Il-Papa Ljun XIV fil-Kolossew mal-Mexxejja Reliġjużi

LAQGĦA TA’ TALB GĦALL-PAĊI
DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
FIL-PREŻENZA TAL-MEXXEJJA RELIĠJUŻI
Il-Kolossew
L-Erbgħa 28 ta’ Ottubru 2025

Santità,
Beatitudinijiet,
Rappreżentanti Illustri tal-Knejjes Insara u tar-Reliġjonijiet il-kbar tad-dinja!

Tlabna għall-paċi skont id-diversi tradizzjonijiet reliġjużi tagħna u issa nġbarna flimkien biex inniedu messaġġ ta’ rikonċiljazzjoni. Il-kunflitti huma preżenti kull fejn hemm il-ħajja, imma mhijiex il-gwerra li tgħinna naffrontawhom, u lanqas insolvuhom. Il-paċi hija mixja permanenti ta’ rikonċiljazzjoni. Nirringrazzjakom li ġejtu hawn titolbu għall-paċi, biex nuru lid-dinja kemm hu essenzjali t-talb. Fil-fatt il-qalb tal-bniedem għandha tiddisponi ruħha għall-paċi u fil-meditazzjoni tinfetaħ, fit-talb toħroġ minnha nfisha. Nerġgħu nidħlu fina nfusna biex noħorġu minna nfusna. Dan hu li tiegħu nagħtu xhieda, waqt li noffru lill-bnedmin tal-lum it-teżori immensi ta’ spiritwalitajiet qodma.

Id-dinja hi għatxana għall-paċi: għandha bżonn ta’ epoka vera u solida ta’ rikonċiljazzjoni, li ttemm l-abbuż tal-poter, il-wiri ta’ idejn qawwija u l-indifferenza għal-liġi. Daqshekk gwerer, bl-għadd kiebi tagħhom ta’ mejtin, ta’ qerda, ta’ eżiljati! Aħna llum, flimkien, qed nuru mhux biss ir-rieda soda tagħna għall-paċi, imma anki l-għarfien li t-talb hu forza kbira ta’ rikonċiljazzjoni. Min ma jitlobx, ikun jabbuża mir-reliġjon, imqar biex joqtol. It-talb hu moviment tal-ispirtu, ftuħ tal-qalb. Mhux kliem b’leħen għoli, mhux esebizzjoni ta’ mġiba, mhux slogans reliġjużi użati kontra l-ħlejjaq ta’ Alla. Aħna nemmnu li t-talb jibdel l-istorja tal-popli. Ħa jkunu l-postijiet ta’ talb tined ta’ laqgħa, santwarji ta’ rikonċiljazzjoni, oasijiet ta’ paċi.

San Ġwanni Pawlu II, fis-27 ta’ Ottubru 1986, stieden lill-mexxejja reliġjużi tad-dinja f’Assisi biex jitolbu għall-paċi: qatt iżjed wieħed  kontra l-ieħor, imma wieħed biswit l-ieħor. Dan kien mument storiku, żvolta fir-relazzjonijiet bejn ir-reliġjonijiet. Fl-“ispirtu ta’ Assisi”, sena wara sena, komplew dawn il-laqgħat ta’ talb u djalogu, li ħolqu klima ta’ ħbiberija bejn il-mexxejja reliġjużi u laqgħu tant talbiet għall-paċi. Id-dinja llum donnha mxiet fid-direzzjoni opposta, imma aħna nerġgħu nibdew minn Assisi, minn dak l-għarfien tad-dmir komuni tagħna, minn din ir-responsabbiltà għall-paċi. Nirringrazzjaw lill-Komunità ta’ Sant’Eġidju u lill-organizzazzjonijiet kollha, Kattoliċi u mhux biss, li, spiss kontra l-kurrent, qed iżommu ħaj dan l-ispirtu.

It-talb fl-“ispirtu ta’ Assisi”, għall-Knisja Kattolika, hu msejjes fuq il-bażi soda espressa fid-Dikjarazzjoni Nostra ætate tal-Konċilju Vatikan II, jiġifieri fuq it-tiġdid tar-relazzjoni bejn il-Knisja Kattolika u r-reliġjonijiet. U tad-Dikjarazzjoni Nostra ætate proprju llum qed niċċelebraw is-sittin anniversarju mill-promulgazzjoni: kien it-28 ta’ Ottubru 1965.

Flimkien intennu l-impenn b’risq id-djalogu u l-fraternità, mixtieq mill-Padri Konċiljari, li ta tant frott. Bil-kliem ta’ dakinhar: “Ma nistgħux insejħu lil Alla bħala Missier il-bnedmin kollha jekk nirrifjutaw li nġibu ruħna bħala aħwa ma’ xi wħud mill-bnedmin li huma maħluqa xbieha ta’ Alla” (Nostra ætate, 5), jgħallimna l-Konċilju Vatikan II. Dawk kollha li jemmnu huma aħwa. U r-reliġjonijiet, bħala “aħwa bniet”, għandhom jiffavorixxu li l-popli jittrattaw lil xulxin bħala aħwa, mhux bħala għedewwa. Għax “il-popli kollha, infatti, jagħmlu komunità waħda u għandhom oriġni waħda” (ibid., 1).

Is-sena l-oħra ltqajtu f’Pariġi u l-Papa Franġisku kien bagħat jiktbilkom għal dik l-okkażjoni: “Jeħtieġ inbiegħdu mir-reliġjonijiet it-tentazzjoni li jsiru strument li jrewwaħ nazzjonaliżmi, etniċiżmi, populiżmi. Il-gwerer jiqlielu. Ħażin għal min ifittex kif ħa jkaxkar lil Alla biex jieħu sehem fil-gwerer!”.[1] Nagħmel tiegħi dawn il-kelmiet u ntenni bil-qawwa kollha: il-gwerra qatt ma hi qaddisa, il-paċi biss hi qaddisa, għax iridha Alla!

Bil-qawwa tat-talb, b’dirgħajn għarwiena merfugħa lejn is-sema u b’idejn miftuħa lejn l-oħrajn, jeħtieġ inħabirku biex jgħaddi malajr dan l-istaġun tal-istorja mmarkat mill-gwerra u mill-prepotenza tal-forza u biex tibda storja ġdida. Ma nistgħux naċċettaw li dan l-istaġun itawwal iżjed, li jsawwar hu l-mentalità tal-popli, li nidraw bil-gwerra bħallikieku kienet sieħba normali tal-istorja umana. Daqshekk! Hija l-karba tal-foqra u l-karba tal-art. Biżżejjed! Mulej, agħti widen għall-karba tagħna!

Il-Venerabbli Giorgio La Pira, xhud tal-paċi, huwa u jaħdem politikament fi żminijiet diffiċli, kiteb lil San Pawlu VI: għandna bżonn ta’ “storja differenti tad-dinja: ‘l-istorja tal-età negozjali’, l-istorja ta’ dinja ġdida bla gwerra”.[2] Huma kelmiet li llum iżjed minn qatt qabel jistgħu jkunu programm għall-umanità.

Il-kultura tar-rikonċiljazzjoni għad tegħleb lil din il-globalizzazzjoni tal-impotenza, li tidher qed tgħidilna li ma hix possibbli storja oħra. Iva, id-djalogu, in-negozjati, il-koperazzjoni jistgħu jaffrontaw u jsolvu t-tensjonijiet li jinfetħu fis-sitwazzjonijiet ta’ kunflitt. Għandhom jagħmluh dan! Jeżistu s-sede u l-persuni biex jagħmluh dan. “Li jġibu fi tmiemha l-gwerra hu d-dmir urġenti tar-responsabbli kollha politiċi quddiem Alla. Il-paċi hija l-prijorità ta’ kull politika. Alla se jitlob kont minn min ma fittixx il-paċi jew rewwaħ it-tensjonijiet u l-kunflitti, tal-jiem, ix-xhur, is-snin kollha ta’ gwerra”.[3]

Dan hu l-appell li aħna l-mexxejja reliġjużi qed nagħmlu minn qalbna lil dawk li jmexxu l-gvernijiet. Qed inkunu eku tax-xewqa tal-popli għall-paċi. Qed nagħtu leħen lil min mhux mismugħ u ma għandux leħen. Jeħtieġ nissograw il-paċi!

U jekk id-dinja tibqa’ truxa għal dan l-appell, ibqgħu ċerti li Alla jagħti widen għat-talb tagħna u għall-karba ta’ tant li qed ibatu. Għax Alla jrid dinja bla gwerra. Hu għad jeħlisna minn dan il-ħażen!

Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard


[1] Franġisku, Messaġġ lill-parteċipanti tal-laqgħa ta’ talb għall-paċi f’Pariġi, 17 ta’ Settembru 2024.

[2] G. La Pira, Abbattere muri, costruire ponti, Cinisello Balsamo 2015, 802.

[3] Franġisku, Diskors għal-Laqgħa ta’ Talb għall-Paċi “Ħadd ma jsalva waħdu – Paċi u Fraternità”, Ruma, Campidoglio, 20 ta’ Ottubru 2020.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading