrfuh… imma hu minnufih jgħib minn quddiemhom (vv. 30-31). Il-ġest tal-ħobż maqsum jerġa’ jiftaħ l-għajnejn tal-qalb, idawwal mill-ġdid il-viżta mċajpra tad-disperazzjoni. U allura kollox jiċċara: il-mixja li qasmu flimkien, il-kelma ħelwa u qawwija, id-dawl tal-verità… Minnufih jerġa’ jitkebbes il-ferħ, l-enerġija terġa’ tvenven mill-ġdid fil-membri għajjiena ta’ ġisimhom, il-memorja terġa’ lura għall-gratitudni. U t-tnejn li huma jerġgħu lura mgħaġġla Ġerusalemm, biex jirrakkuntaw kollox lill-oħrajn.

“Il-Mulej qam tassew” (ara v. 34). F’dan l-avverbju, tassew, iseħħ l-ankrar ċert tal-istorja tagħna ta’ bnedmin. Mhux b’kumbinazzjoni li din hi t-tislima li l-Insara jagħtu lil xulxin fil-jum tal-Għid. Ġesù ma qamx bit-tpaċpiċ, imma bil-fatti, bil-ġisem tiegħu li jżomm fuqu s-sinjali tal-passjoni, siġill dejjiemi tal-imħabba tiegħu għalina. Ir-rebħa tal-ħajja mhijiex kelma fiergħa, imma fatt reali, konkret.

Ħa jkun għalina l-ferħ mhux mistenni tad-dixxipli ta’ Għemmaws twissija ħelwa meta l-mixja ssir iebsa. Huwa l-Irxoxt li jibdel radikalment il-perspettiva, u jsawwab fiha t-tama li timla l-vojt li jħalli n-niket. Fil-mogħdijiet tal-qalb, l-Irxoxt jimxi magħna u għalina. Jagħti xhieda tat-telfa tal-mewt, jafferma r-rebħa tal-ħajja, minkejja d-dlamijiet tal-Kalvarju. L-istorja għad fadlilha ħafna x’tittama fit-tajjeb.

Li nirrikonoxxu l-Qawmien ifisser nibdlu l-ħarsa tagħna fuq id-dinja: nerġgħu lura għad-dawl biex nagħrfu l-Verità li salvatna u ssalvana. Ħuti, ejjew nishru kuljum fl-għoġba tal-Għid ta’ Kristu Rxoxt. Hu biss jagħmel possibbli l-impossibbli!

Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading