Canticum Fratris Solis – Għanja tal-Ħlejjaq

Verżjoni poetika bil-Malti minn Patri Marjanu Vella ofm.

Twajjeb, Mulej, int l-ogħla, tista’ kollox.
Għalik il-barka, is-sebħ, tifħir u ġieħ;
jixirqu lilek biss, u l-ebda bniedem
ma jlissen b’ħila l-ġmiel t’ismek sabiħ.

Ħallihom ifaħħruk il-ħlejjaq kollha,
u l-aktar id-dawl sfiq ta’ oħtna x-xemx
li twelled il-jum ġdid, u bl-isfa dija
turi, Mulej, li ogħla minnek m’hemmx.

Mulejja, tkun imfaħħar f’ħuna l-qamar,
fil-kwiekeb sbieħ ġo sema kbir, leqqien;
u f’ħuna r-riħ, fis-sħab, f’taqlib, fi bnazzi
li bihom tgħajjex, b’seħer, il-ħolqien.

Mulejja, ħa tkun imfaħħar f’ħuna l-ilma,
irżin u safi wisq, meħtieġ qatigħ;
u f’ħuna n-nar li jagħti d-dawl fl-iljieli,
sbejjaħ, kollu ħajja, qawwi, sħiħ.

U f’oħtna l-art, Mulej, ħa tkun imfaħħar;
aħna nqisuha lkoll b’ommna ħanina
la hi minn ħdanha trodd, biex aħna ngħixu,
ħxejjex, ilwien ta’ ward u l-frotta bnina.

Mulej, ħa tkun imfaħħar f’dawk li jaħfru
u f’dawk li jġarrbu l-mard u kull tbatija
bla jgemgmu xejn, u dejjem għal imħabbtek;
tagħtihom int kuruna ta’ tgawdija.

Ħa tkun imfaħħar f’oħtna l-mewt tal-ġisem
li jaħrab minnha qatt ma jista’ l-bniedem.
Ħażin għal dak li jmut fid-dnub il-mejjet,
imbierek min imut fis-sliem u niedem.

Imbierek min il-mewt issibu jagħmel
ir-rieda mqaddsa tiegħek bl-akbar ħrara,
għax jiġi ġo saltnatek; il-mewt l-oħra
titwarrab minnu bla tagħmillu ħsara.

Ejjew infaħħru lill-Mulej u Sidna
u niżżuh ħajr, għal dejjem inberkuh;
bla xejn kburija f’qalbna, b’qima kbira
ninxteħtu lkoll f’riġlejh sabiex naqduh.

San Franġisk ta’ Assisi

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading