Diskors tal-Papa Ljun XIV fis-60 sena tan-Nostra ætate

DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
F’GĦELUQ IS-SITTIN SENA TAD-DOKUMENT NOSTRA AETATE
“NIMXU FLIMKIEN BIT-TAMA”

Sala Pawlu VI
It-Tlieta, 28 ta’ Ottubru, 2025

Rispettabbli Kapijiet u Rappreżentanti tar-Reliġjonijiet tad-Dinja,
Distinti Membri tal-Korp Diplomatiku Akkreditat mas-Santa Sede,
Għeżież ħuti,
il-paċi magħkom!

B’ferħ kbir u gratitudni nsellmilkom minn qalbi u nesprimi r-ringrazzjament l-aktar sinċier tiegħi għall-preżenza tagħkom biex jitfakkar id-dokument innovattiv Nostra Aetate.  It-tema ta’ dil-laqgħa tal-lejla hi “Nimxu flimkien bit-tama”.  Sittin sena ilu kienet tħawlet żerriegħa ta’ tama għad-djalogu inter-reliġjuż.  Il-preżenza tagħkom illum hi xhieda li din iż-żerriegħa kibret u saret siġra maestuża li l-friegħi tagħha nfirxu sew, qed joffru kenn u għana ta’ frott li bihom qed nifhmu aktar lil xulxin, kibru l-ħbiberija, il-koperazzjoni u l-paċi.

Għal sittin sena, rġiel u nisa ħadmu biex jikkultivaw dan il-dokument, saqqew iż-żerriegħa, ħadu ħsieb l-art u ħarsuha.  Xi wħud sa taw ukoll ħajjithom – martri tad-djalogu li ħaduha kontra l-vjolenza u l-mibegħda.  Niftakru fihom illum bi gratitudni.  Bħala nsara, flimkien ma’ ħutna ta’ reliġjonijiet oħra, illum aħna dak li aħna grazzi għall-kuraġġ tagħhom, għall-għaraq tagħhom u għas-sagrifiċċju tagħhom.

A propożitu, nirringrazzjakom sinċerament għall-kollaborazzjoni tagħkom mad-Dikasteru għad-Djalogu Inter-reliġjuż, mal-Kummissjoni għar-relazzjonijiet Reliġjużi mal-Għebraiżmu fi ħdan id-Dikasteru għall-Promozzjoni tal-Għaqda fost l-Insara,  u mal-Knisja Kattolika fil-pajjiżi mnejn ġejjin.  Grazzi li aċċettajtu l-istedina tagħna u li onorajtu din l-okkażjoni bil-preżenza tagħkom.

Għeżież ħuti, il-ħbiberija tagħkom u l-istima lejn il-Knisja Kattolika deheru sfiq u b’mod speċjali fi żmien il-marda u l-mewt tal-Papa Franġisku, bil-messaġġi ta’ kondoljanzi li bgħattu, it-talb li offrejtu fil-pajjiżi tagħkom u l-preżenza ta’ dawk li rnexxilhom jieħdu sehem fil-funeral tiegħu.  Dik l-istess ħbiberija dehret ukoll fil-messaġġi ta’ awguri għall-ħatra tiegħi bħala Papa u l-preżenza ta’ xi wħud minnkom  għall-Quddiesa tal-Bidu tal-Pontifikat.  Dawn il-ġesti kollha huma xhieda tar-rabta profonda u dejjiema li hemm bejnietna; rabta li jien inħares b’għożża kbira.  Ladarba d-Dikjarazzjoni Nostra Aetate mantniet ir-rabtiet ta’ bejnietna, jien konvint li l-messaġġ tagħha għadu rilevanti ħafna llum ukoll.  Għalhekk ejjew nirriflettu ftit fuq xi tagħlimiet ewlenin tagħha.

L-ewwelnett, in-Nostra Aetate tfakkarna li l-umanità qed issir dejjem aktar għaqda waħda u hu dmir tal-Knisja tippromwovi din l-għaqda u l-imħabba bejn il-bnedmin u bejn in-nazzjonijiet (cfr n. 1).

It-tieni, turi wkoll dak li aħna naqblu bejnietna dwaru.  Aħna membri ta’ familja umana waħda – waħda fl-oriġini u waħda wkoll fl-għan aħħari tagħna.  Aktar minn hekk, kull persuna tfittex tweġibiet għall-enigmi l-kbar tal-kundizzjoni umana (cfr n. 1).

It-tielet ħaġa, ir-reliġjonijiet tad-dinja kollha jippruvaw jagħtu tweġiba għat-taqbid li ġġarrab il-qalb umana.  Kull reliġjon, bil-mod tagħha, toffri tagħlim, stili ta’ ħajja u riti sagri biex tghin u tiggwida lill-fidili tagħħa lejn il-paċi u lejn il-veru sens tal-ħajja (cfr n. 2)

Ir-raba’: il-Knisja Kattolika ma tirrifjuta xejn minn dak li hu veru u qaddis f’dawn ir-reliġjonijiet, li “jirriflettu raġġ ta’ dik il-verità li ddawwal lill-bnedmin kollha” (n. 2).  Tħares lejhom b’qima sinċiera u tistieden lil uliedha, permezz tad-djalogu u l-kollaborazzjoni, biex jagħrfu, jippreservaw u jippromwovu dak li hu spiritwalment u kulturalment tajjeb fil-popli kollha.

Fl-aħħar, ma rridux ninsew kif issawwar effettivament it-test ta’ Nostra Aetate.  Għall-ewwel, il-Papa Ġwanni XXIII kien inkariga lill-Kardinal Agostino Bea biex jippreżenta trattat li jfassal relazzjoni ġdida bejn i-Knisja Kattolika u l-Għebraiżmu.  Għalhekk, nistgħu ngħidu li r-raba’ kapitlu, iddedikat lill-Għerbaiżmu, hu l-qofol u n-nukelju ġenerattiv tad-Dikjarazzjoni kollha.

Għall-ewwel darba fl-istorja tal-Knisja, għandna test dottrinali mibni fuq bażi espliċitament teoloġika li jiddeskrivi l-għeruq Għebrajċi tal-Kristjaneżmu, imsejjes fuq il-Bibbja.  Fl-istess ħin, in-Nostra Aetate (n. 4) tieħu pożizzjoni qawwija kontra kull forma ta’ antisemitiżmu.  Għalhekk, fil-kapitlu ta’ wara, in-Nostra Aetate tgħallem li ma nistgħux ninvokaw verament lil Alla, Missier ta’ kulħadd, jekk nirrifjutaw relazzjoni fraterna ma’ kull raġel u mara maħluqin xbieha ta’ Alla.  Fil-fatt, il-Knisja tirrifjuta kull forma ta’ diskriminazzjoni jew fastidju għal-raġunijiet ta’ razza, kulur, kundizzjoni ta’ ħajja jew reliġjon (cfr n. 5).  Dan id-dokument storiku, għalhekk, fetħilna għajnejna dwar prinċipju sempliċi imma profond: id-djalogu mhux tatttika jew strument, imma stil ta’ħajja, mixja tal-qalb li tittrasforma lill-protagonisti kollha tagħha, lil min jisma’ u lil min jitkellem.  Minbarra dan, aħna mexjin f’dit-triq bla ma nabbandunaw it-twemmin tagħna hekk kif nibqgħu marbutin sfiq miegħu.

Għax id-djalogu awtentiku ma jiġix mill-kompromess, imma mill-konvinzjoni, jiġifieri mill-għeruq profondi tal-istess fidi tagħna li jtuna l-forza noħorġu l-id tal-ħbiberija lejn l-oħrajn bl-imħabba.  Sittin sena wara, il-messaġġ tan-Nostra Aetate għadu urġenti daqs qatt qabel.  Waqt il-Vjaġġ Appostoliku f’Singapore, waqt laqgħa inter-reliġjuża, il-Papa Franġisku ħeġġeġ liż-żgħażagħ b’dal-kliem: “Alla hu għal kulħadd, u għalhekk aħna lkoll ulied Alla” (Laqgħa inter-reliġjuża maż-żgħażagħ, 13 ta’ Settembru, 2024).  Għalina din hi sejħa biex inħarsu lil hinn minn dak li jifridna sabiex niskopru dak li jgħaqqadna lkoll.  Sfortunatament, illum ninsabu f’dinja li fiha dil-viżjoni hi mdallma.  Naraw ħitan jinbnew bejn in-nazzjonijiet, bejn ir-reliġjonijiet, saħansitra bejn il-ġirien.  Id-damdim tal-gwerra, il-ġrieħi tal-faqar u l-għajta tal-art ifakkruna kemm xorta waħda hi fraġli l-familja umana.  Bosta għejjew jisimgħu wegħdiet, ħafna tilfu l-ħila li jittamaw.

Bħala kapijiet reliġjużi, immexxijin mill-għaqal tat-tadizzjonijiet rispettivi tagħna, aħna għandna responsabbiltà qaddisa lkoll flimkien: ngħinu lill-poplu tagħna jeħles mill-ktajjen tal-preġudizzju, tal-għadab u l-mibegħda; ngħinuh jissupera l-egoiżmu u l-awtoreferenzjalità; ngħinuh jegħleb ir-regħba li teqred kemm l-ispirtu uman kif ukoll l-art.  Hekk inkunu nistgħu niggwidaw lill-popli tagħna biex isiru profeti ta’ żmienna, jiġifieri ilħna li jikkundannaw il-vjolenza u l-inġustizzja, jieħdu kura tal-firdiet u jħabbru l-paċi lill-ħutna kollha.  Matul din is-sena l-Knisja Kattolika qed tiċċelebra l-Ġublew tat-Tama.  Kemm it-tama kif ukoll il-pellegrinaġġ huma realtajiet komuni fit-tradizzjonijiet reliġjużi tagħna lkoll.  Din hi l-mixja li in-Nostra Aetate qed tistedinna nkomplu: nimxu flimkien bit-tama.  Meta naqbdu dit-triq, iseħħu l-meravilji: il-qlub jinfetħu, jinbnew pontijiet u jitfasslu mogħdijiet ġodda fejn kien jidher li hu impossibbli li jsiru.  Dan mhux impenn ta’ reliġjon waħda, ta’ nazzjon wieħed inkella ta’ xi ġenerazzjoni waħda.  Hu dmir qaddis tal-umanità kollha żżomm ħajja t-tama, żżomm ħaj id-djalogu u żżomm ħajja l-imħabba fil-qalb tad-dinja.

Għeżież ħuti, f’dan il-waqt kruċjali tal-istorja, ingħatatilna missjoni kbira: nerġgħu nqajjmu fil-bnedmin tad-dinja kollha s-sens tal-umanità u tas-sagru.  Din, ħbieb tiegħi, hi eżattament ir-raġuni għaliex aħna miġburin hawn flimkien, għax bħala kapijiet reliġjużi għandna responsabbiltà kbira li nwasslu t-tama lill-umanità li spiss tinsab f’xifer id-disperazzjoni.  Niftakru li t-talb għandu s-setgħa li jibdlilna qlubna, kliemna, l-azzjonijiet tagħna u d-dinja tagħna.  Jibdilna minn ġewwa, jerġa’ jkebbes fina l-ispirtu, tat-tama u tal-imħabba.

A propożitu ta’ dan, infakkar dak li kien qal San Ġwanni Pawlu II f’Assisi fl-1986: “Jekk id-dinja trid tibqa’ għaddejja u l-bnedmin iridu jibqgħu jgħixu fiha, id-dinja ma tistax tgħaddi mingħajr it-talb” (Lir-Rappreżentanti tal-Knejjes u l-Komunitajiet Ekkleżjali u lir-Reliġjonijiet tad-Dinja, 27 ta’ Ottubru, 1986).

Nistieden lil kull wieħed u waħda minna biex għal ftit ħin nitolbu fis-skiet.  Jalla l-paċi tinżel fuqna u timla qlubna.

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading