Imberkin il-foqra għax huma xiehda tat-tama. Taħdita mill-Isqof Anton Teuma

Taħdita għall-Pubbliku
L-Erbgħa 19 ta’ Novembru 2025
Dar Ġenerali, MUSEUM, Blata l-Bajda

Grazzi tal-preżenza tagħkom u tas-servizz tagħkom lill-Knisja u lill-pajjiż. L okkażjoni li ġabritna flimkien illum hija sinjifikattiva: is-sittin anniversarju tar relazzjonijiet diplomatiċi bejn is-Santa Sede u l-Istat ta’ Malta. Anniversarju li mhux biss għandu valur storiku u istituzzjonali, imma huwa wkoll rofondament soċjali, ekkleżjali u spiritwali, għax ifakkarna kif il-fidi kienet u għadha parti importanti mill-istorja ta’ dan il-poplu, u kif il-Vanġelu jkompli jnebbaħ toroq ta’ djalogu, ta’ ġustizzja u ta’ solidarjetà.

F’dan il-kuntest, irridu nirriflettu flimkien fuq suġġett li jinsab fil-qalba tal-missjoni tal-Knisja u wkoll tal-Istat, suġġett li fl-istorja ta’ Malta, tant xhieda, ħutna Maltin u Għawdxin huma ta’ ispirazzjoni għalina: Il-foqra bħala sinjal tat-tama Nisranija. Jiġu f’moħħi persuni bħal Mons. Mikiel Azzopardi, Mons. Philip Calleja, Dun Anġ Seychell, Dun Manwel Curmi fost ħafna oħrajn.

Dan hu suġġett mhux biss teoloġiku jew soċjali, imma profondament evanġeliku u kapaċi jmiss il-ħajja ta’ kuljum tagħna u s-servizz pastorali u ċivili tagħna. Ħafna drabi, meta naħsbu fil-faqar, naħsbu fit-tbatija, fin-nuqqasijiet u fl-inġustizzji; ma tiġix f’moħħna it-tama. Iżda jekk nagħtu attenzjoni vera lill-Vanġelu, nindunaw li proprju hemm, fil-feriti tal-umanità, Alla jpoġġi sinjali ċerti tas-Saltna tiegħu.

1. Min huma l-foqra tal-lum
Għalina l-Insara, il-fqar mhumiex biss dawk li jonqoshom il-meħtieġ għall-ħajja, iżda dawk kollha li jgħixu xi forma ta’ fraġilità, ta’ esklużjoni jew ta’ vulnerabbiltà. Fl-Ewropa, u b’mod speċjali fil-gżejjer ta’ Malta u Għawdex, il-faqar qed jieħu forom ġodda u aktar kumplessi, ħafna drabi moħbija.

Hemm il-faqar ekonomiku, li jolqot familji li jissieltu mal-għoli tal-ħajja li kulma jmur dejjem jiżdied, għandna persuni bi dħul prekarju jew insuffiċjenti, anzjani waħedhom bil-pensjoni minima, u ġenituri single li jsibuha bi tqila biex ilaħħqu max-xogħol u fl-istess waqt il-kura tat-tfal. Imma ħdejn dawn il-forom aktar viżibbli hemm faqar inqas ovvju iżda mhux inqas profond: il-faqar fil-qasam tad-djar, b’ħafna nies jgħixu f’postijiet inadegwati jew f’sitwazzjonijiet ta’ sfruttament; u l-faqar fil-qasam tax-xogħol, biż-żgħażagħ u adulti f’impjiegi instabbli, imħallsa ħażin, b’mod inġust, jew bla futur ċar.

Hemm ukoll dawk il-foqra li għaddejjin minn tbatija umana u affettiva: l-anzjani waħedhom, il-morda kroniċi, il-persuni b’diżabbiltà, u l-persuni li jbatu minn dgħufija mentali: dawk li huma suġġetti għad-dipressjoni, l-ansjetà jew dawk li huma vittmi ta’ dipendenzi, bħalma huma l-mobile, il-logħob, ix-xiri, l-pornografija, ix-xorb, il-ħaxixa, u d-drogi in ġenerali, dipendenzi li jdgħajfu d-dinjità umana. F’Malta u f’Għawdex dawn ir-realtajiet huma preżenti ħafna: minkejja s-sens qawwi ta’ komunità, dejjem aktar nies qed jesperjenzaw solitudni, speċjalment l-anzjani, il-migranti u dawk li m’għandhomx xibka familjari soda.

Fl-aħħar nett, huma fqar ukoll it-tfal li jgħixu fi tlett idjar jew erba, jew li jispiċċaw arma f’idejn il-ġenituri tagħhom separati, il-koppji żgħar li jridu jibdew il-ħajja bil-piż ta’ djun kbar, il-familji mgħobbija b’ritmi ta’ ħajja disumanizzanti, il-persuni omosesswali u dawk li għandhom diffikultajiet ta’ identifikazzjon sesswali, u dawk kollha li qed ifittxu tifsira aktar profonda għall-eżistenza tagħhom.

Għall-Insara, dawn il-ħutna u ħuti mhumiex “problemi x’issolvi”, iżda wiċċ konkrett ta’ Kristu li jitlob merħba u dinjità.

F’ċertu sens, il-faqar illum m’għadux biss kategorija ta’ nies, iżda realtà mifruxa li tidher anke f’sitwazzjonijiet ekonomiċi stabbli u ta’ benesseri. Għall-fidi Nisranija, mela, il-fqir mhuwiex kategorija soċjoloġika, imma post teoloġiku: huwa l-wiċċ li permezz tiegħu Kristu jkompli jitkellem magħna, jinterpellana u jitlob l-imħabba.

2. Il-foqra, l-ewwel destinatarji tas-Saltna
Ġesù jibda l-ministeru pubbliku tiegħu bi tħabbira li mhix xi dikjarazzjoni politika jew soċjoloġika, imma profezija li tibqa’ dejjem attwali matul is-sekli: «L-Ispirtu tal-Mulej fuqi… bagħatni nxandar il-bxara t-tajba lill-fqajrin» (Lq 4,18).

Hawn tinsab miġbura l-qalba kollha tal-Kristjaneżmu. Il-Vanġelu, l-Aħbar it-Tajba, tista’ tkun aħbar tajba daqskemm tasal għand l-ieħor, għand l-oħrajn. Il-Vanġelu hu aħbar tajba, jekk jasal għand min hu fraġli, min hu muġugħ, min hu abbandunat. Inkella, il-Vanġelu jirriduċi ruħu għal ġrajja sabiħa magħluqa fiha nfisha.

Kien minħabba f’hekk li Ġesù ġie fuq kollox biex iħabbar is-Saltna, “biex jgħallem u jagħmel” jgħid il-ktieb tal-Atti tal-Appostli. U bir-raġun li l-ewwel fost il-bejatitudnijiet, li huma l-Magna Carta tan-Nisrani, Ġesù jistqarr: «Henjin il-fqar fl-ispirtu, għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet» (Mt 5,3).

Il- “fqir fl-ispirtu” huwa dak li jagħraf li jiddependi għal kollox minn Alla. F’dan is-sens, din il-bejatitudni mhijiex aċċettazzjoni passiva ta’ frustrazzjoni, imma verità li meta tiġi mgħixha fl-awtentiċità tagħha, issir grazzja. Il-fqir mhuwiex hieni għax fqir! Il-fqir huwa ħieni għax kulma hu u kulma għandu huwa rigal ta’ min ħalqu, rigal ta’ Alla! Għalhekk huwa ħieni meta jaf li l-ġid li għandu rċevih kollu. U min minna jilqa’ l-faqar tiegħu jgħix kontinwament fil-konsapevolezza tal-imħabba gratuwita ta’ Alla, li jieħu ħsieb l-għasafar tal-bejt u l-ġilji tal-widien, li jgħodd kull xagħra li għandna f’rasna.

3. Il-Kristu fqir: mudell għall-ħajja tagħna fil-Knisja
San Pawl, jikteb lill-Korintin u jesprimi fi frażi waħda l-qalba tal-Inkarnazzjoni: «Għax tafu l-grazzja ta’ Sidna Ġesù Kristu: li għalkemm kien għani, sar fqir għalikom, biex permezz tal-faqar tiegħu tistagħnu intom» (2 Kor 8,9).

Ġesù ma għażilx il-faqar bħala sempliċi stil morali, imma bħala triq biex jurina l-wiċċ tal-Missier u biex bl-imħabba u bl-għotja tiegħu jinbidlu l-qlub tal-bnedmin. Ġesù jurina li l-Missier innifsu huwa fqir. Dak li ħalaq mhux tiegħu, ma żammux għalih, imma tah kollu lilna! Ma jitlobniex kont tar-rigali li jagħtina.

San Pawl jiddeskrivi dan kollu fl-ittra lir-Rumani meta jgħid: “Xi ngħid, mela, quddiem dan kollu? Jekk Alla hu magħna min jista’ jkun kontra tagħna? Hu, li anqas lil Ibnu stess ma ħafirha, imma tah għalina lkoll, kif ma jagħtiniex ukoll kollox miegħu?” (Rum 8,31-32)

U din l-għażla ta’ Ġesù, li turi l-wiċċ tal-Missier, din l-għażla ta’ Alla nnifsu,
tinterroga b’mod qawwi lill-Knisja.

Mela il-faqar mhuwiex biss valur li nippritkawh. Il-faqar ma jikkonsistix f’mumenti partikolari ta’ ħajjitna. Il-faqar huwa l-istil tad-dixxiplu, l-istil tal-Iben tal-Missier, l-istil tal-aħwa li jgħixu fil-Knisja. Huwa mod kif ngħixu, stil, kriterju ta’ dixxerniment. Knisja fqira u għall-fqajrin mhijiex slogan jew formula; hija Knisja fidila lejn Sidha. Fuq dan saħaq ħafna Papa Franġisku u jkompli jikkonferma dan Papa Ljun XIV fl-eżortazzjoni apostolika “Dilexi Te”: “Għall-Insara, il-karità lill-foqra mhix azzjoni, li tista tagħmilha jew ma tagħmilhiex! Il-karità lill-foqra hija l-kriterju tal-qima vera lejn Alla”

4. Il-foqra okkażżjoni ta’ konverżjoni fil-ħajja ta’ kuljum
Il-Vanġelu ma jħalliniex fit-teorija. Il-Vanġelu jitlobna li nkunu konkreti. Liż
żagħżugħ għani li jfittex lil Ġesù biex ikollu l-ħajja ta’ dejjem, Ġesù ma jiddejjaqx jgħidlu: “Jekk trid tkun perfett, mur, bigħ il-ġid li għandek, agħtih lill-foqra, u jkollok teżor fis-sema; imbagħad ejja u imxi warajja” (Mt.19,21).
Ġesù ma jitlobx biss ġest ta’ ġenerożità; imma jistenna bidla tal-qalb: jitlob liż-żgħażgħ jgħaddi minn atteġġjament ta’ akkumulazzjoni għal atteġġjament ta’ qsim u ġenerożità, mill-importanza lill-proprjetà għall-importanza lir-relazzjoni mal-oħrajn.

U din il-kelma tgħodd għalina wkoll, fil-ħajja ta’ kuljum:
– fl-istili tal-ħajja tagħna, li spiss huma imħallta b’ħafna ħwejjeġ superfluwi. Biżżejjed inħarsu lejn il-gwardarobbi fejn niġbru l-ħwejjeġ, jew l-armadji fejn naħżnu l-ikel. Spiss niltaqgħu maż-żejjed u mal-inutli.

– fil-parroċċi tagħna, fir-realtajiet ekkleżjali tagħna, li kultant jispiċċaw jiġu
amministrati aktar bħala organizzazzjonijiet u strutturi milli djar ta’ akkoljenza. Biżżejjed inħarsu lejn l-organizzazzjonijiet marbuta mal-festi tal-irħula tagħna. Madwar nies li għexu l-faqar nisrani u l-għotja tagħhom sħiħa lil Alla u lill-bnedmin jintefqu flejjes kbar bi skopijiet ta’ esibizzjoniżmu u kultant ta’ kompetizzjoni.

– fl-għaqdiet tagħna, imsejħa biex ma jkunux awtoreferenzjali, imma dejjem “joħorġu barra”, fuq l-istediniet ta’ Papa Ġwanni Pawlu II u Papa Franġisku.

Il-foqra ma jħalluniex bi kwietna. Jgħinuna nerġgħu niftakru f’dak li hu verament importanti. Meta nagħmluha mal-foqra nitgħallmu x’inhu l-essenzjal, nitgħallmu l-fiduċja, il-gratitudni u l-ispirtu ta’ tama.

5. Il-foqra huma preżenza sagramentali ta’ Kristu: Il-fqir li jsalvana
Waħda mill-aktar siltiet qawwija tal-Vanġelu li dejjem takkumpanjana, imma forsi ma naħsbux biżżejjed fuqha hija dik il-frażi li nsibu fil-kapitlu 25 tal-Vanġelu ta’ San Mattew: “Tassew, ngħidilkom, kulma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi.” (Mt 25,40).

Din mhix metafora jew tixbiha. Kristu verament jidentifika ruħu mal-iżgħar, mal-iskartati, mal-persuni li jbatu. Kull darba li niltaqgħu ma’ fqir, niltaqgħu ma’ sagrament ħaj tal-preżenza ta’ Kristu. Mhux Kristu li qiegħed fil-fqir, imma l-fqir huwa Kristu!

Għalhekk, meta nħobbu u naqdu lill-foqra, ma nkunux qegħdin “ngħinu lil xi
ħadd”, imma nkunu qegħdin immissu l-laħam ta’ Kristu. U meta ninjoraw persuna fil-bżonn, ma nkunux sempliċement qegħdin ninjoraw xi ħadd; imma qegħdin nitilfu laqgħa vera mal-Mulej ħaj.

F’dan is-sens huwa l-fqir li jsalvana! Mhux min jgħin isalva lil minhu fil-bżonn! Imma minhu fil-bżonn isalva lil min jgħinu! Huwa l-fqir li jinterpella l-ġenerożità u jgħinna nsiru nixbhu lill-Missier li jtella’ x-xemx tiegħu u jniżżel ix-xita tiegħu, fuq it-tajbin u fuq il-ħżiena.

6. Il-valur tal-għotja tal-foqra: lezzjoni għall-Knisja
Fil-Vanġelu ta’ San Luqa, Ġesù jfaħħar, mhux l-offerta kbira ta’ dawk li jistgħu jagħtu miż-żejjed tagħhom, imma l-ftit tal-armla fqira: “Ngħidilkom is-sew, din l-armla fqira tefgħet iktar minnhom ilkoll. Għax dawn kollha għamlu offerti miż-żejjed tagħhom, imma hi, fil-faqar tagħha, tefgħet dak kollu li kellha biex tgħix.” (Lq 21,3-4).

F’dan il-kaz il-fqir mhux biss dak li jirċievi imma dak li jagħti, propju għax jaf x’jiġifieri tirċievi. Spiss il-foqra ssibhom nies ġenerużi, għax huma stess jafu xi jfisser li tkun fil-bżonn u li ssib lil xi ħadd li jgħinek. Għalhekk huma stess ma jsibuhiex bi tqila biex jgħinu lill-ħaddieħor.

Ukoll, il-fqir jaf li l-għotja mhix għajr sinjal tal-kura u tal-attenzjoni lejn il-persuna. Il-fqir jaf li l-bniedem fil-bżonn jieħu pjaċir b’dak li tagħtih, u jieħu pjaċir aktar li ndunajt bih!, li tajt każu. Il-preżenza tiegħek għalik issir tiswa aktar mill-present li tkun tajtu.

F’dan is-sens, il-fqir mhux biss xi ħadd li jirċievi l-għajnuna, imma hu dak li
jgħallem lil min jagħti l-għajnuna. Il-fqir jgħallem lil min jagħti l-għajnuna li Alla jħares lejn il-qalb, mhux lejn il-kwantità; lejn il-fiduċja, mhux lejn il-ġest estern.

Din hi lezzjoni importanti ħafna għall-ħajja tal-Knisja: mhux biżżejjed li tagħmel proġetti, toħloq inizjattivi, tagħti kontribuzzjonijiet. Hija meħtiega attenzjoni vera lejn il-persuni, fiduċja totali fil-persuni, fiduċja ħielsa minn kondizzjonamenti ta’ klassi, ta’ sess jew ta’ razza. Fiduċja totali li toħroġ mill-għixien tal-faqar evangeliku.

7. Is-solidarjetà konkreta: stil ta’ ħajja għal dawk li jemmnu
Fl-ewwel ittra tiegħu, San Ġwann huwa dirett ħafna: “Mela jekk wieħed għandu biex jgħix fid-dinja u jara ’l ħuh fil-bżonn u jagħlaq qalbu għalih, kif tista’ l-imħabba ta’ Alla tgħammar fih?” (1 Ġv 3,17).

San Ġwann qiegħed jistedinna mhux biss biex inkunu ġenerużi, imma biex
nikkonvertu. Hija mistoqsija li tmiss lilna lkoll, saċerdoti, membri ta’ għaqdiet, insara in ġenerali.

Ir-riskju li nagħlqu qalbna qiegħed dejjem hemm:
– minħabba biża’,
– minħabba għejja,
– minħabba abitudni,
– biex niddefendu ruħna.

Il-Vanġelu jitolb lilna lkoll li jkollna qalb miftuħa, qalb ħielsa mill-preokkupazzjoni tas-sikurezzi, qalb vulnerabbli, kapaċi li kapaċi ġġiegħlna ninsew ftit il-biżgħat tagħna biex tieħu ħsieb il-feriti tal-oħrajn.

Fl-aħħar mill-aħħar, hawn tinsab l-hena Kristjana – f’li nħallu lilna nfusna niġu attratti u koinvolti mill-bżonnijiet ta’ dawk ta’ madwarna u nippruvaw ngħinuhom. San Pawl, ifakkarna f’dan il-prinċipju fundamentali meta jikkwota lil Ġesù li qal: “Min jagħti hu aktar hieni minn min jieħu.” (Atti 20,35). Il-ferħ tal-għotja mhuwiex idejaliżmu jew fantasija: hija realtà spiritwali. Meta nkunu ġenerużi, noħorġu ‘l barra minna nfusna, inħallu li l-imħabba tkabbarna, iċċartilna qalbna, u nagħmlu esperjenza tal-ferħ tal-Vanġelu.

8. Mela Imberkin il-foqra ghax huma xhieda tat-tama
Filwaqt li aħna msejħin naħdmu bil-ħila kollha tagħna biex intaffu l-faqar ta’ madwarna, ma rridux ninsew li verament il-foqra huma xhieda tat-tama.

a. Ifakkruna fil-verità tagħna
Huma xhieda tat-tama għax fis-sitwazzjoni prekarja u dgħajfa tagħhom, ifakkruna kontinwament fil-verità umana u spiritwali tagħna. Ifakkruna li hija illużjoni kbira meta naħsbu li aħna awtosuffiċjenti u onnipotenti. Ifakkruna li l-flus huma sikurezza illużorja. Ifakkruna li l-verità hi li aħna nies fil-bżonn, għandna bżonn xulxin u għandna bżonn ta’ Alla.

b. Jgħinuna naċċettaw il-parti fqira li hemm fina
Waħda mir-raġunijiet għalfejn nistgħu nħossuna ninġibdu lura meta niltqgħu ma’ fqir, hija għax inkonxjament ifakkarna fil-faqar li hemm fina. Il-foqra ta’ madwarna jisfidawna u jistednuna biex kontinwament naċċettaw il-faqar li hemm fina. Din l-aċċettazzjoni fuq livell psikoloġiku tista’ tkun sħiħa meta titkompla fuq livell spiritwali. Fi kliem ieħor, aħna nistgħu naċċettaw tassew id-dgħufijiet u l-faqar li hemm fina, meta nippruvaw inħarsu lejna nfusna bil-ħarsa ta’ ħniena li biha jħares lejna Alla. F’dinja apparentement kompetitiva u perfezzjonista, Alla jagħtina permess li nkunu aħna, dgħajfa u limitati, mingħajr il-bżonn li nilbsu maskli li jagħmluna isbaħ quddiemu jew quddiem ħutna, u dan sempliċement għax hu jħobbna b’imħabba ta’ Missier.

c. Il-foqra jsalvawna
Mhux l-għani ser isalva lill-fqir, imma l-fqir isalva lill-għani. Huwa l-fqir li meta niltaqgħu miegħu jgħinna nagħmlu l-ġudizzju tagħna nfusna – jew inħallu lill-qalbna tinfetaħ u ngħinuh, jew nagħlqu qalbna u nwarrbu minnu. Jekk inħallu lill-fqir jinterpellana u jiftħilna qalbna, inkunu qed inħallu lill-fqir jifforma fina l-qalb ta’ Kristu – inkunu tassew qed inħalluh jagħmilna Kristjani tassew.

d. Il-foqra jgħinuna nkunu Knisja ta’ Kristu
Knisja li tippreferi lill-foqra hija Knisja li miexja fid-direzzjoni t-tajba. F’dan is-sens, huma l-foqra li jsalvaw il-Knisja. Knisja ffukata fuq iċ-elebrazzjonijiet liturġiċi jew soċjo-kulturali mingħajr ma jkollha fiċ-ċentru tagħha t-tbatija tal-bniedem, issir Knisja artifiċjali mkaxkra mill-loġika tad-dinja ta’ żmienna, issir ażjenda oħra ta’ intratteniment soċjali, storiku u kulturali, f’kompentizzjoni ma’ ħafna assoċjazzjonijiet oħra li hawn madwarna. F’dan is-sens, il-Knisja tkun qed tfalli l-missojni tagħha u titbiegħed mill-Knisja ta’ Kristu.

9. X’ifisser dan kollu għalina illum
Allura, ħbieb, x’nistgħu nieħdu magħna minn din ir-riflessjoni? Għalina s
saċerdoti u nsara impenjati jfisser li nżommu kemm jista’ jkun stil ta’ ħajja
sempliċi, qrib in-nies, neħilsu mill-burokraziji żejda li mhumiex għajr mod kif
nissottolinejaw id-differenza fil-poter. Ifisser li ma nibżgħux niltaqgħu mal-fqar, u nqisuhom mhux biss bħala dawk li jdejquna u li rridu nagħmlu karità magħhom, imma bħala aħwa miexja magħna fit-triq, u bħala okkażżjoni għalina ta’ maturità fil-ħajja nisranija.

Mela, aħna mhux biss imsejħin inbiddlu l-kundizzjoni tagħhom, imma msejħin ukoll inħalluhom ibiddlu lilna. Dan ifisser li aktar milli nagħmlu proġetti għalihom, nippruvaw nimxu flimkien magħhom u huma flimkien magħna. Aktar milli noffrulhom flus u oġġetti, noffrulhom il-preżenza u l-persuna tagħna. Bl-istess mod li l-Iben ta’ Alla offra lilu nnifsu lilna, foqra u midinba.

Konklużjoni
F’dinja li spiss tqis il-valur tal-bniedem skont kemm għandu, il-Knisja hija msejħa tħares lejn il-bniedem bl-għajnejn ta’ Kristu: għal dak li hu u mhux għal dak li għandu!

Mela mhux aħna li nġibu tama lill-fqar, imma huma l-fqar dawk li jġibulna t-tama tal-Vanġelu.

Grazzi.

    Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

    Discover more from Laikos

    Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

    Continue reading