Solennità tal-Qaddisin kollha. Ħsieb ta’ D. Edward Vella

Solennità fl-1 ta’ Novembru

Fin-natura tagħna aħna għandna regola li tgħidilna nagħmlu dak li hu tajjeb u naħarbu l-ħażin: iżda mhux kulħadd jaqbel fuq dak li huwa tajjeb u allura wieħed għandu jagħmlu, u dak li huwa ħażin u allura wieħed għandu jaħarbu. Ta’ bnedmin li aħna ħafna drabi jidħol l-egoiżmu tagħna li jċajpar fil-moħħ tagħna l-idea ta’ dak li huwa tajjeb u jdgħajjef ir-rieda tagħna biex nagħmel it-tajjeb u naħrabu il-ħażin. Fil-Fidi tagħna aħna nemmnu li l-Vanġelu huwa dik il-verità ġejja minn Alla li tgħinna biex nagħrfu aħjar il-verità ta’ dak li huwa tajjeb u dak li huwa ħażin. Barra minn dan Alla tana l-grazzja tiegħu biex jgħinna fil-ħila dgħajjfa tagħna: din il-grazzja t’Alla taslilna l-ewwel u qabel kollox permezz tas-sagramenti, iżda mhux biss.

Illum qed nagħmlu is-Solennità tal-Qaddisin Kollha. Min huma l-Qaddisin? Ħafna drabi, aħna li mdorrijin naraw il-qaddisin fl-istatwi u l-pitturi, faċli jiġrilna naraw il-qaddisin bħala dawk li kienu perfetti u għalhekk ħafna l-bogħod minna. Iżda fil-fatt mhux hekk. Il-Qaddisin kienu bnedmin bħalna, bħalna fittxew il-verità, u sabuha fil-Vanġelu u f’Ġesù Kristu. Huma ħaddnu din il-verità b’ruħhom u ġisimhom u għexuha: iżda dan ma jfissirx li huma kienu perfetti. Uħud minnhom skoprew is-sbuħija tal-Fidi tagħna u ħaddnuha sa mit-tfulija, oħrajn damu u kkonvertew il-quddiem fil-ħajja. Meta l-Knisja tiddikjara lil xi ħadd qaddis ma tkunx tgħid li dawn kienu perfetti iżda tiddikjara li dawn għexu l-virtujiet evanġeliċi b’mod erojku.

‘Wara dan, ħarist, u ara, kien hemm kotra kbira li ħadd ma jista’ jgħoddha, minn kull ġens u tribù, minn kull poplu u lsien, weqfin quddiem it-tron u quddiem il-Ħaruf, lebsin ilbiesi twal bojod, u bil-friegħi tal-palm f’idejhom.’ Dan il-qari mill-ktieb tal-Apokalissi ta’ San Ġwann l-Appostlu, qed jurina li Alla jrid lil kulħadd isalva, u lil kull bniedem hu minn hu Alla joffrilu l-possibiltà tas-salvazzjoni. Naħseb xi wħud jistaqsu: iżda din is-salvazzjoni x’inhi? Is-salvazzjoni hija mhux biss l-aktar ħaġa importanti għalina iżda l-unika ħaġa importanti jekk inżommu f’moħħna li kull ħaġa oħra u kull esperjenza tal-ħajja jgħaddu bil-konsegwenzi kollha tagħhom, iżda s-salvazzjoni jew li wieħed jgħix il-Magħmudija billi jibni relazzjoni ta’ iben/bint ma’ Alla permezz ta’ Ġesù din hija l-unika ħaġa li tibqa għal dejjem. Infatti għalhekk dawk tal-kotra kbira li ħadd ma jista’ jgħoddha kienu ‘lebsin ilbiesi twal bojod’: din ma hijiex ħlief il-libsa tal-Magħmudija li tfisser il-grazzja li jagħtina Alla permezz ta’ dan is-sagrament li nsiru ħaġa waħda ma’ Ġesù. Mela is-salvazzjoni tagħna tfisser li naċċettaw dan ir-rigal gratuwitu li qed joffrilna Alla, iżda wkoll li ngħixuh fil-ħajja tagħna ta’ kuljum, infatti dawn kienu ‘bil-friegħi tal-palm f’idejhom.’ Li tkun nisrani hija rigal ta’ Alla kif ukoll impenn serju minn naħa tagħna, infatti l-palm jirrappreżentaw il-martirju: ma jfissirx li l-qaddisin kollha mietu martri, iżda jfisser li lkoll kemm huma batew biex isiru dejjem aktar jixbħu lil Ġesù.

Is-silta mill-Vanġelu tal-lum nistgħu nsejħulha l-Vanġelu fil-qosor: Ġesù qed jurina kemm Alla u dawk li huma tiegħu ma jarawx l-affarijiet kif tarahom id-dinja. Infatti l-faqar tal-ispirtu jfisser li wieħed ma jintrabatx iżżejjed ma dak li hu ta’ din id-dinja iżda jużah għall-ġid tiegħu u tal-oħrajn u jorbat qalbu biss ma’ Alla u dak li hu ta’ Alla; l-imnikkta skont il-vanġelu huma dawk li jitnikktu għaliex jaraw lil ħuthom il-bnedmin jagħżlu lid-dinja u mhux lil Alla; dawk ta’ qalbhom ħelwa huma dawk li dejjem jaraw it-tajjeb fl-oħrajn u jfittxu dejjem r-raġuni għaliex għandhom iħobbu u jgħinu; dawk li huma bil-ġuħ u l-għatx tal-ġustizzja huma dawk li jħennu għal min hu svantaġġjat fis-soċjetà bħalma huma l-fqar; dawk li jħennu huma dawk li ma jiġġudikawx u ma jikkundannawx meta jaraw lil ħaddieħor jiżbalja konxji mid-dnubiet tagħhom ukoll; dawk li huma safja f’qalbhom huma dawk li qatt ma huma b’żewġ ti qlub fejn jidħol Alla, iżda l-Mulej u r-rieda tiegħu dejjem jiġu l-ewwel għalihom; dawk li jġibu l-paċi huma dawk li jemmnu u jafu li l-paċi tal-qalb tiġi biss minn Alla u għalhekk jaħdmu għall-paċi fis-soċjetà u fid-dinja; dawk li huma ppersegwitati minħabba l-ġustizzja huma dawk li ma jbatux bir-rispett uman u għalhekk ma jibżgħux ixandru l-Evanġelju u jgħixuh anke jekk dan iġibilhom persekuzzjoni. Nistaqsu lilna nfusna: jien il-beatitudnijiet qed nagħmel ħilti biex ngħixhom, jew ngħix kif jidhirli jien u kif jaqbilli jien? Kemm hija ġenwina x-xewqa tiegħi li ngħix l-Evanġelju?

Nitolbuk Mulej nissel f’qalbna xewqa sinċiera li nsiru dejjem aktar nixbħu lil Ibnek Ġesù konxji li l-ħajja tagħmel biss sens fiH u fir-rieda tiegħek. Għinna ħalli nemmnu u nixtiequ l-għaqda perfetta u dejjiema miegħek li tilħaq il-milja tagħha wara din il-ħajja qasira. Ammen.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading