Kitba ta’ Joe Galea
Illum, 1 ta’ Novembru, hi festa ta’ solennità, il-QADDISIN KOLLHA. Sinjal sabiħ li żdiedu n-nies għall-Quddesa tal-ġurnata.
Qrajna mill-ktieb tal-Apokalissi, li forsi ġagħlna nistaqsu: “Kliem tqil,… u jien x’nidħol f’dan kollu,… illum? X’inhuma l-“ktieb issiġillat”, l-“erba’ Ħajjin” u l-“erbgħa u għoxrin xiħ”? Xi jfisser dan u aktar fis-simboli tal-Apokalissi?
Veru li hu lingwaġġ tqil, imma nistgħu nieħdu l-ġid minnu. L-erba’ “Ħajjin” u l-“erbgħa u għoxrin xiħ” jużaw is-sensi kollha tagħhom bex iqimu l-“Ħaruf”. Il-kant tagħhom, li jinstema’ mad-daqq tal-kitarra, it-tazzi tagħhom tad-deheb ileqqu u l-inċens ifuh huma offerta lill-“Ħaruf” rebbieh.
Kull wieħed minna, skont it-talenti tiegħu, waħdu jew f’sinfonija ma’ oħrajn, jista’ juża s-sensi tiegħu biex ifaħħar lill-Mulej, bil-kant, bil-kitba, bil-pittura, bl-iskultura jew bl-arkitettura. Il-persuna kollha tagħna hi tista’ tfaħħar lil Alla.