Ittra Appostolika tal-Papa Ljun XIV fl-1,700 sena mill-Konċilju ta’ Niċea

LJUN XIV
ITTRA APPOSTOLIKA
IN UNITATE FIDEI
FL-1700 ANNIVERSARJU TAL-KONĊILJU TA’ NIĊEA

1. Magħqudin bil-fidi mxandra sa mill-ewwel żminijiet tal-Knisja, l-insara għandhom is-sejħa li jimxu flimkien bl-armonija, iħarsu u jittrażmettu bl-imħabba u l-ferħ id-don li rċevew.  Din hi stqarrija li tinsab fil-Kredu: “Nemmnu f’Ġesù Kristu, Iben waħdieni ta’ Alla, li niżel mis-smewwiet għas-salvazzjoni tagħna” ifformulata mill-Konċilju ta’ Niċea, l-ewwel avveniment ekumeniku fl-istorja tal-kristjanità, 1700 sena ilu.  Jien u nitħejja għall-Vjaġġ Appostoliku fit-Turkija, b’din l-ittra nixtieq ninkoraġġixxi fil-Knisja kollha ħeġġa mġedda fl-istqarrija tal-fidi, li l-verità tagħha, li għal ħafna sekli sawret il-patrimonju li l-insara jikkondividu, jixraq li tkun mistqarra u approfondita b’mod dejjem aktar imġedded u attwali.  Rigward dan, il-Kummissjoni Teoloġika Internazzjonali approvat dokument rikk: “Ġesù Kristu, Iben Alla, Salvatur.  L-1700 anniversarju tal-Konċilju ta’ Niċea”.  Nirrikmandah għax joffri perspettivi utli biex wieħed jinżel aktar fil-fond dwar l-importanza u l-attwalità mhux biss teoloġika u ekkleżjali, iżda wkoll kulturali u soċjali tal-Konċilju ta’ Niċea. 

2. “Bidu tal-Evanġelju ta’ Ġesù, Kristu, Iben Alla”: dan hu t-titlu li San Mark jagħti lill-Evanġelju tiegħu, li fih ġabar il-messaġġ propju fis-sinjal tal-filjolanza divina ta’ Ġesù Kristu.  Bl-istess mod, l-Appostlu Pawlu jaf li hu msejjaħ biex iħabbar l-Evanġelju ta’ Alla fuq Ibnu li miet u rxoxta għalina (cfr Rum 1,9), li hu “l-iva” definittiva ta’ Alla għall-wegħdiet tal-profeti (cfr 1Kor 1,19-29).  F’Ġesù Kristu, il-Verb li kien Alla qabel iż-żminijiet u li permezz tiegħu kien issawwar kollox – jgħid il-prologu tal-Evanġelju ta’ San Ġwann -, “sar bniedem u ġie jgħammar fostna” (Ġw 1,14).  Fih Alla sar proxxmu tagħna, tant li dak kollu li nagħmlu ma kull wieħed u waħda minn ħutna nkunu qed nagħmluh miegħu (cfr Mt 25,40)

Għalhekk hi koinċidenza providenzjali li f’dis-Sena Mqaddsa, iddedikata lit-tama tagħna li hi Kristu, qed niċċelebraw ukoll l-1700 anniversarju tal-ewwel Konċilju Ekumeniku ta’ Niċea, li fis-sena 325 sawwar l-istqarrija tal-fidi f’Ġesù Kristu, Iben Alla.  U dan hu l-qofol tal-fidi nisranija.  Sal-lum, waqt iċ-ċelebrazzjoni ewkaristika ta’ nhar ta’ Ħadd nistqarru s-Simbolu Niċen-kostantinopolitan, stqarrija ta’ fidi li tgħaqqad flimkien lill-insara kollha.  Dan inissel fina t-tama fiż-żmijiniet diffiċli li ninsabu fihom, qalb il-ħafna preokkupazzjonijiet u biżgħat, theddid ta’ gwerra u vjolenza, diżastri naturali, inġustizzji gravi u sbilanċ, ġuħ u miżerja li jgħakksu lil-miljuni fost ħutna.

3. Żmien il-Konċilju ta’ Niċea ma kienx nieqes mill-inkwiet wisq anqas mil-lum.  Meta beda fis-sena 325, kienu għandhom inixxu l-feriti tal-persekuzzjonijiet kontra l-insara.  L-Editt ta’ Milan (313), li kienu ħarġu flimkien l-Imperaturi Kostantinu u Liċinu, kien donnu ħabbar iż-żerniq ta’ epoka ġdida ta’ paċi.  Wara t-theddid minn barra, madankollu, fil-Knisja ma damux ma tfaċċaw dibattiti u kunflitti.

Arju, presbiteru minn Lixandra tal-Eġittu, kien jgħallem li Ġesù mhux verament Iben Alla; imma billi lanqas kien sempliċi ħlejqa, Hu kien essri intermedju bejnna u bejn Alla li hu tant imbiegħed li ħadd ma jista’ jilħqu.  Minbarra dan, kien hemm żmien meta l-Iben “ma kienx jeżisti”.  Dan kien jaqbel mal-mentalità ta’ dak iż-żmien u għalhekk kien argument plawsibbli.

Iżda Alla ma jabbanduna qatt il-Knisja tiegħu, iqajjem dejjem fiha rġiel u nisa kuraġġużi, xhieda tal-fidi u ragħajja li jmexxu lill-Poplu u juruh it-triq tal-Evanġelju.  L-Isqof Alessandru ta’ Lixandra għaraf li t-tagħlim ta’ Arju xejn ma kien koerenti mal-Iskrittura Mqaddsa.  Peress li Arju ma wera ebda rieda li jikkollabora, Alessandru ġabar lill-Isqfijiet tal-Eġittu u tal-Libja għal Sinodu li kkundanna t-tagħlim ta’ Arju; lill-Isqfijiet kollha tal-Orjent bagħtilhom ittra biex jinfurmahom b’kollox fid-dettall.  Fil-punent ħa inizjattiva l-Isqof Osju ta’ Cordoba, fi Spanja, li fi żmien il-persekuzzjoni tal-Imperatur Massiminu bi qlubija kbira kien ta’ xhieda tal-fidi tiegħu, u li l-isqof ta’ Ruma, il-Papa Silvestru, kellu fiduċja fih.

Is-segwaċi ta’ Arju wkoll ingħaqdu sfiq.  Dan ħalaq waħda mill-akbar kriżijiet fl-istorja tal-Knisja tal-ewwel millennju.  Ir-raġuni tal-konfront, infatti, ma kienx dettal sekondarju.  Kien il-qofol tal-fidi nisranija, jiġifieri t-tweġiba għall-mistoqsija deċisiva li Ġesù kien għamel lid-dixxipli f’Ċesarija ta’ Filippu: “Intom min tgħidu li jien?” (Mt 16,15).

4. Filwqt li kompliet tisħon il-qiegħa dwar dil-kontroversja, l-Imperatur Kostantinu nduna li minbarra l-għaqda tal-Knisja, kienet mhedda wkoll l-għaqda tal-Imperu.  Għalhekk sejjaħ lill-Isqfijiet kollha għal konċilju ekumeniku, jiġifieri universali, f’Niċea, biex iġib lura l-għaqda.  Is-sinodu, magħruf bħala dak “tat-318-il Missier” kellu bħala president lill-imperatur: l-għadd tal-Isqfijiet miġburin flimkien kien wieħed bla ebda preċedent.  Uħud minnhom kien għad kellhom viżibbli s-sinjali tat-torturi li kienu għaddew minnhom waqt il-persekuzzjoni.  Il-biċċa l-kbira minnhom kienu mill-Orjent, waqt li donnu li ħamsa biss kienu mill-Punent.  Il-Papa Silvestru wera fiduċja fil-figura teoloġikament awtorevoli tal-Isqof Osju ta’ Cordoba u bagħat żewġ presbiteri rumani.

5. Il-missirijiet tal-Konċilju stqarrew il-fedeltà tagħhom lejn l-Iskrittura Mqaddsa u lejn it-Tradizzjoni appostolika, kif mistqarra fil-Magħmudija skont il-mandat ta’ Ġesù: “Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, u għammduhom fl-isem tal-Missier u ta’ l-Iben u ta’ l-Ispirtu s-Santu” (Mt 28.19).  Fil-punent kien hemm diversi forom tal-istqarrija fosthom dak li jissejjaħ il-Kredu tal-Appostli (1).  Fl-Orjent ukoll  kien hemm bosta forom ta’ professjoni batteżimali, li fl-istruttura tagħhom kienu jixxiebħu.  Ma kienx xi lingwaġġ erudit u kumplikat, iżda pjuttost – kif ingħad aktar ‘il quddiem – lingwaġġ sempliċi li setgħu jifhmuh is-sajjieda tal-baħar tal-Galilija.

Fuq dil-bażi, il-Kredu niċen jibda billi jistqarr” “Nemmen f’Alla wieħed, il-Missier li jista’ kollox, li ħalaq is-sema w l-art, dak kollu li jidher u dak li ma jidhirx” (2).  B’hekk, il-Padri konċiljari stqarrew il-fidi f’Alla wieħed u uniku.  Ma qamet ebda kontroversja dwar dan waqt il-Konċilju.  Imma saret diskussjoni dwar it-tieni artiklu, li wkoll juża lingwaġġ bibliku biex jistqarr il-fidi  “f’Ġesù Kristu, Ibnu l-waħdieni”.  Id-dibattitu kien meħtieġ bħala esiġenza ta’ tweġiba għall-kwistjoni mqajma minn Arju dwar kif kellha tkun mifhuma l-affermazzjoni “Iben Alla” u kif setgħet tirrikonċilja mal-monoteiżmu bibliku.  Għalhekk, il-Konċilju kien imsejjaħ jiddefinixxi t-tifsira korretta tal-fidi f’Ġesù bħala ‘Iben Alla”.

Il-Missirijiet stqarrew li Ġesù hu Iben Alla għax hu “mis-sustanza (ousia) tal-Missier (…) imnissel, mhux maħluq, mill-istess sustanza (homooúsios) tal-Missier”.  B’din id-definizzjoni l-Konċilju rrifjuta radikalment it-teżi ta’ Arju (3).  Biex jistqarr il-verità tal-fidi, il-Konċilju uża żewġ kelmiet “sustanza” (ousia) u “mill-istess sustanza” (homooúsios), li ma jinstabux fl-Iskrittura.  B’dan, il-Padri konċiljari wrew li ma ridux li l-filosofija griega tieħu post l-affermazzjonijiet bibliċi.  Għall-kuntrarju il-Konċilju uża dawn it-termini biex jafferma bla tlaqliq il-fidi biblika u biex jagħmel distinzjoni ċara bejnha u bejn l-iżball ellenizzat ta’ Arju.  L-akkuża tal-ellenizzazzjoni għalhekk ma tapplikax għall-Padri konċiljari ta’ Niċea, imma għad-duttrina falza ta’ Arju u s-segwaċi tiegħu.

B’mod pożittiv, il-Padri konċiljari riedu jibqgħu fermament fidili lejn il-monoteiżmu bibliku u r-realiżmu tal-inkarnazzjoni.  Riedu jisħqu li l-uniku veru Alla mhux talli mhux tant bogħod minna li ma nistgħux nilħquh, talli għall-kuntrarju, ġie qrib tagħna u ġie jiltaqa’ magħna permezz ta’ Ġesù Kristu.

6. Biex iwassal il-messaġġ tiegħu bil-lingwaġġ sempliċi tal-Bibbja u tal-liturġija familjari lill-Poplu t’Alla kollu, il-Konċilju jdur lejn xi formulazzjonijiet tal-professjoni batteżimali “Alla minn Alla, dawl minn dawl, Alla veru minn Alla veru”.  Il-Konċilju jagħmel tiegħu l-metafora biblika tad-dawl: “Alla hu dawl” (1 Ġw 1,5; cfr Ġw 1,4-5).  Bħad-dawl li jiżreġ u juri lilu nnifsu bla qatt ibatti, l-istess l-Iben hu r-rifless (apaugasma) tal-glorja t’Alla u x-xbieha (character) tiegħu (ipostasi) (cfr Lhud 1,3; 2Kor 4,4).  L-Iben inkarnat, Ġesù, għalhekk, hu d-dawl tad-dinja u tal-ħajja (cfr Ġw 8,12).  Bil-Magħmudija l-għajnejn ta’ qlubna jiddawlu (cfr Ef 1,18), biex aħna nistgħu nkunu dawl għad-dinja (cfr Mt 5,14).

Fl-aħħar, il-Kredu jafferma li l-Iben hu “Alla veru minn Alla veru: f’bosta ċirkostanzi l-Bibbja tagħmel distinzjoni bejn l-idoli mejtin u Alla veru u ħaj.  Il-veru Alla hu Alla li jitkellem u jaġixxi fl-istorja tas-salvazzjoni: Alla ta’ Abraham, Iżakk u Ġakobb, li wera ruħu lil Mosè fl-għollieq jaqbad (cfr Eż 3.14), Alla li jara l-miżerja tal-poplu, jisma’ l-għajta tiegħu, imexxih u jakkumpanjah fid-deżert bil-kolonna tan-nar (cfr Eż 13,21), ikellmu b’leħen jirbombja (cfr Dewt 5,26) u tiġih ħniena minnu (cfr Hs 11,8-9).  Għalhekk, in-nisrani hu msejjaħ biex jikkonverti mill-idoli mejta lejn Alla ħaj u veru (cfr Atti 12,25; I Tess 1,9).  F’das-sens, f’Ċesarija ta’ Filippu Xmun jistqarr : “Int il-Messija, Bin Alla l-ħaj” (Mt 16,16).

7. Il-Kredu ta’ Niċea ma jsawwarx xi teorija filosofika.  Jistqarr il-fidi f’dak Alla li fdina permezz ta’ Ġesù Kristu.  Hu Alla ħaj: Hu jrid li aħna jkollna l-ħajja u li tkun bil-kotra (cfr Ġw 10,10).   Għalhekk il-Kredu jkompli bil-kliem tal-professjoni batteżimali: Iben Alla li “niżel mis-smewwiet, għalina l-bnedmin u għall-fidwa tagħna, miet u difnuh u fit-tielet jum qam minn bejn l-imwiet, tela’ s-sema u għandu jerġa’ jiġi biex jagħmel ħaqq mill-ħajjin u mill-mejtin”.  Dan juri ċar li l-affermazzjonijiet kristoloġiċi tal-fidi tal-Konċilju huma mwaħħdin mal-istorja tas-salvazzjoni bejn Alla u l-ħlejjaq tiegħu.

San Atanasju, li kien ħa sehem fil-Konċilju bħala djaknu tal-Isqof Alessandro u kien is-suċċessur tiegħu fuq il-kattedra ta’ Lixandra tal-Eġittu, kemm-il darba sostna, ħafna drabi b’enfasi kbira, id-dimensjoni soterjoloġika li jesprimi l-Kredu ta’ Niċea.  Infatti jikteb, li l-Iben, li niżel mis-sema, “għamilna wlied il-Missier u, billi hu stess sar bniedem, iddivinizza lill-bnedmin.  Ma sarx Alla mis-sura ta’ bniedem li kellu, iżda ta’ Alla li kien sar bniedem biex itina d-divinità” (4).  Dan hu possibbli biss għaliex l-Iben kien verament Alla: fil-fatt, ebda bniedem mortali ma jista’ jirbaħ il-mewt u jsalvana; Alla biss jista’ jagħmel dan.  Hu kien li ħelisna f’Ibnu magħmul bniedem biex aħna ngħixu ta’ nies ħielsa (cfr Gal 5,1).

Fil-Kredu ta’ Niċea ta’ min jinnota l-verb ‘descendit’ «niżel».  San Pawl jiddeskrivi dan il-moviment bi kliem qawwi: «(Kristu) xejjen lilu nnifsu
billi ħa n-natura ta’ lsir; sar jixbah lill-bnedmin, u deher minn barra bħala bniedem» (Fil 2,7).  L-istess kif hemm miktub fil-prologu tal-Evanġelju ta’ San Ġwann, «il-Verb sar bniedem u ġie jgħammar fostna” (Ġw 1,14).  Għaldaqstant – tgħallimna l-Ittra lil-Lhud – «Aħna ma għandniex qassis il-kbir li ma jistax jagħder id-dgħufija tagħna, imma għandna wieħed li kien imġarrab bħalna f’kollox, minbarra d-dnub» (Lhud 4,15).  Fil-lejl ta’ qabel ma miet, miel bħal ilisir biex jaħsel riġlejn id-dixxipli (cfr Ġw 13,1-17) kien biss wara li qiegħed sebgħu fil-kustat tal-Mulej Irxoxt li l-Appostlu Tumas stqarr: «Sinjur tiegħi u Alla tiegħi!» )Ġw 20,28). 

Propju bis-saħħa tal-inkarnazzjoni tiegħu aħna niltaqgħu mal-Mulej f’ħutna fil-bżonn: «Dak li għamiltu magħhom għamiltuh miegħi» (Mt 25,40).  Għalhekk il-Kredu niċean ma jkellimniex dwar Alla mbiegħed, li ma nistgħux nilħquh, li ma jitħarrikx, mistrieħ fih innifsu, iżda dwar Alla li hu qribna, li jakkumpanjana fil-mixja tagħna tul it-toroq tad-dinja u fl-aktar imkejjen oskuri tal-art.  L-immensità tiegħu tidher mill-fatt li jiċċekken, jitneżża’ mill-maestà infinita tiegħu u jsir proxxmu tagħna fiż-żgħar u fil-foqra.  Dal-fatt jirrivoluzzjona l-kunċetti pagani u filosofiċi dwar Alla.

Kelma oħra tal-Kredu niċean għalina llum hi ta’ qawwa partikolari.  L-affermazzjoni biblika “ħa l-ġisem”,  issir aktar preċiża biż-żjieda tal-kelma “bniedem” wara l-kelma “inkarnat”.  B’hekk Niċea titbiegħed mid-duttrina falza li tqis li l-Logos kien ħa l-ġisem sempliċiment bħala dehera esterna, imma mhux ir-ruħ umana mogħnija bl-intellett u bi ħsieb ħieles.  Għall-kuntrarju jrid jafferma dak li kellu jiddikjara espliċitament il-Konċilju ta’ Kalċedonja (451): fi Kristu, Alla għamel tiegħu u feda l-essri uman sħiħ, ruħ u ġisem.  Iben Alla sar bniedem – jispjega San Atanasju – sabiex aħna l-bnedmin niksbu d-divinità (5).  Din l-intelliġenza mdawla tar-Rivelazzjoni divina kienet tħejjiet minn San Irinew ta’ Lione u minn Oriġene, u baqgħet tiżviluppa b’rikkezza kbira fl-ispiritwalità orjentali.

Id-divinizzazzjoni m’għandha x’taqsam xejn mal-awtodeifikazzjoni tal-bniedem.  Għall-kuntratrju, id-divinizzazzjoni tħarisna mit-tentazzjoni primordjali li rridu nkunu bħal Alla (cfr Ġen 3,5).  Dak li Kristu hu min-natura tiegħu aħna niksbuh permezz tal-grazzja.  Permezz tal-opra tar-redenzjoni, Alla mhux biss tana lura d-dinjità umana tagħna bħala xbieha tiegħu, imma Dak li ħalaqna b’mod meraviljuż, għamilna sehem, b’mod aktar meraviljuż, min-natura divina tiegħu (cfr 2Pt 1,4).

Id-divinizzazzjonni għalhekk, hi l-vera umanizzazzjoni.  Din hi r-raġuni għala l-eżistenza tal-bniedem tmur lil hinn minnu, tgħarrex lil hinn minnu, għandha xewqat lil hinn minnu u tibqa’ ansjuża sa ma tistrieħ f’Alla (6): Deus enim solus satiat, Alla biss jissodisfa lill-bniedem! (7)  Alla biss, fl-infinità tiegħu, jista’ jissodisfa x-xewqa infinita tal-qalb tal-bniedem, huwa għalhekk li Iben Alla ried isir ħuna u redentur.

8. Għidna li Niċea ċaħdet kompletament it-tagħlim ta’ Arju.  Iżda Arju u sħabu ma qatgħux qalbhom. L-istess imperatur Kostantinu u s-suċċessuri tiegħu ftit ftit bdew iżidu l-appoġġ tagħhom lill-arjani.  It-terminu homooúsios sar ir-raġuni ta’ tilwim bejn in-niċeni u l-anti niċeni, u qanqal aktar kunflitti gravi.  San Bażilju ta’ Ċesarija jiddeskrivi l-konfużjoni b’tixbiha elokwenti u jqabbilha ma’ battalja navali billejl waqt tempesta vjolenti (8), filwaqt li San Ilarju jagħti xhieda tal-ortodossija tal-lajċi vis a vis l-arjaniżmu ta’ bosta isqfijiet, tant li jistqarr li “widnejn il-poplu huma aktar qaddisa mill-qlub tas-saċerdoti” (9).

Il-blata tal-Kredu niċen kien San Atanasju, irriduċibbli u sod fil-fidi.  Minkejja li kien imneħħi mill-kariga tas-sede episkopali ta’ Lixandra għal ħames darbiet, kull darba reġa’ lura bħala Isqof.  Kompla jiggwida l-Poplu t’Alla bil-kitbiet u l-ittri tiegħu mill-eżilju.  Bħal Mosè, Atanasju ma setax jidħol fl-art imwiegħda tal-paċi ekkleżjali.  Dil-grazzja kienet riservata għal ġenerazzjoni ġdida, magħrufa bħala “in-niċeni żgħażagħ”: fl-Orjent, it-tliet patrijiet kappadoċi San Bażilju ta’ Ċesarija (circa 330-379) li kien mogħti t-titlu “il-Kbir”, ħuh San Girgor ta’ Nissa (330-394) u l-akbar ħabib ta’ Bażilju, San Girgor Nażjanżenu (329/330-390).  Fl-Oċċident kienu importanti San Ilarju ta’ Poitiers (circa 315-367) u l-alljiev tiegħu San Martin ta’ Tours (circa 316-397).  Imma fuq kollox San Ambroġ ta’ Milan (333-297) u Santu Wistin ta’ Ippona (345-430)

Il-mertu tat-tliet Kappadoċi, b’mod partikolari, kien li wassal għat-tmiem il-formulazzjoni tal-Kredu niċen, u wrew li l-Għaqda u t-Trinità f’Alla bl-ebda mod mhuma kuntradittorji.  F’dal-kuntest kien ifformulat l-artiklu tal-fidi dwar l-Ispirtu s-Santu fl-ewwel Konċilju ta’ Kostantinopli fis-sena 381.  Hekk, il-Kredu, li minn dak iż-żmien baqa’ magħruf bħala niċen-kostantinopolitan jistqarr: “Nemmen fl-Ispirtu s-Santu, il-Mulej li jagħti l-ħajja, li ġej mill-Missier.  Mal-Missier u mal-Iben hu meqjum u mweġġaħ u li tkellem permezz tal-profeti” (10).

Fis-sena 451, il-Konċilju ta’ Kalċedonja għaraf il-Konċilju ta’ Kostantinopli bħala wieħed ekumeniku u l-Kredu niċen-kostantinopolitan ġie dikjarat obbligatorju (11).  Għalhekk sar rabta ta’ għaqda bejn l-Orjent u l-Oċċident.  Fis-seklu XVI il-Komunitajiet ekkleżjali li nibtu mir-Riforma għamluh tagħhom ukoll bir-riżultat li l-Kredu niċen-kostantinopolitan sar l-istqarrija komuni fost it-tradizzjonijiet kristjani kollha.

9. Il-mixja mill-Iskrittura Mqaddsa sal-istqarrija tal-fidi ta’ Niċea kienet twila u lineari, wara li kien milqgħuh minn Kostantinopli u Kalċedonja, wasal sas-seklu XVI u sas-seklu tagħna, il-XXI.  Ilkoll kemm aħna l-imgħammdin, bħala dixxipli ta’ Ġesù Kristu,

 nagħmlu s-sinjal tas-salib u nitbierku “fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu”.  Il-liturġija u l-ħajja nisranija, għalhekk, huma deċiżament ankrati mal-Kredu ta’ Niċea u Kostantinopli; dak li llisnu b’fommna għandu jiġi mill-qalb biex nagħtu xhieda tiegħu b’ħajjitna.  Għalhekk irridu nsaqsu lilna nfusna: xinhi is-sitwazzjoni ta’ kif nilqgħu interjorment il-Kredu llum?  Inħossu li jolqot is-sitwazzjoni tagħna illum?  Nifhmu u ngħixu dak li ngħidu kull nhar ta’ Ħadd, u x’tifsira għandu għal-ħajjitna dak li nirreċitaw?

10. Il-Kredu ta’ Niċea jibda bl-istqarrija tal-fidi f’Alla, li jista’ kollox, li ħalaq is-sema u l-art.  Illum,  għal ħafna, Alla u l-kwistjoni ta’ Alla kważi tilfet it-tifsira kollha tagħha fil-ħajja.  Il-Konċilju Vatikan II osserva li l-insara għandhom parti mill-ħtija għal dis-sitwazzjoni għax ma jagħtux xhieda ta’ fidi vera u jaħbu l-wiċċ ta’ Alla bi stili ta’ ħajja u aġir bogħod mill-Evanġelju (12).  Kienu miġġielda gwerer, sar qtil, saru persekuzzjoniijiet u diskriminazzjoni f’isem Alla.  Minflok ħabbarna lil Alla ħanin, tkellimna dwar Alla vendikattiv li jbeżża’ u jikkastiga.

Il-Kredu ta’ Niċea għalhekk, jistedinna nagħmlu eżami tal-kuxjenza.  Xi jfisser għalija Alla u kif nagħti xhieda tal-fidi tiegħi fih?  Alla l-uniku u l-waħdieni hu verament is-sid tal-ħajja jew inkella hemm idoli aktar importanti minn Alla u l-kmandamenti tiegħu?  Hu l-Ħallieq li lilu naf dak kollu li jien u dak kollu li għandi, li l-id tiegħu insibha f’kull ħlejqa?  Lest naqsam il-ġid tal-art, li hu ta’ kulħadd, b’mod ġust u ekwu?  Kif nittratta l-ħolqien li hu opra ta’ jdejh?  Nużah b’qima u gratitudni jew nisfruttah, neqirdu, minflok nindukrah u nikkultivah bħala d-dar komuni tal-umanità (13).

11. Fil-qalba tal-Kredu niċen-kostantinopolitan tiddomina l-istqarrija tal-fidi f’Ġesù Kristu,  Mulej u Alla tagħna.  U din hi l-qalba tal-ħajja nisranija tagħna.  Għalhekk għandna nimpenjaw ruħna biex nimxu wara Ġesù  bħala Mgħallem, kumpann, ħuna u ħabib tagħna.  Iżda l-Kredu ta’ Niċea minna jitlob aktar: infatti jfakkarna li Ġesù hu l-Mulej (Kyrios), Iben Alla l-ħaj li “niżel mis-smewwiet għall-fidwa tagħna” u miet “għalina” fuq is-salib, biex jiftħilna t-triq ta’ ħajja ġdida bil-qawmien u t-tlugħ fis-sema.

Żgur li s-sekwela ta’ Ġesù mhix triq wiesa u komda, iżda dil-mogħdija, spiss impenjattiva u saħansitra ta’ tbatija, twassalna dejjem għall-ħajja u s-salvazzjoni (cfr Mt 7,3-14).  L-Atti tal-Appostli jkellmuna dwar il-ħajja l-ġdida (cfr Atti 19,9.23; 22,4.14-15.22), li hi Ġesù (cfr Ġw 14,6): is-sekwela ta’ Ġesù timpenja l-passi tagħna biex jimxu fit-triq tas-salib, li permezz tal-indiema tressaq lejn il-qdusija u d-divinizzazzjoni (14).

Ladarba Alla jħobbna bla qies, allura aħna wkoll għandna nħobbu lil xulxin.  Ma nistgħux inħobbu ‘l Alla li ma narawx bla ma nħobbu wkoll lil ħutna li naraw (cfr 1Ġw 4.20).  L-imħabba t’Alla nieqsa mill-imħabba lejn il-proxxmu hi ipokrisija; l-imħabba radikali tal-proxxmu, aktar u aktar l-imħabba tal-għedewwa, nieqsa mill-imħabba t’Alla, hi eroiżmu li jiddominana u jtaqqalna.  Fis-sekwela ta’ Ġesù, it-tlugħ lejn Alla jgħaddi minn kemm immilu lejn u kemm niddedikaw ħin għall-ħutna, speċjalment dawk tal-aħħar u l-emarġinati.  Dak li nagħmlu mal-iżgħar fost ħutna, nagħmluh ma’ Kristu (cfr Mt 2,31-46).  Quddiem il-katastrofi, il-gwerer u l-miżerja, nistgħu nkunu xhieda tal-ħniena t’Alla ma’ dawk li jiddubitaw minnu, biss u jekk, huma jġarrbu l-ħniena tiegħu permezz tagħna (15).

12. Fl-aħħar, il-Konċilju ta’ Niċea hu attwali minħabba l-valur ekumeniku kbir tiegħu.  Rigward dan wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-Konċilju Vatikan II kien li jġib l-għaqda bejn l-insara kollha (16).  Eżattament teltin sena ilu, San Ġwanni Pawlu II kompla jmexxi u jippromwovi l-messaġġ konċiljari bl-Enċiklika Ut unum sint (25 ta’ Mejju, 19195).  Għalhekk, flimkien mal-kbir anniversarju tal-ewwel Konċilju ta’ Niċea qed niċċelebraw ukoll l-anniversarju tal-ewwel Enċiklika ekumenika.  Din nistgħu nqisuha bħal manifest li aġġorna l-istess sisien ekumeniċi imqiegħda mill-Konċilju ta’ Niċea.

Għall-grazzja t’Alla, il-moviment ekumeniku kiseb ħafna riżultati tul dawn l-aħħar sittin sena.  Minkejja li l-għaqda sħiħa u li tidher mal-Knejjes Ortodossi u Ortodossi orjentali u mal-Komunitajiet ekkleżjali li qamu wara r-Riforma għadna ma wasalniex għaliha, fuq il-bażi ta’ Magħmudija waħda u tal-Kredu niċen-kostantinopolitan, id-djalogu ekumeniku ressaqna biex ngħarfu lil ħutna tal-Knejjes u l-Komunitajiet ekkleżjali l-oħra bħala ħutna f’Ġesù Kristu u biex niskopru mill-ġdid il-Komunità universali waħda tad-dixxipli ta’ Kristu fid-dinja kollha.  Infatti, aħna naqblu, għax ilkoll għandna fidi f’Alla wieħed u uniku, Missier il-bnedmin kollha, nistqarru lkoll Mulej wieħed u l-veru Iben Alla, Ġesù Kristu u l-Ispirtu s-Santu waħdieni li jispirana u jixprunana lejn l-għaqda sħiħa u x-xhieda komuni tal-Evanġelju.  Verament li dak li jgħaqqadna hu ferm aktar minn dak li jifridna! (17).  Hekk, f’dinja mifruda u mkissra minn bosta kunflitti, il-Komunità nisranija universali u waħda, tista’ tkun sinjal ta’ paċi u strument ta’ rikonċiljazzjoni u tkun kontribut deċisiv b’impenn għall-paċi mad-dinja kollha.  San Ġwanni Pawlu II fakkarna, b’mod partikolari, fix-xhieda ta’ tant martri nsara mill-Knejjes u l-Komunitajiet ekkleżjali kollha: il-memorja tagħhom tgħaqqadna u tixprunana biex inkunu xhieda u operaturi tal-paċi fid-dinja.

Biex dal-ministeru nwettquh b’mod kredibbli, jeħtieġ nimxu flimkien biex naslu għall-għaqda u r-rikonċiljazzjoni bejn l-insara kollha.  Il-Kredu ta’ Niċea jista’ jservi bħala bażi u kriterju ta’ riferiment tul dil-mixja.  Infatti, jipproponielna mudell ta’ għaqda vera fid-diversità leġittima.  Għaqda fit-Trinità, Trinità fl-għaqda, għaliex l-għaqda mingħajr moltipliċità hi tirannija, il-moltepliċità mingħajr għaqda hi diżintegrazzjoni.  Id-dinamika triniatrja mhix dualistika, qiesha xi ħaġa eskussiva ta’ jew dik jew l-oħra, iżda pjuttost rabta li tinvolvi u torbot kollox: l-Ispirtu s-Santu li aħna naduraw flimkien mal-Missier u mal-Iben, hu r-rabta tal-għaqda.  Għalhekk għandna nitfgħu wara spallejna l-kontroversji teoloġiċi li tilfu kull sens tagħhom biex niksbu mod ta’ ħsieb komuni u aktar u aktar talb komuni lill-Ispirtu s-Santu, biex ilaqqħana lkoll flimkien f’fidi waħda u mħabba waħda.

Dam ma jfissirx li nduru lura lejn l-ekumeniżmu ta’ qabel il-firdiet, u lanqas li reċiprokament nagħrfu l-istatus quo attwali tad-diversitajiet bejn il-Knejjes u l-Komunitajiet ekkleżjali, imma pjuttost ekumeniżmu li jħares lejn il-ġejjieni, ekumeniżmu ta’ rikonċiljazzjoni fit-triq tad-djalogu, ta’ skambju tad-doni u l-partimonji spiritwali.  Illi l-għaqda bejn l-insara terġa’ sseħħ mhux ħaġa li se tfaqqarna, anzi tagħnina.  Bħal f’Niċea, dan l-għan ikun possibbli bil-paċenzja f’mixja twila u kultant diffiċli, ta’ smigħ u akkoljenza reċiproka.  Hi sfida teoloġika u aktar minn hekk, sfida spiritwali li titlob indiema u konverżjoni minn kulħadd.  Għalhekk neħtieġu ekumeniżmu spiritwali tat-talb, tat-tifħir u tal-kult, kif ġara fil-Kredu ta’ Niċea u Kostantinopli.

Għalhekk, ejjew nitolbu bil-ħerqa lill-Ispirtu s-Santu biex jakkumpanjana u jiggwidana f’dil-ħidma.

Spirtu Qaddis ta’ Alla, inti tmexxi lil dawk li jemmnu tul il-mixja tal-istorja.

Niżżuk ħajr għax kont l-ispirazzjoni tas-Simboli tal-fidi u għax fil-qlub tqanqal il-ferħ tal-istqarrija tas-salvazzjoni tagħna f’Ġesù Kristu, Iben Alla, ħaġa waħda mal-Missier.  Mingħajru xejn ma nistgħu nagħmlu.

Int, Spirtu etern ta’ Alla, minn epoka għal oħra xxettel il-fidi tal-Knisja.  Għinna biex nidħlu aktar fil-fond tagħha u nerġgħu lura dejjem għal dak li hu essenzjali biex inħabbruha.

Sabiex ix-xhieda tagħna fid-dinja ma tkunx bla ħajja, ejja Spirtu s-Santu bin-nar tal-grazzja tiegħek, biex tkebbes mill-ġdid il-fidi tagħna u tixgħel fina t-tama, biex tħeġġeġ fina l-karità.

Ejja, Konsolatur divin, Int li int l-armonija, biex tgħaqqad il-qlub u l-menti ta’ min jemmen.  Ejja u tina l-grazzja li nduqu s-sbuħija tal-għaqda, tal-komunjoni.

Ejja, Imħabba tal-Missier u tal-Iben, biex tiġborna f’merħla waħda ta’ Kristu.

Urina t-toroq li għandna nterrqu, biex permezz tal-għerf tiegħek nerġgħu nisru dak li aħna fi Kristu: ħaġa waħda, sabiex id-dinja temmen.  Ammen.

Mill-Vatikan, 23 ta’ Novembru, 2025, Solennità ta’ Sidna Ġesù Kristu Sultan tal-Univers.

LEONE PP. XIV

______________________________

[1] Denzinger – Hünermann, Enchiridion Symbolorum, Bologna 2018 (d’ora in poi DH), 30.

[2] Ibid., 125.

[3] Mid-dikjarazzjonijiet ta’ Sant’Atanasju f’Contra Arianos I, 9, jidher ċar li homooúsios ma jfissirx “ta’ sustanza ugwali,” iżda “tal-istess sustanza” mal-Missier; għalhekk mhijiex kwistjoni ta’ ugwaljanza ta’ sustanza, iżda ta’ identità ta’ sustanza bejn il-Missier u l-Iben. It-traduzzjoni Latina ta’ homooúsios għalhekk titkellem b’mod ġust dwar unius substantiae cum Patre (cfr DH 125).

[4] Contra Arianos I, 38, 7- 39, 1.

[5] Cfr De incarnatione, 54, Contra Arianos I, 39; 42; 45; II, 59ss.

[6] Santu Wistin, Stqarrijiet, 1.

[7] San Tumas ta‘ Akwinu, In Symbolum Apostolorum, a. 12.

[8] San Bażilju, De Spiritu Sancto, 30.

[9] San Ilarju, Contra Arianos, vel Auxentium, 6. Konxju tal-ilħna tal-Padri, it-teologu għaref, aktar tard Kardinal u llum Qaddis u Duttur tal-Knisja John Henry Newman (1801-1890) investiga din it-tilwima u wasal għall-konklużjoni li l-Kredu Niċen ġie ppreservat fuq kollox mis-sensus fidei tal-poplu ta’ Alla. Ara “Il-konsultazzjoni mal-Fidili fi Kwistjonijiet Dottrinali” (1859).

[10] DH 150. Id-dikjarazzjoni “li ġej mill-Missier u mill-Iben (Filioque)” ma tinstabx fit-test ta’ Kostantinopli; ġiet imdaħħla fil-Kredu Latin mill-Papa Benedittu VIII fl-1014 u hija s-suġġett tad-djalogu Ortodoss-Kattoliku.

[11] DH 300.

[12] Conc. Ecum. Vat. II, Cost. past. Gaudium et spes, 19.

[13] Cfr Franġisku, Enċ. Laudato si’ (24 ta’ Mejju, 2015), 6778124.

[14] Cfr Id., Eżort. app. Gaudete et exsultate (19 ta’ Marzu, 2018), 92.

[15] Cfr Id., Franġisku, Enċ. Fratelli tutti (3 ta’ Ottubru, 2020), 67254.

[16] Cfr Konċ Vat II, Digriet. Unitatis redintegratio, 1.

[17] Cfr San Ġwanni Pawlu II, EnċUt unum sint (25 ta, Mejju, 1995), 20.

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading