MESSAĠĠ TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
LIS-VII KONFERENZA NAZZJONALI DWAR ID-DIPENDENZI
[Ċentru tal-Kungressi, Auditorium tat-Teknika (Ruma),
7-8 ta’ Novembru, 2025]
Minn qiegħ qalbi nsellem lil kull min qed jieħu sehem fis-VII Konferenza Nazzjonali dwar id-dipendenzi, imnedija mill-Presidenza tal-Kunsill tal-Ministri, li qed issir hawn f’Ruma.
Dawn l-aħħar żminijiet, mad-dipendenzi tad-droga u l-alkoħol, li għadhom jiddominaw, żdiedu forom oħra għax l-użu dejjem jiżdied tal-internet, tal-kompjuter u tal-ismartphone mhux qed iġib biss benefiċċji iżda wkoll użu eċċessiv u spiss isir dipendenza li ġġib konsegwenzi negattivi għas-saħħa, dipendenzi mill-logħob u l-imħatri, il-pornografija, l-użu bla waqfien tal-pjattaformi tad-dinja diġitali. U d-dipendenza ssir ossessjoni, tikkundizzjona l-aġir u l-eżistenza tal-ħajja ta’ kuljum.
Fil-biċċa l-kbira dawn il-fenomeni huma sintomu ta’ sitwazzjoni kritika mentali jew interjuri tal-individwu u tad-dekadenza soċjali tal-valuri u riferimenti pożittivi partikolarment fost l-adoloxxenti u ż-żgħażagħ. Iż-żgħożija hi żmien ta’ provi u mistoqsijiet, tfittxija tat-tifsir tal-eżistenza u għażliet dwar il-futur. Iż-żjieda fis-suq tal-konsum tad-drogi, l-idea ta’ qligħ faċli permezz tas-slot machines, l-asswefazzjoni għall-internet li fih wkoll kontenut li jagħmel il-ħsara, juru li qed ngħixu fi żmien nieqes mit-tama, fejn hemm nuqqas ta’ proposti umani u spiritwali vigorużi. B’riżultat ta’ dan, bosta żgħażagħ jidhrilhom li kull imġieba tgħodd l-istess għax ma jinrexxilhomx jagħżlu bejn it-tajjeb u l-ħażin u m’għandhomx sens ta’ limiti morali.
Għalhekk ta’ min japprezza u jinkoraġġixxi l-isforzi tal-ġenituri u tal-aġenzji edukattivi bħalma huma l-iskola, il-parroċċi, l-oratorji, li jaħdmu biex fil-ġenerazjonijiet żgħażagħ jispiraw valuri spiritwali u morali ħalli dawn iġibu ruħhom ta’ persuni responsabbli. L-adoloxxenti u ż-żgħażagħ għandhm bżonn jiffurmaw il-kuxjenza, jiżviluppaw il-ħajja interjuri u jkollhom relazzjonijiet pożittivi ma’ tamparhom u mal-adulti bi djalogu kostruttiv biex ikunu bennejja ħielsa u responsabbli tal-eżistenza tagħhom.
Il-biża’ mill-futur u mill-impenn fil-ħajja adulta li nosservaw fiż-żgħażagħ jirrendihom partikolarment fraġli. Spiss ma jkollhomx min iweżinhom fit-taqbida għal eżistenza onesta u sabiħa; għandhom it-tendenza li jingħalqu fihom infushom. L-istituzzjonijiet tal-Istat, l-assoċjazzjonijiet tal-volontarjat, il-Knisja u s-soċjetà kollha kemm hi, għandhom sejħa biex f’dan jaraw sejħa għall-għajnuna u sens profond tal-għatx għall-ħajja fost iż-żgħażagħ biex joffrulhom preżenza attenta u solidali li tistedinhom jagħmlu sforz intellettwali u morali li jgħinhom jiffurmaw ir-rieda tagħhom.
Ifisser li hemm bżonn impenn dejjem akbar u koordinat, f’ħidma ta’ prevenzjoni li tissarraf f’intervent tal-komunità kollha kemm hi. Importanti li fil-qafas ta’ politika ta’ prevenzjoni li tagħraf l-istress fiż-żgħażagħ, tissaħħaħ l-awtostima tal-ġenerazzjonijiet il-ġodda biex ittaffi s-sens ta’ insigurtà u instabbiltà emottiva li tiġi kemm mill-pressjoni soċjali kif ukoll mill-istess natura taż-żmien tal-adoloxxenza. L-opportunitajiet tax-xogħol, l-edukazzjoni, l-isports, ħajja sana, id-dimensjoni spiritwali tal-eżistenza: din hi t-triq tal-prevenzjoni mid-dipendenzi.
Nikoraġġixxi li kulmin qed jieħu sehem f’dan l-avveniment ta’ tifsir kbir biex jagħmel proposti prattiċi għall-promozzjoni ta’ kultura ta’ solidarjetà u sussidjarjetà: kultura li titqabad l-egoiżmi u l-loġika utilitaristika u ekonomika, li tkun miftuħa għall-ieħor bis-smigħ f’mixja ta’ laqgħa u relazzjoni mal-proxxmu, speċjalment meta dan hu l-akar vulnerabbli u fraġli.
Miġbub għall-Mati inn Joe Huber