LJUN XIV
UDJENZA ĠENERALI
Pjazza San Pietru
L-Erbgħa 19 ta’ Novembru 2025
Ċiklu ta’ Katekeżi – Ġublew 2025. Ġesù Kristu t-tama tagħna. IV. Il-Qawmien ta’ Kristu u l-isfidi tad-dinja tal-lum. 5. Spiritwalità tal-Għid u ekoloġija integrali
Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba u merħba!
Qed nirriflettu, f’din is-Sena Ġubilari ddedikata lit-tama, fuq ir-relazzjoni bejn il-Qawmien ta’ Kristu u l-isfidi tad-dinja tal-lum, jew aħjar l-isfidi tagħna. Xi drabi lilna wkoll Ġesù, il-Ħaj, irid jistaqsina: “Għaliex qed tibki? Lil min qed tfittex?”. Fil-fatt, l-isfidi ma nistgħux naffrontawhom waħidna u d-dmugħ hu don li jagħti l-ħajja meta jsaffi lil għajnejna u jeħles il-ħarsa tagħna.
L-evanġelista Ġwanni jissuġġerixxi għall-attenzjoni tagħna dettall li ma nsibuhx fil-Vanġeli l-oħra: tibki maġenb il-qabar vojt, il-Maddalena ma għarfitx minnufih lil Kristu Rxoxt, imma ħasbitu l-ġennien. Fil-fatt, fl-istess rakkont tad-difna ta’ Ġesù, mal-għabex tal-Ġimgħa l-Kbira, it-test kien preċiż ħafna: “Fejn kienu sallbu lil Ġesù kien hemm ġnien, u f’dan il-ġnien kien hemm qabar ġdid li fih kienu għadhom ma difnu lil ħadd. Hemm qiegħdu lil Ġesù, għax kien Jum it-Tħejjija għal-Lhud, u għax il-qabar kien fil-qrib” (Ġw 19:41-42).
Hekk tagħlaq, fil-ħemda tas-Sibt u fil-ġmiel ta’ ġnien, it-taqbida drammatika bejn id-dlamijiet u d-dawl li żvolġiet fit-tradiment, l-arrest, l-abbandun, il-kundanna, l-umiljazzjoni u l-qtil tal-Iben, li “hu, li kien ħabb lil tiegħu li kienu fid-dinja, ħabbhom għall-aħħar” (Ġw 13:1). Il-kultivazzjoni u l-ħarsien tal-ġnien huwa d-dmir oriġinali (ara Ġen 2:15) li Ġesù wassal sa tmiemu. L-aħħar kelma tiegħu fuq is-salib – “Kollox mitmum” (Ġw 19:30) – tistieden lil kull wieħed u waħda minna biex nerġgħu nsibu l-istess ħidma, il-ħidma tiegħu. Għalhekk, “mejjel rasu u radd ruħu” (v. 30).
Għeżież ħuti, Marija Maddalena, allura, ma żbaljatx għalkollox meta ħasbet li kellha quddiemha l-ġennien! Fil-fatt, kellha terġa’ tisma’ isimha u tifhem il-ħidma tal-Bniedem il-ġdid, dak li f’test ieħor ta’ Ġwanni jgħid: “Ara, jiena se nġedded kollox” (Apok 21:5). Il-Papa Franġisku, l-Enċiklika Laudato si’, uriena l-ħtieġa kbira ta’ ħarsa kontemplattiva: jekk ma hux ħarries tal-ġnien, il-bniedem isir dak li jħarbtu. Għalhekk, it-tama Nisranija twieġeb għall-isfidi li għalihom illum l-umanità kollha hi esposta meta toqgħod fil-ġnien li fih l-Imsallab ġie midfun bħal żerriegħa, biex jerġa’ jqum u jġib ħafna frott.
Il-Ġenna mhix mitlufa, imma misjuba mill-ġdid. Hekk, il-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù huma l-bażi ta’ spiritwalità tal-ekoloġija integrali, li ’l barra minnha l-kliem tal-fidi jibqa’ mingħajr ħakma vera tar-realtà u l-kliem tax-xjenza jibqa’ barra mill-qalb. “Il-kultura ekoloġika ma nistgħux nirriduċuha għal serje ta’ tweġibiet urġenti u parzjali għall-problemi li qed jitfaċċaw quddiemna f’dak li hu taħsir ambjentali, it-tnaqqis fir-riservi naturali u t-tinġis. Għandna bżonn ta’ ħarsa differenti, ħsieb, politika, programm edukattiv, stil ta’ ħajja u spiritwalità li jsawru reżistenza” (Laudato si’, 111).
Għalhekk, nitkellmu fuq konverżjoni ekoloġika, li l-Insara ma jistgħux jifirdu minn dik il-bidla fir-rotta li jitlob minnhom id-dixxipulat wara Ġesù. Sinjal ta’ dan hu l-mod kif iddur Marija, f’dik l-għodwa tal-Għid: huwa biss minn konverżjoni għal oħra li nistgħu minn dan il-wied tad-dmugħ ngħaddu għal Ġerusalemm il-ġdida. Dan il-passaġġ, li jibda fil-qalb u hu spiritwali, jibdel l-istorja, jimpenjana pubblikament, jagħti l-ħajja lis-solidarjetà li sa minn issa tipproteġi persuni u ħlejjaq mill-ħtif tal-ilpup, f’isem u bil-qawwa tal-Ħaruf Ragħaj.
Hekk, ulied il-Knisja jistgħu llum jiltaqgħu ma’ miljuni ta’ żgħażagħ u rġiel u nisa oħra ta’ rieda tajba li semgħu l-karba tal-foqra u tal-art u ħallewhom imissulhom qalbhom. Huma ħafna wkoll il-persuni li jixtiequ, permezz ta’ relazzjoni iktar diretta mal-ħolqien, armonija li twassalhom lil hemm minn tant firdiet. Min-naħa l-oħra, mill-ġdid “is-smewwiet ixandru l-glorja ta’ Alla, għemil idejh tħabbar il-firxa tas-sema. Jum lil ieħor jagħti l-aħbar, lejl lil ieħor iwassal it-tagħrif. Ma hemmx aħbar u anqas kliem, ma hemmx leħen li ma jinstemax. Mal-art kollha jasal leħenhom, mad-dinja kollha jixtered kliemhom” (Salm 18:1-4).
Jagħtina l-Ispirtu l-ħila li nagħtu widen għal-leħen ta’ min ma għandux. Hekk naraw dak li l-għajnejn għadhom ma jistgħux jaraw: dak il-ġnien, jew Ġenna, li nistgħu nidħlu fiha biss jekk kull wieħed u waħda minna nilqgħu u nwasslu fi tmiemha l-ħidma tagħna.
Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard