Omelija tal-Papa Ljun XIV f’Beirut Waterfront

VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
FIT-TURKIJA U L-LIBANU
B’PELLEGRINAĠĠ F’İZNIK (IT-TURKIJA)
FL-OKKAŻJONI TAL-1,700 ANNIVERSARJU TAL-EWWEL KONĊILJU TA’ NICEA
(27 ta’ Novembru – 2 ta’ Diċembru 2025)

QUDDIESA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA
“Beirut Waterfront” (Bejrut)
L-Erbgħa 2 ta’ Diċembru 2025

Għeżież ħuti,

Fi tmiem dawn il-ġranet intensi, li qsamna bil-ferħ, niċċelebraw ir-radd ta’ ħajr tagħna lill-Mulej għal tant doni tat-tjieba tiegħu, għall-mod kif qed isir preżenti f’nofsna, għall-Kelma li joffrilna bil-kotra u għal dak li tana li ngħixu flimkien.

Anki Ġesù – kif għadna kemm smajna fil-Vanġelu – għandu kliem ta’ gratitudni għall-Missier u, waqt li jdur lejh, jitlob u jgħidlu: “Infaħħrek, Missier, Sid is-Sema u l-art” (Lq 10:21).

Imma d-dimensjoni tat-tifħir mhux dejjem issib wisa’ fina. Xi drabi, imtaqqlin mit-taħbit tal-ħajja, imħassbin għall-għadd ta’ problemi li għandna madwarna, ipparalizzati għax ma nafux x’naqbdu nagħmlu quddiem il-ħażen u magħfusa minn tant sitwazzjonijiet diffiċli, iktar naqgħu għar-rassenjazzjoni u t-tgergir, milli għall-istagħġib u għar-radd ta’ ħajr.

L-istedina biex nikkultivaw dejjem atteġġjamenti ta’ tifħir u ta’ gratitudni nagħmilha proprju lilkom, għażiż poplu Libaniż. Lilkom li intom destinatarji ta’ ġmiel rari li bih il-Mulej żejjen lil artkom u li, fl-istess waqt, intom spettaturi u vittmi ta’ kif il-ħażen, f’għadd ta’ forom, jista’ jifga dan il-kobor.

Minn din l-ispjanata li tagħti għal fuq il-baħar, anki jien nista’ nikkontempla l-ġmiel tal-Libanu kif tgħannih l-Iskrittura. Il-Mulej ħawwel hemm iċ-ċedri tiegħu, temagħhom u saqqiehom (ara Salm 104:16), fewwaħ l-ilbies tal-għarusa tal-Għanja tal-Għanjiet bil-fwieħa ta’ din l-art (ara Għan 4:11), u lil Ġerusalemm, belt qaddisa mlibbsa bid-dawl għall-miġja tal-Messija, huwa jħabbrilha: “Ġmiel il-Libanu jiġi għandek, iċ-ċipress u ċ-ċedru u l-bux magħhom, għat-tiżjin tat-tempju mqaddes tiegħi, u għas-sebħ ta’ mirfes riġlejja” (Iż 60:13).

Imma fl-istess waqt dan il-ġmiel hu mdallam minn faqar u tbatija, minn ġrieħi li mmarkaw l-istorja tagħkom – għadni kemm kont nitlob fil-post tal-isplużjoni, fil-port –; hu mdallam minn tant problemi li jifnukom, minn kuntest politiku dgħajjef u spiss instabbli, mill-kriżi ekonomika drammatika li qed tagħfas fuqkom, mill-vjolenza u mill-kunflitti li reġgħu qanqlu biżgħat qodma.

F’xenarju ta’ dan it-tip, il-gratitudni faċilment iċċedi postha għall-qtigħ il-qalb, il-kant ta’ tifħir ma jsibx spazju fid-deżolazzjoni tal-qalb, l-għajn tat-tama tisfa mnixxfa mill-inċertezza u mid-diżorjentament.

Imma l-Kelma ta’ Alla tistedinna nsibu d-dwal żgħar li jixegħlu fil-qalba tal-lejl, kemm biex jiftħuna għall-gratitudni u kemm biex jixprunawna għall-impenn komuni favur din l-art.

Kif għadna kemm smajna, ir-raġuni għar-ringrazzjament ta’ Ġesù lill-Missier mhijiex mimħabba xi opri straordinarji, imma għax juri l-kobor tiegħu proprju liċ-ċkejknin u lill-umli, lil dawk li ma jiġbdux l-attenzjoni, li jidhru li jiswew ftit jew xejn, li ma għandhomx leħen. Fil-fatt, is-Saltna li Ġesù jiġi biex iniedi għandha proprju din il-karatteristika li dwarha tkellem il-profeta Iżaija: hija twarrad, bħal rimja ċkejkna li tisponta minn zokk (ara Iż 11:1), tama ċkejkna li twiegħed it-twelid mill-ġdid meta kollox jidher qed imut. Hekk jiġi mħabbar il-Messija u, meta jiġi fiċ-ċkunija ta’ rimja ċkejkna, jista’ jiġi rikonoxxut biss miċ-ċkejknin, minn dawk li mingħajr pretensjonijiet jafu jagħrfu d-dettalji moħbija, il-ħjiel ta’ Alla fi storja li tidher mitlufa.

Hija indikazzjoni għalina wkoll, biex jista’ jkollna għajnejn biex nagħrfu ċ-ċokon tar-rimja li tinbet u tikber imqar qalb ġrajjiet ta’ niket. Dwal ċkejkna li jilmaw fil-lejl, rimjiet ċkejkna li jinbtu, żerriegħa ċkejkna miżrugħa fil-ġnien niexef ta’ dan iż-żmien storiku nistgħu nilmħuhom aħna wkoll, hawn ukoll, illum ukoll. Qed naħseb fil-fidi sempliċi u ġenwina tagħkom, b’għeruqha fil-familji tagħkom u msaħħa mill-iskejjel Insara; qed naħseb fil-ħidma kontinwa tal-parroċċi, tal-kongregazzjonijiet u tal-movimenti biex jindirizzaw il-mistoqsijiet u l-ħtiġijiet tan-nies; qed naħseb f’tant saċerdoti u reliġjużi li jgħixu l-missjoni tagħhom qalb l-għadd ta’ diffikultajiet; qed naħseb fil-lajċi bħalkom impenjati fil-qasam tal-karità u fil-promozzjoni tal-Vanġelu fis-soċjetà. Għal dawn id-dwal li b’ħafna taħbit jippruvaw idawlu d-dlam tal-lejl, għal dawn ir-rimjiet ċkejkna u inviżibbli li imma jiftħu t-tama fil-futur, illum jeħtieġ ngħidu bħal Ġesù: “infaħħruk, o Missier!”. Irroddulek ħajr għax int tinsab magħna u ma tħalliniex nitbandlu.

Fl-istess waqt, din il-gratitudni ma għandhiex tibqa’ faraġ intimistiku u illużorju. Għandha twassalna għall-bidla tal-qalb, għall-konverżjoni tal-ħajja, biex inqisu li hu sewwasew fid-dawl tal-fidi, fil-wegħda tat-tama u fil-ferħ tal-imħabba li Alla ħaseb ħajjitna. U, għalhekk, aħna lkoll imsejħin nikkultivaw dawn ir-rimjiet, biex ma naqtgħux qalbna, biex ma nċedux għal-loġika tal-vjolenza u tal-idolatrija tal-flus, biex ma nirrassenjawx ruħna quddiem il-ħażen li jinfirex.

Kulħadd għandu jagħmel il-parti tiegħu u lkoll għandna ngħaqqdu l-isforzi tagħna biex din l-art tista’ tirritorna għall-ġmiel tagħha. U għandna mod wieħed biss kif nagħmlu dan: inżarmaw il-qlub tagħna, inġarrfu l-korazzi tal-għeluq etniku u politiku tagħna, niftħu l-konfessjonijiet reliġjużi tagħna għal-laqgħa reċiproka, inqajmu fil-ġewwieni tagħna l-ħolma ta’ Libanu magħqud, fejn jittrijonfaw il-paċi u l-ġustizzja, fejn kulħadd jista’ jagħraf li aħna aħwa u fejn, saflaħħar, jista’ jseħħ dak li jfissrilna l-profeta Iżaija: “Il-lupu jibda jgħix mal-ħaruf, il-leopard mal-gidi, u jirgħu flimkien l-għoġol u ferħ l-iljun, daqsxejn ta’ tfajjel isuqhom” (Iż 11:6).

Din hija l-ħolma fdata lilkom, hi dak li Alla tas-sliem iqiegħed f’idejkom. Libanu, qum! Kun dar ta’ ġustizzja u ta’ fraternità! Kun profezija ta’ paċi għal-Lvant kollu!

Ħuti, nixtieq intenni jiena wkoll il-kliem ta’ Ġesù: “Infaħħrek, o Missier”. Ngħolli l-gratitudni tiegħi lejn il-Mulej, li qsamt magħkom dawn il-jiem, waqt li nġorr f’qalbi t-tbatijiet tagħkom u t-tamiet tagħkom. Nitlob għalikom, biex din l-art tal-Lvant tkun dejjem imdawla mill-fidi f’Ġesù Kristu, xemx tal-ġustizzja, u grazzi għalih tħares it-tama li ma tgħib qatt.

____________________________

Appell fi tmiem il-Quddiesa

Għeżież ħuti,

F’dawn il-jiem, bl-ewwel Vjaġġ Appostoliku tiegħi, f’din is-Sena Ġubilari, xtaqt niġi pellegrin tat-tama fil-Lvant Nofsani, nitlob lil Alla d-don tal-paċi għal din l-art maħbuba, immarkata minn instabbiltà, gwerer u tbatija.

Għeżież Insara tal-Lvant, meta r-riżultati tal-isforzi tagħkom għall-paċi jdumu ma jaslu, nistedinkom terfgħu ħarsitkom lejn il-Mulej li ġej! Inħarsu lejh bit-tama u l-kuraġġ, u nistiednu lil kulħadd jimxi fit-triq tal-konvivenza, tal-fraternità u tal-paċi. Kunu bennejja tal-paċi, ħabbara tal-paċi, xhieda tal-paċi!

Il-Lvant Nofsani għandu bżonn ta’ atteġġjamenti ġodda, biex jirrifjuta l-loġika tal-vendetta u tal-vjolenza, biex jegħleb il-qasmiet politiċi, soċjali u reliġjużi, biex jiftaħ kapitli ġodda ta’ rikonċiljazzjoni u ta’ paċi. It-triq tal-ostilità reċiproka u tal-qerda fl-orrur tal-gwerra mxejnieha għal wisq żmien twil, bir-riżultati mistkerrha li jinsabu taħt għajnejn kulħadd. Hemm bżonn nibdlu t-triq, hemm bżonn nedukaw il-qalb għall-paċi.

Minn din il-pjazza, jiena nitlob għal-Lvant Nofsani u għall-popli kollha li qed ibatu minħabba l-gwerra. Noffri wkoll talb b’awgurju għal soluzzjoni paċifika tal-kontroversji politiċi attwali fil-Guinea Bissau. U ma rridx ninsa l-vittmi tan-nirien f’Hong Kong u l-familji tagħhom.

Nitlob b’mod speċjali għall-maħbub Libanu! Nitlob mill-ġdid lill-komunità internazzjonali biex ma tħalli ebda sforz barra biex tippromovi proċessi ta’ djalogu u rikonċiljazzjoni. Nagħmel minn qalbi appell lil dawk li għandhom l-awtorità politika u soċjali, hawn u fil-pajjiżi kollha mmarkati minn gwerer u vjolenzi: agħtu widen għall-karba tal-popli tagħkom li qed jittallbu l-paċi! Ejjew inkunu kollha għas-servizz tal-ħajja, tal-ġid komuni, tal-iżvilupp integrali tal-persuni.

U lilkom, Insara tal-Lvant, li bil-jedd kollu intom ċittadini ta’ dawn l-artijiet, intennilkom: kuraġġ! Il-Knisja kollha tħares lejkom bi mħabba u ammirazzjoni. Il-Verġni Marija, Sidtna ta’ Harissa, tindukrakom dejjem!

Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading