SOLENNITÀ TAL-KONĊEPIMENT IMMAKULAT
TAL-BEATA VERĠNI MARIJA
IL-PAPA LJUN XIV
ANGELUS
Pjazza San Pietru
It-Tnejn, 8 ta’ Diċembru, 2025
Għeżież ħuti, il-festa t-tajba!
Illum niċċelebraw is-Solennità ta’ Konċepiment Immakulat tal-Beata Verġni Marija. Nesprimu l-ferħ tagħna għax il-Missier tas-Sema riedha “tkun meħlusa għal kollox mit-tebgħa tad-dnub oriġinali” (cfr Beatu Piju IX, Kost. app. Ineffabilis Deus, 8 ta’ Diċembru, 1854), kollha innoċenti u qaddisa biex għas-salvazzjoni tagħna jafdalha “lil Ibnu l-waħdieni” (…) li ħabbu bħalu nnifsu (ibid).
Lill-Marija l-Mulej taha l-grazzja straordinarja ta’ qalb kompletament safja, bi tħejjija għal miraklu ferm akbar: il-miġja fid-dinja, bħala bniedem, ta’ Kristu s-Salvatur (cfr Lq 1,31-33). Il-Verġni Marija saret taf b’dan, bl-istagħġib tipiku tal-umli, mit-tislima tal-Anġlu: “Ifraħ, mimlija bi-grazzja: il-Mulej miegħek” (v. 28) u bil-fidi qalet “l-iva” tagħha: “Hawn jien il-qaddejja tal-Mulej: ħa jsir minni skont kelmtek” (v. 38).
F’kumment dwar dal-kliem, Santu Wistin jgħid li “Marija emmnet u fiha seħħ dak li emmnet” (Sermo 215, 4). Id-don tal-milja tal-grazzja fit-tfajla ta’ Nazaret seta’ jħalli l-frott għaliex hi, bil-libertà tagħha, laqgħetu u ħaddnet il-proġett ta’ Alla. Il-Mulej dejjem hekk jaħdem: itina rigali kbar, iżda jħallina liberi naċċettawhomx jew le. Għaldaqstant Wistin iżid: “Nemmnu aħna wkoll, għax dak li seħħ fiha jista’ jkun ta’ fejda għalina wkoll” (ibid). Hekk, dil-festa li tferraħna minħabba s-sbuħija bla tebgħa ta’ Omm Alla, tistedinna wkoll biex nemmnu, kif emmnet hi, u nagħtu l-kunsens ġeneruż tagħna għall-missjonni li għaliha jsejħilna l-Mulej.
Il-miraklu li għal Marija seħħ fil-konċepiment, għalina ġġedded fil-Magħmudija: meħlusin mid-dnub tan-nisel, sirna ulied Alla, għamara tiegħu u tempju tal-Ispirtu s-Santu. U kif Marija bi grazzja speċjali setgħet tilqa’ ġewwa fiha lil Ġesù u ttih lill-bnedmin, l-istess “il-Magħmudija tippermetti li Kristu jgħammar fina u lilna, li ngħixu magħqudin miegħu, biex mal-Knisja, nikkollaboraw, kulħadd skont il-kundizzjoni tiegħu/tagħha, fit-trasformazzjoni tad-dinja” (Franġisku Katekeżi, 11 ta’ April, 2018).
Għeżież, id-don tal-Konċepiment Immakulat hu kbir, imma huwa kbir ukoll id-don tal-Magħmudija li rċevejna! “L-iva” ta’ Omm il-Mulej hi meraviljuża, imma tagħna tista’ tkun meraviljuża wkoll, jekk tiġġedded fedelment kuljum, bi gratitudni, umiltà u perseveranza, bit-talb u bl-opri ta’ mħabba konkreti, ibda mill-ġesti l-aktar straordinarji sal-aktar atti ta’ servizz banali u ordinarju. Hekk, Ġesù jista’ jsir magħruf kullimkien, milqgħuh u maħbub biex is-salvazzjoni tasal għal kulħadd.
Nitolbu dan illum lill-Missier, bl-interċessjoni tal-Immakulata, waqt li flimkien nitolbu bil-kliem li Hi kienet l-ewwel waħda li emmnet.
Wara l-Angelus
Għżież ħuti!
Insellem b’għożża lilkom ilkoll, rumani u pellegrini mill-Italja u minn inħawi oħra tad-dinja, partikolarment lill-fidili minn Molina de Segura, fi Spanja, lill-Assoċjazzjoni kulturali “Firenze in Armonia” u “liż-żgħażagħ tal-Immacolata”. Inbierek minn qalbi lill-grupp minn Rocca di Papa u l-fjakkola lil biha se jixgħelu l-Istilla tal-Milied fuq il-fortizza ta’ dik il-belt sabiħa.
Tislima speċjali lis-soċi tal-Azzjoni Kattolika Taljana, li llum, fil-komunitajiet parrokkjali jiċċelebraw il-Jum tat-Tesserament. Nawgura lil kulħadd attività formattiva u appostolika abbundanti, biex ikunu xhieda kredibbli tal-Evanġelju.
Lilkom, għeżież rumani u pellegrini, intikom appuntament għal-lum waranofsinhar fi Piazza di Spagna fejn, skont it-tradizzjoni, inqim lill-Madonna Immakulata. Inqegħdu fl-interċessjoni tagħha it-talb bla waqfien tagħna għall-paċi.
Nawgura lil kulħadd festa hienja fid-dawl ta’ Ommna ċelesti. Arrivederci!
Miġjub għall-Malti minn Joe Huber